It-Tletin Jum tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Minn Monsinjur Ġużeppi Farrugia

IT-TLIETA TAL-ĦAMES ĠIMGĦA

Ġw 8,21-30 – Num 21,4-9

“Agħtina, Mulej, li naqdu bla heda r-rieda tiegħek, biex il-poplu qaddis tiegħek f’din il-ħajja jikber dejjem fit-tjieba u fl-għadd.”

[Il-knisja ta’ “Santa Maria in Via Lata” hi l-istazzjon kwareżimali tallum, knisja li aktarx hi mibnija fuq id-dar li fiha qagħad l-appostlu Pawlu fiż-żmien li għaddha taħt arrest fid-dar sal-martirju tiegħu. Jidher li dan hu kkonfermat minn xhieda arkeoloġika. Il-knisja ta’ adorazzjoni Ewkaristika tallum, li tinsan f’Via del Corso, issostitwiet oħrajn qabilha.]

It-talba ewlenija tar-Randan illum għandha b’intenzjoni waħdanija li nitgħallmu “naqdu bla heda r-rieda ta’ Alla”. Din hi talba serja, għax titlob minna l-ewwelnett li nkunu nafu x’inhi r-rieda t’Alla u titlob minna wkoll li quddiem ir-rieda t’Alla nkunu lesti li nċedu r-rieda u l-prijoritajiet tagħna.

U x’irid minna Alla? Irid l-ewwelnett is-salvazzjoni ta’ ruħna, jiġifieri, li nagħmlu dak kollu li bih nikbru fit-“tjieba” jiġifieri fil-qdusija. Alla jrid minna wkoll li nagħmlu dak li bih il-Knisja tikber “fil-għadd”. Irid, jiġifieri, li nkunu Nsara ta’ eżempju tajjeb, ta’ xhieda tajba u ta’ ħidma id f’id ma’ Kristu li jevanġelizza fil-Knisja tiegħu u permezz tal-Knisja tiegħu.

Nitolbu, f’dal-ħames jum ta’ devozzjoni Marjana, sabiex Marija, addolorata taħt is-Salib, issaħħaħna bit-talb tagħha biex infittxu dejjem ir-rieda t’Alla.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading