Ix-xrara tat-tama


Il-Ħamis 17 ta’ Marzu, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

It-tama Nisranija hi virtù umli u qawwija li ssostnina biex ma negħrqux taħt il-ħafna diffikultajiet li nħabbtu wiċċna magħhom matul il-ħajja. Dan kien il-messaġġ tal-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

 

Ġesù jitkellem mad-dutturi tal-liġi u jafferma li Abraham feraħ bit-tama biex jara l-jum ta’ Alla. It-tama hi fundamentali fil-ħajja tan-Nisrani, qal il-Papa.

Abraham kellu t-tentazzjonijiet tiegħu tul il-mixja mimlija tama tiegħu imma hu emmen u obda lill-Mulej u telaq lejn l-art imwiegħda.

Allura, hemm xi ħaġa li qiesha ‘nixxiegħa ta’ tama’ li tgħaqqad l-istorja kollha tas-salvazzjoni u li hija l-għajn tal-ferħ.

Illum il-Knisja tkellimna dwar il-ferħ li jiġi mit-tama, qal il-Papa. Fl-ewwel talba tal-quddiesa tlabna l-grazzja t’Alla biex nibqgħu fit-tama tal-Knisja, għax din ma tqarraqx. U meta Pawlu jitkellem dwar missierna Abraham, jgħidilna: ‘Hu emmen kontra kull tama.’ Meta tonqos it-tama umana hemm dik it-tama li tmexxina ‘l quddiem, umli imma sempliċi. Imma din tagħti ferħ kbir fiż-żminijiet tal-paċi biss, imma tagħti s-sigurtà li t-tama ma tiddiżappuntax: it-tama ma tiddiżappuntax.

Dan il-ferħ ta’ Abraham jikber tul l-istorja. Kultant, ammetta l-Papa, tkun moħbija, ma tidhirx; kultant tidher ċara. Il-Papa semma bħala eżempju lil Eliżabetta fit-tqala, li ferħet biż-żjara ta’ qaribtha Marija. Hu l-ferħ tal-preżenza t’Alla, li jimxi mal-poplu tiegħu. U fejn hemm il-ferħ, hemm il-paċi. Din hi l-virtù tat-tama: mill-ferħ għall-paċi.

Din it-tama, tenna l-Papa, qatt ma tiddiżappunta, lanqas fil-waqtiet tal-iskjavitù, meta l-poplu t’Alla kien fl-eżilju.

Din in-‘nixxiegħa tat-tama’ tibda b’Abraham, li tkellem m’Alla, u tintemm b’Ġesù. Il-Papa għalhekk tkellem dwar il-karatteristiċi ta’ din it-tama. Fil-fatt wieħed jista’ jgħid li għandu l-fidi u l-karità, imma hu aktar diffiċli titkellem dwar it-tama.

Meta tistaqsi: Għandek tama? Għandek il-ferħ tat-tama?, iweġbuk: Ma nifhimx, tista’ tispjega? It-tama hi dik il-virtù umli li tnixxi taħt l-ilma tal-ħajja, imma li żżommna milli negħrqu f’tant diffikultajiet, biex ma nitilfux dik ix-xewqa li naraw ‘l Alla, li nsibu dak il-wiċċ meraviljuż li darba għad niltaqgħu miegħu.

Illum hu tajjeb li naħsbu dwar dan: l-istess Alla li sejjaħ lil Abraham u ġiegħlu jitlaq minn artu mingħajr ma kien jaf fejn sejjer, hu l-istess Alla li jmut fuq is-Salib biex iġib fil-milja tagħha l-wegħda li kien għamel.

Hu l-istess Alla li fil-milja taż-żmien iqiegħed fis-seħħ din il-wegħda li ssir realtà għalina lkoll. U dak li jgħaqqad l-ewwel waqt mal-aħħar wieħed hu n-‘nixxiegħa tat-tama’. Dak li jgħaqqad il-ħajja Nisranija tiegħi mal-ħajja Nisranija tagħna, minn waqt għall-ieħor, biex dejjem nibqgħu mexjin ‘il quddiem, midinbin imma mexjin, huwa t-tama.

Dak li jtina l-paċi fil-mumenti koroh, fl-aktar waqtiet mudlama tal-ħajja, huwa t-tama. It-tama ma tiddiżappuntax: dejjem lesta, siekta, umli, imma qawwija, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.