Quddiesa fil-Junior College f’Jum id-Duluri


Il-Ġimgħa 18 ta’ Marzu 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa mal-istudenti u l-għalliema tal-Junior College, fil-festa ta’ Marija Addolorata.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Junior College, Msida

Nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet li jippruvaw jispjegaw is-sinjifikat ta’ din il-festa li aħna l-Maltin nagħmlu eżatt ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. L-okkażjoni tal-lum tistedinna nieqfu ftit biex nirriflettu fuq il-preżenza ta’ Omm Ġesù taħt is-salib. Hija preżenza ta’ solidarjetà, hija preżenza ta’ sapport, hija ta’ eżempju għalina. L-istint tal-omm iwassalha biex tkun fejn Binha fi kwalunkwe sitwazzjoni.

Kull meta mmur il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, nistaqsi ftit x’inhuma l-visiting hours tal-familjari, u meta niltaqa’ mar-residenti ta’ din il-Faċilità nistaqsihom “Imma jiġi jarak xi ħadd?” Jekk ikun xi ħadd ta’ età żagħżugħa l-ewwel risposta li jagħtik hija, “kultant tiġi ommi”. L-inmates ftit iktar anzjani, ir-risposta tagħhom tkun ħafna iktar differenti. Imma l-omm, hu fejn hu binha ssibha dejjem, speċjalment ekk tkun tista’ u tkun ta’età żagħżugħa. Hekk ukoll fiż-żjajjar tiegħi fl-isptarijiet niltaqa’ ma’ pazjenti tal-età tagħkom u dawk ftit ikbar, u ninżerta nkun fil-visiting hours, l-ewwel li ma tilmaħ hija l-omm.

Illum irridu nieqfu ftit biex nirrealizzaw – għal min kellu din ix-xorti, għax mhux għal kulħadd – kemm l-ommijiet tagħna huma preżenza qawwija u importanti anke fil-mumenti diffiċli tagħna. Omm Ġesù ma setgħatx ma tkunx hemm, bl-istint tagħha ta’ omm. Imma hija wkoll omm, li mhux qegħda preżenti biss għax ma tistax tabbanduna lil Binha minħabba l-istint matern, imma qegħda hemm biex turi sapport, kif semmejt fil-bidu. Qegħda tipparteċipa fl-għażliet li qiegħed jagħmel għax meta kellu 40 ġurnata, u Ġesù kien tarbija fi ħdanha, ħaditu t-Tempju u s-saċerdot Xmun qalilha, “dan se jkun sinjal li jmeruħ”, u wkoll, “sejf jinfidlek ruħek”. Minn din il-profezija, ħafna ikonografija tad-Duluri jġibu lill-Madonna bl-istallet. Dan mhux għax bl-istess mod li Lonġinu nifed lil Ġesù kien hemm xi ħadd ieħor li nifdilha qalbha bl-istallet. Huwa simbolu ta’ din il-profezij, li Marija ta’ Nazzaret semgħatha meta t-tarbija tagħha Ġesù kellu 40 ġurnata, fil-preżentazzjoni tiegħu fit-Tempju. Dan l-istallet tad-dulur, li huwa parallel mal-lanza li tinfed lil qalb ta’ Ġesù wara l-mument tal-mewt tiegħu hija sapport f’din l-għażla tiegħu li jagħti ħajtu.

Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, kapitlu 10, Ġesù jgħid, ‘ħadd ma joħodli ħajti, jien nagħtiha’, u se jagħtiha bl-iktar mod kiefer, ta’ diżunur, għaliex is-salib kienet il-mewta riservata għall-iskjavi. Hu li ġie biex jeħles lill-poplu, jmut il-mewt ta’ lsir. U Ommu qegħda hemm, tagħtih is-sapport kollu, hija u tara l-profezija ta’ Xmun isseħħ. Allura hi qegħda tgħum f’baħar ta’ dulur kbir.

Jiena nixtieq insellem ukoll lil tant ommijiet li jgħumu f’baħar ta’ dulur minħabba wliedhom. Dalgħodu fil-media nternazzjonali xxandret intervista’ qasira ma’ omm żagħżugħa ħafna li qiegħda tistenna fil-fruntiera bejn il-Greċja u l-Maċedonja, fil-kesħa, fil-bard u fix-xita, u kienet għadha kemm welldet tarbija. Qalet li għall-grazzja t’Alla t-tarbija tagħha ma ġralha xejn, imma hemm trabi oħra li qed imutu fl-isptar fejn kienet. U għamlet appell lill-Ewropa, lill-kontinent, lill-kultura li aħna parti minna, biex ma nagħlqux il-qalb tagħna.

Jekk id-Duluri jrid ikollha sens fil-kuntest tagħna, irid jkollha wkoll is-sens li aħna nieqfu u ngħidu: matulek ja sena, bil-mod kif tkellimt fuq il-proxxmu, bil-mod kif ġibt ruħi, jiena kont ta’ sapport għall-batut, jew kont razzist? Jew kont arroganti? Il-kliem tiegħi kien inklussiv, jew kien jeskludi lil xi ħadd? Dawn huwa eżami li rrid nagħmel anke jien, l-Isqof tagħkom. Il-kliem tiegħi kien jeskludi lil xi ħadd? Illum, fid-Duluri, mhux kwistjoni biss ta’ purċissjonijiet devozzjonali, imma li nieqfu u ngħidu, ‘jiena quddiem il-tbatija u quddiem l-esklużjoni, se nkun bħal Marija, ta’ sapport għal min hu batut, jew se naħrab?’

It-tielet ħsieb li nixtieq naqsam magħkom huwa li taħt is-salib Marija hija xhud ta’ għażliet li għamlet bħala dixxiplu. Kif tafu, il-kelma xhud,bil-Grieg hija μάρτυς (martus), hija martri, għaliex tixhed għall-għażliet li għamlet. Anke l-konsegwenzi tagħhom ifissru tbatija. U llum ta’ min nistaqsu, f’ambjent fejn hawn diversi opinjonijiet, tant atteġjamenti għall-fidi, għal Ġesù, għal Knisja, jiena se jkolli l-kuraġġ nieqaf taħt is-salib ta’ Ġesù, anke meta l-preżenza tiegħi tkun preżenza skomda, f’minoranza, meta jiena se nħossni emarġinat, meta jien immaqdar jew ridikolat. Marija tħares lejn Ġesù u nimmaġina li dawn il-preokkupazzjonijiet ma tagħtix kashom, mhux biss minħabba l-istint matern, mhux biss għax hija ta’ sapport lejn Ġesù, imma għax lesta tħallas il-prezz li tkun dixxiplu ta’ Binha. Mhux biss omm, imma dixxiplu.
Għalhekk f’dan il-Jum tad-Duluri, jiena nistedinkom, l-ewwelnett ma taqtgħux qalbkom li tkunu preżenza sabiħa ta’ Nsara fil-kuntest li fih qegħdin. Mhux il-mument li taħrab minn dibattiti, minn konverżazzjonijiet u li tiddejjaq tgħid min int, jew x’inhuma l-valuri tiegħek. Ma ninsew qatt li meta Ġesù jitkellem fuq is-Saltna, ma jitkellimx fuq affarijiet kbar, jitkellem fuq ftit ħmira, jitkellem fuq ftit żerriegħa ċkejkna, fuq ftit dawl, fuq il-melħ: kollha huma kwantitajiet żgħar imma li jagħmlu differenza. Din hija t-tama tan-Nisrani, din hija wkoll il-ferħ tiegħu, li għalkemm ċkejken, għalkemm f’minoranza, għalkemm kultant imkasbar, jagħmel differenza. Dik hija wkoll il-preżenza ta’ Marija taħt is-salib.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.