Il-Quddiesa praesente cadavere tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca


L-Erbgħa 23 ta’ Marzu 2016: Illum fl-4:00 p.m. saret il-Quddiesa præsente cadavere tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, ċċelebrata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Miegħu kkonċelebraw l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech, l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P., l-Isqof Emeritu Silvestru Magro u l-Vigarju Ġenerali ta’ Malta, Mons. Joe Galea Curmi.

Għall-Quddiesa attendiet l-E.T. il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sinjur Preca. Attendew ukoll l-Onorevoli Evarist Bartolo f’isem il-Prim Ministru, rappreżetanti tal-Awtoritajiet Ċivili u l-Korp Diplomatiku. Attendew ukoll seminaristi, kappillani, saċerdoti djoċesani u reliġjużi, u l-pubbliku.

L-Ewwel Qari nqara mis-Sur Charles Buttiġieġ, li kien il-PRO tal-Arċisqof Mercieca. Is-Salm Responsorjali nqara mis-Sur Ishmael Cocker u t-Tieni Qari nqara mis-Sur Joe Farrugia. L-Evanġelju nqara mid-Djaknu Rev. Claude Mifsud.

Fl-Omelija, l-Arċisqof Charles J. Scicluna rrefera għall-qari tal-profeta Isaija u qal li l-Arċisqof Emeritu kien ‘qaddej’ li kien totalment disponibbli għar-rieda t’Alla. Huwa rrefera għat-tfulija u ż-żgħożija tiegħu fil-gżira t’Għawdex meta, qal l-Arċisqof, kellu moħħ u widnejn miftuħa għall-kelma tal-Mulej. L-Arċisqof Scicluna rrefera għall-Arċisqof Mercieca bħala ‘ragħaj għal kull staġun’, bħalma kien San Tumas More. L-umiltà, il-ħlewwa, il-fidi, il-kuraġġ, il-fidi, il-kuraġġ, id-djalogu u l-ftehim kienu l-virtujiet ewlenin tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ddeskriva lil Mons. Mercieca bħala bniedem li wera kuraġġ quddiem it-tgħajjir u l-persekuzzjoni, u kien difensur tal-libertà mingħajr qatt ma ċeda. Għalkemm kien hemm mumenti ta’ tbatija, kien hemm ukoll mumenti ta’ ferħ, bħal meta laqa’ lil Papa Ġwanni Pawlu II fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fiż-żjara tiegħu fl-1990. L-Arċisqof iddeskriva lil Mons. Mercieca bħala ġawhra u glorja tal-gżira għażiża t’Għawdex.

“L-Arċisqof Mercieca kien Missier ta’ kulħadd mingħajr eċċezzjoni,” fejn bil-paternita’ saċerdotali tiegħu kien persuna li kien qrib is-saċerdoti u qrib il-morda u l-anzjani. L-Arċisqof irringrazzja lil familja Tabone, il-persuni li kienu jieħdu ħsiebu, u lill-familja Mercieca.

L-Arċisqof Scicluna qal li mill-Arċisqof Mercieca għandna nitgħallmu li bħala bnedmin għandna noffru spazju għal kulħadd fejn verament kulħadd ikun ‘aħwa fi Kristu’.
It-talb tal-fidili nqara mis-Sur Ġorġ Baldacchino. L-Offerti ttellgħu mis-Sinjura Joyce Tabone, is-Sinjura Catherine Camilleri, is-Sur Daniel Mercieca, is-Sur Anton Mercieca, is-Sinjura Sylvia Riolo u s-Sur Joe Aquilina.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Kon-Katidral ta’ San Ġwann

“Morru l-belt għand it-tali u għidulu: ‘qallek l-Imgħallem is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi’” (Mt 26, 18). Dan il-kliem mill-Evanġelju ta’ San Mattew jintroduċina llum l-Erbgħa tat-Tniebri għal dawn it-tliet ijiem speċjali li nibdew minn għada filgħaxija u li fihom infakkru s-siegħa ta’ Ġesù, is-siegħa tal-arrest, it-tortura, il-passjoni, il-mewt tiegħu u li jwassluna għall-ferħ tal-Għid, il-qawmien tiegħu mill-imwiet. Din is-siegħa meta l-Mulej jitgħolla biex jiġbed lid-dinja lejn il-qalb ħanina tiegħu. Nistgħu ngħidu li l-mewt li hija passaġġ, li hija pass ħaj ta’ kull ragħaj spiritwali, hija wkoll siegħa ta’ tbatija, is-siegħa li minnha jgħaddi mill-mewt, mill-ġudizzju, għall-ħajja. Is-siegħa li fiha r-ragħaj jiltaqa’ mar-Ragħaj ta’ dejjem, Ġesù Kristu, li jgħannqu miegħu u jgħidlu: “idħol fil-hena ta’ Sidek, qaddej fidil u għaqli”.

Aħna ġejna hawnhekk qabel xejn illum biex inġeddu l-fidi tagħna fil-qawmien mill-imwiet, fil-maħfra tad-dnubiet, fix-Xirka tal-Qaddisin. Qegħdin noffru s-sagrifiċċju ta’ Ġesù stess għall-ħuna u missierna l-Arċisqof Emeritu Ġużeppu Mercieca b’suffraġju imma wkoll b’ringrazzjament.

Il-kelma ta’ Alla llum hija dik tal-ġurnata u l-profeta Isaija, li jinqara’ f’dawn il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa, jitkellem fuq qaddej, qaddej li huwa totalment disponibbli għar-rieda ta’ Alla u li lest jagħti ħajtu anke f’mumenti diffiċli ħafna, anke meta huwa ffaċċjat mit-theddid u l-persekuzzjoni, għax il-fiduċja tiegħu hija fil-Mulej.

Imma dan il-kuraġġ tal-qaddej ta’ Alla jiġi mill-ubbidjenza tiegħu “Sidi l-Mulej fetaħli widinti u jien ma webbistx rasi” (Is 50, 5). Il-Mulej feta il-widna tal-qalb u l-widna tar-ruħ ta Ġużeppi Mercieca hu u jitrabba fil-gżira għażiża ta’ Għawdex u jieħu l-fidi minn ommu u minn missieru, mill-parroċċa ta’ San Ġorġ martri, fir-Rabat Għawdex, mis-Seminarju, minn ħutu s-saċerdoti, u anke l-Capranica ġewwa l-belt ta’ Ruma. Ġużeppi Mercieca qatt ma webbes rasu quddiem il-kelma u r-rieda tal-Mulej mhux għax ma kienx persuna determinata, jew sod fil-kelma tiegħu, imma quddiem Alla kien ta’ doċilità eżemplari. “Sidi l-Mulej fetaħli widinti u jien ma webbistx rasi”.

L-ewwel tagħlima li nieħdu mir-ragħaj u missier li ħalliena, imma li għadu magħna fix-Xirka tal-Qaddisin, hija din id-disponibbiltà, li aħna fl-istorja ta’ ħajjitna, fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja, ikunu xi jkunu, ngħarfu l-kelma tal-Mulej. Bil-għaqal tiegħu jgħidilna: ‘tippretendux li dejjem is-sajf,’ għalkemm ix-xita ftit rajna minna dis-sena, imma f’kull ħajja, anke kull ħajja ta’ nazzjon ikun hemm is-sajf, ikun hemm ir-rebbiegħa, ikun hemm ukoll il-ħarifa u xi ftit xitwa wkoll. Hu kien ragħaj għal kull staġun. Dak li jingħad fuq St Thomas More joqgħod tajjeb ukoll għal Mons. Mercieca: ‘A man for all seasons’ li baqa’ bniedem ta’ umiltà, ta’ ħlewwa, ta’ fidi u ta’ kuraġġ kemm fix-xitwa u kemm fir-rebbiegħa.

Huwa tana eżempju, li l-aħħar kelma hija l-kelma tar-raġuni, tal-ftehim, ta’ djalogu. Hija lezzjoni li ngħożżu u li nirringrazzjaw lill-Mulej. Aħna u nitgħallmu minnu, irridu nifhmu li din hija lezzjoni li qed jagħtina l-Mulej permezz ta’ Mons. Mercieca. “Sidi l-Mulej fetaħli widinti u jiena ma webbistx rasi, ma ħbejtx wiċċi mit-tgħajjir u l-bżieq”. Kien bniedem li wera kuraġġ kbir meta kellu bżonn juri kuraġġ kbir quddiem il-kuntrarju, quddiem il-vjolenza, quddiem il-persekuzzjoni: “Sidi l-Mulej jgħini, għalhekk ma nitħawwadtx”.
Imma ma ninsew qatt ukoll il-ferħ u t-tbissima fuq wiċċu meta f’dan il-Kon-Katidral laqa’ lil San Ġwann Pawl II fl-ewwel żjara tiegħu fl-1990. Ix-xitwa kienet għaddiet u f’Mejju tal-1990, dik ir-rebbiegħa ħelwa li tat nifs lill-Knisja li reġgħet sabet il-libertà li għandha bżonn.

Jiena nsellimlek, għażiż Mons. Mercieca talli inti kont difensur tal-libertà mingħajr qatt ma ċedejt għat-tentazzjoni tal-vjolenza, jew tax-tixwix. Insellimlek talli int kont missier ta’ kulħadd mingħajr eċċezzjoni. Jiena wieħed minn dawk it-326 saċerdot li inti ordnajt għall-Ordni Sagri – nibqgħu niftakru fil-paternità spiritwali li dejjem urejt magħna anke meta kellek bżonn tgħaddilna xi kelma iebsa, forsi b’xi espressjoni Għawdxija li mhux dejjem nifhmu mal-ewwel imbagħad terġa tispjegahielna b’paċenzja kbira, u dejjem tispiċċa b’dik l-espressjoni “u l-Madonna tgħinek” – u anke San Ġużepp.

Kellu devozzjoni speċjali, nistgħu naħsbu li hija naturali, lejn San Ġużepp. San Ġużepp fuq Ġesù, uża’ din il-paternità spiritwali li kienet ta’ għożża, ta’ kura. Aħna nirringrazjaw lill-Mulej talli fl-Arċisqof Ġużeppi Mercieca tana dan l-eżempju sabiħ ta’ paternità spiritwali. Għalhekk inħossu li tlifna missier aħna llum. Il-missier naturali, ngħożżuh u meta nitilfuh, nibkuk u llum ukoll nibku it-telfa tal-missier spiritwali tagħna.

Jiena nixtieq nirringrazzja lilek, għażiża President tar-Repubblika, nixtieq nirringrazzja lill-Ororevoli Prim Ministru, rappreżentat mill-Ministru Evarist Bartolo, tal-kooperazzjoni sħiha, tal-preżenza tagħom. Nirringrazzja lill-Ispeaker, lill-Ġudikatura, lill-membri tal-Parlament tagħna. Nixtieq imma nirringrazzja lill-familja Tabone: lil Joyce, lil Kate u anke lil George id-driver – mingħajr ma ninsa’ lil Charles Buttigieg li qara l-lezzjoni – dawn huma nies li lil Mons. Mercieca wrewh lealta kbira. Insellem ukoll lill-membri tal-familja tiegħu li ġew minn Għawdex, u lill-għażiż Isqof Mario. Hija preżenza lil din id-djoċesi li tatna dan ir-rigal għaliex Ġużeppi Mercieca huwa ġawrha u glorja tal-gżira għażiża ta’ Għawdex.

Aħna, mingħajr ma jistqollna gawdejna mill-għerf, mill-għaqal, mit-tjubija ta’ dan ir-raġel kbir. “Emmint u għalhekk tkellimt” (2 Kor 4, 13). Kull kelma li lissen Mons. Mercieca kienet ġejja minn fidi qawwija fil-Mulej, kienet mnissla ukoll minn tama li aħna ngħaddu mid-dlam għad-dawl u li aħna msejħin għall-glorja biex il-grazzja li hija l-ħniena, li hija l-imħabba ta’ Alla, tilħaq ħafna bnedmin oħra u b’hekk jitkattar ir-radd ta’ ħajr għall-glorja ta’ Alla (v 6). “Emmint u għalhekk tkellimt”. Jekk f’ġismu kellu jġorr il-mewt ta’ Ġesù, ta’ bniedem dgħajjef li kien, imma offra ħajtu biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù. Ma kienx oratur straordinarju imma l-kelma tiegħu kienet essenzjali, li tikkomunika l-fidi lill-qalb ta’ dak li jkun, imma fuq kollox dak li kien jattirak lejn Ġesù fih, kienet l-imħabba tiegħu għal kulħadd b’mod speċjali l-morda u l-batuti.

Dan huwa patrimonju li ħallielna Mons. Mercieca u li aħna ngħożżu, li tiegħu nirringrazzjaw lill-Mulej, u nwegħdu lil dan l-għażiż missier tana li ħalliena, li nitgħallmu minnu, li fil-qalb tagħna jkun hemm spazju u post għal kulħadd biex inkunu tassew: “ilkoll aħwa fi Kristu”. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem, Amen.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.