It-Tridu ta’ l-Għid fil-Ġublew tal-Ħniena

Print Friendly, PDF & Email

11. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 23 ta’ Marzu 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Ir-riflessjoni tagħna fuq il-ħniena ta’ Alla l-lum tintroduċina għat-Tridu ta’ l-Għid. Se ngħixu l-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt imqaddsa bħala mumenti qawwija li jippermettulna nidħlu dejjem iżjed fil-misteru kbir tal-fidi tagħna: il-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Kollox, f’dawn it-tlitt ijiem, jitkellem dwar il-ħniena, għax jurina sa fejn kapaċi tasal l-imħabba ta’ Alla. Se nisimgħu r-rakkont ta’ l-aħħar jiem ta’ ħajjet Ġesù. L-evanġelista Ġwanni joffrilna l-muftieħ biex nifhmu s-sens profond tagħhom: “Hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1).

L-imħabba ta’ Alla hi bla limiti. Kif kien itenni ta’ spiss Santu Wistin, hi mħabba li “tasal sa l-aħħar bla ma għandha tmiem”. Alla tassew joffri kollox għal kull wieħed u waħda minna u xejn ma jżomm għalih. Il-Misteru li nqimu f’din il-Ġimgħa Mqaddsa hu storja kbira ta’ mħabba li ma tħalli xejn iwaqqafha. Il-Passjoni ta’ Ġesù tibqa’ sa l-aħħar tad-dinja, għax hi storja li fiha hu jaqsam fit-tbatija tal-bnedmin kollha, storja ta’ preżenza permanenti fil-ġrajjiet tal-ħajja personali ta’ kull wieħed u waħda minna. Insomma, it-Tridu ta’ l-Għid hu memorjal ta’ dramm ta’ mħabba li jagħtina ċ-ċertezza li qatt m’aħna waħidna fil-provi tal-ħajja.

F’Ħamis ix-Xirka Ġesù jwaqqaf l-Ewkaristija, u f’din l-ikla ta’ l-Għid iħabbar minn qabel is-sagrifiċċju tiegħu fuq il-Golgota. Biex ifiehem lid-dixxipli l-imħabba li qed tmexxih, jaħslilhom riġlejhom, biex hekk għal darb’oħra jagħtihom hu l-eżempju ta’ kif huma stess għandhom jaġixxu. L-Ewkaristija hi l-imħabba li ssir qadi. Hi l-preżenza sublimi ta’ Kristu li jixtieq jitma’ lil kull bniedem, fuq kollox lill-iżjed dgħajfa, biex jagħmilhom kapaċi jwettqu mixja ta’ xhieda qalb id-diffikultajiet tad-dinja. Mhux hekk biss. Meta jingħata għalina bħala ikel, Ġesù jurina li jeħtieġ nitgħallmu naqsmu dan l-ikel ma’ l-oħrajn biex isir komunjoni vera ma’ dawk kollha li huma fil-bżonn. Hu jingħata għalina u jitlobna nibqgħu Fih biex nagħmlu l-istess.

Il-Ġimgħa l-Kbira hi l-quċċata ta’ din l-imħabba. Il-mewt ta’ Ġesù, li fuq is-salib jintelaq f’idejn il-Missier biex joffri lid-dinja kollha s-salvazzjoni, tesprimi l-imħabba mogħtija sa l-aħħar, bla tmiem. Imħabba li trid tħaddan lil kulħadd, ħadd eskluż. Imħabba li tinfirex f’kull żmien u f’kull post: għajn bla tarf ta’ salvazzjoni li minnha kull wieħed u waħda minna, midinbin, jista’ jixrob. Jekk Alla wriena l-ogħla mħabba tiegħu fil-mewt ta’ Ġesù, mela anki aħna, imnisslin mill-ġdid mill-Ispirtu s-Santu, nistgħu u għandna nħobbu lil xulxin.

U, fl-aħħar, Sibt il-Għid hu l-jum tas-silenzju ta’ Alla. Għandu jkun jum ta’ skiet, u għandna nagħmlu minn kollox biex għalina jkun sewwa sew jum ta’ skiet, kif kien dak in-nhar: il-jum tas-skiet ta’ Alla. Ġesù midfun fil-qabar jaqsam ma’ l-umanità kollha t-traġedja tal-mewt. Hu skiet li jitkellem u jesprimi l-imħabba bħala solidarjetà ma’ dawk li minn dejjem kienu abbandunati, li l-Iben ta’ Alla jilħaqhom biex jimla dak il-vojt li l-ħniena bla tarf ta’ Alla l-Missier biss tista’ timla. Alla jisket, imma għax iħobb. F’dan il-jum l-imħabba – dik l-imħabba siekta – issir stennija għall-ħajja tal-qawmien. Ejjew naħsbu f’Sibt il-Għid: jagħmlilna tajjeb naħsbu fis-silenzju ta’ Marija, “Dik li emmnet”, li fis-sikta stenniet il-Qawmien. Il-Madonna għandha tkun għalina l-ikona ta’ dak is-Sibt qaddis. Naħsbu ħafna kif il-Madonna għexet dak is-Sibt qaddis; fl-istennija. Hi l-imħabba li ma tiddubitax, imma li tittama fil-kelma tal-Mulej, biex tidher kollha ġmiel nhar l-Għid.

Dan hu kollu misteru kbir ta’ mħabba u ta’ ħniena. Kliemna hu fqir wisq u m’huwiex biżżejjed biex jesprimih b’mod sħiħ. Tista’ tgħinna l-esperjenza ta’ xebba, mhux tant magħrufa, li kitbet paġni sublimi fuq l-imħabba ta’ Kristu. Kien jisimha Ġuljana ta’ Norwich; ma kinitx taf tikteb u taqra, din ix-xebba li kellha viżjonijiet tal-Passjoni ta’ Ġesù u li mbagħad, meta ngħalqet f’kunvent, fissret, b’lingwaġġ sempliċi, imma profond u intens, is-sens ta’ l-imħabba ħanina. Qalet hekk: “U l-Mulej twajjeb tagħna staqsieni: ‘Kuntenta li jiena batejt għalik?’. Jien weġibtu: ‘Iva, twajjeb Mulej, u nirringrazzjak ħafna; iva, twajjeb Mulej, ħa tkun imbierek’. Għalhekk Ġesù, il-Mulej twajjeb tagħna, qalli: ‘Jekk int kuntenta, anki jien kuntent. Li batejt il-passjoni għalik, dan għalija hu ta’ ferħ kbir, ta’ hena, ta’ hena dejjiem; u kieku stajt inbati iżjed, hekk kont nagħmel”. Dan hu Ġesù tagħna, li lil kull wieħed u waħda minna qed jgħidlu: “Li kieku stajt inbati iżjed għalik, hekk kont nagħmel”.

Kemm hu sabiħ dan il-kliem! Iħallina nifhmu tassew l-imħabba immensa u bla tarf li l-Mulej għandu għal kull wieħed u waħda minna. Inħallu tgeżwirna din il-ħniena li toħroġ tiltaqa’ magħna; f’dawn il-jiem, waqt li nżommu ħarsitna msammra fuq il-passjoni u l-mewt tal-Mulej, ejjew nilqgħu bil-qalb il-kobor ta’ mħabbtu, u dan nagħmluh bħall-Madonna nhar Sibt il-Għid, fis-skiet, fl-istennija tal-Qawmien.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Leave a Reply

%d bloggers like this: