L-Arċisqof jiċċelebra t-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej


Il-Ħamis, 24 ta’ Marzu 2016: Ħamis ix-Xirka filgħaxija, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Matul din il‑Quddiesa, fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Arċisqof ħasel riġlejn numru ta’ persuni. Dawn kienu koppja miżżewġa ta’ Maltin, koppja miżżewġa ta’ refuġjati mill-Eritrea li ngħataw dar mill-Kummissjoni Emigranti tal-Knisja f’Malta; omm u żewġ uliedha minn Dar Qalb ta’ Ġesù li tilqa’ fiha persuni li għaddew minn esperjenzi ta’ vjolenza domestika; persuna bla dar li sab kenn f’Dar Suret il-Bniedem; raġel b’diżabilità li l-Arċisqof iltaqa’ miegħu waqt il-purċissjoni tad-Duluri fil-Belt Valletta; u ħaddiem tal-artiġjanat Malti. Fi tmiem il‑Quddiesa, l‑Arċisqof wassal is‑Sagrament Imqaddes fil‑Kappella tar‑Ripożizzjoni, għall‑qima tal‑Insara.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Fit-talba tal-Knisja llum, dik li aħna nsejħula l-‘kolletta’, li tiġbor l-intenzjonijiet importanti tal-Quddiesa li nkunu qegħdin niċċelebraw; aħna fakkarna lil xulxin għaliex inġbarna hawnhekk.

Sagrifiċċju u Ikla
Il-kliem ta’ din it-talba jgħid li “nġbarna biex niċċelebraw l-Ikla qaddisa meta Ġesù, l-Iben waħdieni tal-Missier, qabel ma ngħata l-mewt, ħalla lill-Knisja s-sagrifiċċju l-ġdid li jibqa’ għal dejjem u l-ikla ta’ mħabbtu”. Is-sagrifiċċju u l-ikla huma ż-żewġ dimensjonijiet tal-Quddiesa. Il-kelma ‘Quddiesa’ hija kelma antika ħafna li għadhom jużaw fl-Orjent, biex infakkru li dak li nagħmlu huma l-misteri qaddisa. Din il-kelma ġejja mill-fatt li aħna niċċelebraw meta aħna niltaqgħu: ħaġa tassew qaddisa, u għalhekk aħna bil-Malti nsejħulha l-Quddiesa.

Hemm ħafna kliem ieħor li jispjega dak li qegħdin nagħmlu llejla u dak li nagħmlu bħala Nsara, biex infakkru dak li għamel Ġesù magħna. Hemm il-kelma ‘Ewkaristija’ li tfisser ringrazzjament; il-kelma ‘missa’ li ġejja mill-fatt li wara din il-quddiesa, wara din l-Ewkaristija, ahna mibgħutin biex ngħixu dak li nkunu ċċelebrajna. Sagrifiċċju u ikla. Is-sagrifiċċju huwa dak li qrajna dwaru fl-Ewwel Qari (Eż 12, 1-8. 11-14) meta l-Mulej ikkmanda li jinqatel ħaruf u li d-demm tiegħu jixxerred fuq il-poplu bħala offerta u bħala fidwa. Is-sagrifiċċju huwa ta’ tpattija, is-sagrifiċċju hija talba li titlob il-ħniena tal-Mulej, is-sagrifiċċju huwa sinjal ta’ fidwa.

Ikla ta’ Mħabba
Dak li qegħdin niċċelebraw illejla, li huwa l-għerq ta’ kull Quddiesa li nqaddsu, huwa wkoll ikla ta’ mħabba. L-ewwelnett hija ikla tal-imħabba tal-Mulej. Fl-Evanġelju li għadu kemm ixxandar mid-Djaknu (Ġw 13, 1-15), il-Kelma ta’ Alla minn San Ġwann, tfakkarna li l-Mulej li kien ħabb lil tiegħu, “ħabbhom għall-aħħar” (v.1). Ma setax iħobbhom iżjed milli ħabbhom; ħabbhom ukoll sa l-aħħar konsegwenzi tal-għotja tiegħu, li kien it-tixrid ta’ demmu fuq is-salib: “ħabbhom għall-aħħar”.

Il-ġest li għamel il-Mulej tal-ħasil tar-riġlejn irid ifisser din l-għotja ta’ mħabba, irid juri li l-misteri li niċċelebraw ma jagħmlux sens jekk ma jistednuniex kontinwament biex naħslu riġlejn xulxin: “Kif għamiltilkom jien hekk għamlu intom lil xulxin” (v 14). U dan huwa kmand, mandatum, huwa sinjal li aħna tassew segwaċi tiegħu: “Minn dan jgħarfukom jekk intom tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (v 15).

Nimitaw lil dak li ħabbna
Mela dan is-sagrifiċċju ġdid u din l-ikla ta’ mħabba mhumiex biss ritwal li jissodisfa s-sentimenti u l-istinti reliġjużi tagħna, imma hija ċelebrazzjoni ta’ dak li għamel Ġesù u ta’ dak li jibqa’ jagħmel fil-Knisja tiegħu. “Agħmel,” din it-talba tal-Knisja llum: “Agħmel li minn misteru hekk kbir nieħdu l-imħabba u l-ħajja fil-milja kollha tagħhom” (Kolletta). Ejjew nimitaw lil dak li ħabbna u ħabbna sa’ l-aħħar. Ejjew nimitaw lil dak li huwa l-ħajja li ġiet fid-dinja, li dak kollu li sar, sar bih u li ta ħajtu għalina. Aħna u nimitawh, nieħdu l-imħabba u l-ħajja fil-milja kollha tagħhom.

L-Ewkaristija tqarribna lejn Alla u bejnietna
L-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw, il-Quddiesa li niċċelebraw hija tqarbin, tqarribna lejn Alla u bejnietna. Kelma oħra sabiħa semitika li aħna nużaw għal dan is-sagrament: ‘tqarbin’. Fil-Lvant jużaw il-kelma ‘urban’ ukoll: li inti tqarreb il-bniedem lejn Alla u lill-bnedmin bejniethom. F’dinja fejn m’għadux iżjed moda li nitkellmu fuq id-dimensjoni traxxendentali, dik li tħares lejn Alla, il-kelma ‘tqarbin’ tistedinna biex ma ninsewx din id-dimensjoni tal-eżistenza tagħna: li aħna l-ħarsa tagħna trid tkun ukoll ’l fuq lejn is-sema.

Ma ninsewx ukoll id-dimensjoni orizzontali, dik li tqarribna lejn xulxin f’dinja fejn sfortunatament l-inġustizzja tiġġenera l-mibegħda, u l-mibegħda tiġġenera t-terroriżmu. Kemm għandna bżonn din id-dimensjoni tal-Ewkaristija li tqarribna lejn xulxin, li hija komunjoni, kelma oħra li aħna nużaw, ‘komunjoni’. Intom tirrealizzaw li l-ġest tal-ħasil tar-riġlejn għandu dawn id-dimensjonijiet: aħna qegħdin nimitaw lill-Mulej u l-Imgħallem tagħna li ta ħajtu għalina, li neża’ l-mantar tad-divinità fil-misteru tal-Inkarnazzjoni u sar qaddej, qaddej tal-bnedmin biex jerfagħhom lejn Alla, iqarribhom lejn il-Ħallieq, jagħtihom il-milja tal-imħabba u tal-ħajja.

Aħna u nibdew dawn il-jiem qaddisa u solenni li jwassluna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid il-Kbir, ejjew nitolbu li bl-umiltà kollha nidħlu fl-iskola ta’ Ġesù ta’ Nazaret, skola ta’ mħabba u ta’ ħajja.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.