Il-bidlainn

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap 

M’hemmx isbaħ milli bniedem jinbidel għat-tajjeb. Il-bidla turi li bniedem ma jistaġnax. Anzi! Jinfetaħ għall-iżvilupp! Jinfetaħ għall-ħajja!

Bħalissa l-istaġun tar-rebbiegħa jgħinna biex naħsbu ħafna aktar fil-fond dwar din ir-rejaltà kbira. Ara ftit kif jinbidlu l-fjuri. Ara t-temp kif jieħu sfumatura oħra. Ejjew ma mmorrux ‘il bogħod! Ara kif tinbidel saħansitra l-burdata tagħna f’dawn iż-żminijiet. It-temp sabiħ tar-rebbiegħa iġagħlna nħossuna aħjar. Ferm aħjar! Il-jiem sbieħ jagħtuna kuraġġ ħalli naffaċċjaw ix-xtiewi ta’ ħajjitna b’determinazzjoni. B’konvinzjoni li ebda maltemp li qatt ġie u m’għaddiex! Pożittiv! Pożittiv! Dejjem pożittiv!

Issa jekk hemm xi ħaġa pożittiva hija li int u jien, jekk nemmnu, ħajjitna ma tispiċċax hawn. Allaħares l-aħħar kelma ta’ ħajti għandha tkun il-marda li biha mmut. Inkella l-ġrieħi li nkun ġarrabt f’inċident. Li kieku dawn u oħrajn ikunu sempliċiment l-aħħar kliem tal-eżiżtenza tiegħi allura jiena tassew inkun ta’ min jitħassarni. U, fil-fatt, jibkini!

Imma le! Għalija li nemmen teżiżti ħajja ferm isbaħ minn hawn. Ħajja fejn fiha hemm biss il-Jum ta’ Dejjem. Saħansitra ħajja imħaddna mill-Jum ta’ Dejjem. Mela ħajja mibdula mill-Jum ta’ Dejjem. Kemm inbatu hux f’din il-ħajja. Minn kemm ngħaddu minn inkwiet. Ġieli iġibuhulna l-oħrajn. U ġieli wkoll nġibu aħna stess b’idejna għax tad-demm u l-laħam aħna. Imma hu x’inhu l-każ teżiżti ċertezza ċara kristall: l-għelt ta’ din il-ħajja għad jgħaddi! Kemm nieħu kuraġġ meta naqra l-wegħda li hemm miktuba bl-iswed fuq l-abjad fil-Ktieb tal-Apokalissi: “Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel” (Apk 21:4).

Dan għadda minnu Ġesù stess! Kemm sawtuh! Kemm beżqulu! Kemm għajruh! Kemm insultawh! Kemm ikkalunjawh! Imma hu, kif jgħidilna tajjeb il-Profeta Iżaija, “ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu” (Iż 53:7). Għall-mentalità tallum Ġesù hu fidil. Fallut. Ma jiswiex l-ilma li jixrob. Imma, nerġa’ ngħid, din hija l-mentalità tal-iblah u mhux tal-għaref. Hija l-mentalità ta’ min jeżiżti u mhux ta’ min jgħix. L-għaliex l-għaref il-ħajja tgħallmu kontinwament ħaġa importanti: “Il-ħażin ħżunitu teqirdu” (Salm 34:22). Mela l-ħażen ejjew inwarrbu minnufih! Ma fhiex lant!

Minflok Ġesù jgħallimna din it-tagħlima kbira: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen   bit-tajjeb” (Rum 12:21). Huma jinsultawh u hu jitlob għalikom. Ibiċċruh u jberrikom. Jgħajruh u lill-Missierna tas-Sema jgħidlu minn fuq is-Salib: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Għax dejjem ħalla ħajtu f’idejn Missierna tas-Sema! “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46).

U l-Missier “qajjmu mill-imwiet” (Atti 3:15). Bħalma jqajjem lili u lilek kull darba li “nitimgħu lil min hu bil-ġuħ, nisqu lil min hu bil-għatx, illibbsu lil min hu għarwien, nilqgħu lil min hu bla dar, inżuru lill-marid, inżuru lill-ħabsi, nidfnu lill-mejtin, …  nagħtu parir tajjeb lill-ħosbien, ngħallmu lil min ma jafx, inwiddbu lill-midneb, infarrġu lill-imnikket, naħfru l-ħtijiet, nistabru b’min idejjaqna, nitolbu ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin” (Misericordiae Vultus, 15).

Iqajjimna minn issa l-Missier għall-ħajja ta’ dejjem miegħu! Fil-ferħ tal-ħajja tas-Sema! Għax jibdilna f’imħabbtu mimlija ħniena għalik u għalija: Ġesù Imqajjem mill-mewt!

L-Għid Qaddis ħija! Oħti!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading