Il-Ħniena tal-Mulej hija t-triq tal-paċi


Il-Ħadd 3 ta’ April 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-festa tal-Ħniena Divina tal-Mulej, fis-Santwarju tal-Ħniena Divina, in-Naxxar.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Santwarju tal-Ħniena Divina, Naxxar

L-Evanġelju li għadna kemm smajna (Ġw 20, 19-31) jgħaqqad iż-żewġt iĦdud mill-ġimgħa li għaddiet sa’ dan il-Ħadd li fih qegħdin niċċelebraw il-Ħadd tal-Ħniena Divina. Dakinhar tal-qawmien, il-Mulej juri lilu nnifsu fiċ-ċenaklu fejn id-dixxipli tiegħu ngħalqu b’biża’ kbir, f’ansjeta’ kbira u l-ewwel kelma tiegħu mhijex kelma ta’ ċanfira imma: “il-Paċi magħkom” (Ġw 20, 19). Din il-frażi ssir t-tislima tiegħu. It-tislima ta’ Ġesù rxoxt hija tislima ta’ paċi; Alla tagħna huwa Alla tal-paċi.

Il-mistoqsija tiġina: ‘aħna, kif se ngħixu l-esperjenza tal-paċi li jagħtina Ġesù?’. Hemm triq waħda, li hija l-ħniena tiegħu.

Il-ħniena tal-Mulej hija t-triq tal-paċi. Mingħajr il-ħniena tal-Mulej, aħna m’aħniex kapaċi nassiguraw il-paċi lilna nfusna u lanqas bejnietna għaliex bir-rieda tajba kollha tagħna, ħafna drabi, nogħtru f’dak li nixtiequ nagħmlu ta’ ġid u nispiċċaw nagħmlu affarijiet li minflok il-paċi jpoġġuna f’baħar ta’ nkwiet.

Mhux ta’ b’xejn f’dak l-ewwel Ħadd tal-irxoxt tiegħu, il-Mulej ta lid-dixxipli tiegħu setgħa Divina għax huwa Alla biss li jaħfer. “Nefaħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu u qalilhom: ħudu l-Ispirtu s-Santu. Id-dnubiet li intom taħfru, ikunu maħfura. Dawk li intom iżżommu, jibqgħu miżmuma” (v 22). Is-setgħa tiegħu għaddieha lill-appostli u permezz tal-appostli, għaddieha lill-Knisja.

Din is-setgħa il-Knisja tħaddimha wkoll fis-Sagrament tal-Griżma tal-Morda bih ukoll jinħafru d-dnubiet. Għalhekk dan is-Sagrament jista’ jingħata biss mis-saċerdoti u mill-Isqfijiet għaliex miegħu, mad-dilka biż-żejt tal-morda, hemm ukoll il-maħfra tad-dnubiet. Jiena nixtieq nagħmel appell lill-familji tagħna. Meta jkun hemm xi ħadd marid fostna, ma nistennewx sa’ l-aħħar mumenti biex insejħu lis-saċerdot biex jamministra s-Sagrament tal-Morda. Veru li aħna, ħafna drabi, għadna bil-mentalità li ngħidu: “għamlulu l-Griżma, ta! Għamlulu l-Griżma!’ Jiġifieri diġa’ beda bil-ħurara tal-mewt. Qiegħda f’demmna din il-ħaġa, qiegħda f’demmna! Jiena qed nappella biex inġibu l-faraġ tas-Sagrament tad-Dilka tal-Morda lill-morda tagħna meta huma jistgħu jitfarrġu fir-ruħ u fil-ġisem. Is-serħan li inti bid-dilka tas-saċerdot u tal-Knisja, it-talba lill-Mulej mingħajr ma hemm għalfejn tesprimi u tiftakar kollox, qed jinħafrulek dnubietek. X’konsolazzjoni kbira din!

Id-Dilka tal-Morda taħfer id-dnubiet mingħajr ma l-pazjent ikollu bżonn jistqarr dnubietu. Imbagħad, jekk Alla jrid, ikun tajjeb, imbagħad irid imur ifittex saċerdot u jferra’ l-ixkora, u nawguraw li dejjem jkun hekk. Mhux dejjem huwa possibbli, l-aħwa, intom tafu. Għalhekk nitolbu ħafna għas-saċerdoti u patrijiet fl-isptarijiet tagħna: huma l-anġli tal-ħniena! Xi grazzja kbira meta l-pazjent ikollu s-sens, jew min qed jieħu ħsiebu ikollhom is-sens, li jitolbu dan is-Sagrament tal-Ħniena.

Il-Mulej għall-maħfra tad-dnubiet għamel tliet sagramenti: il-Magħmudija li tingħata darba biss u ma tistax tirrepeti lilha nifisha; is-Sagrament tal-Qrar li jirrepeti ruħu kemm hemm bżonn, kemm hemm bżonn! Ma nafx jekk forsi l-anzjani jiftakru iżjed minni fil-kotba tar-ration. Kien ikollna r-ration u kienu jwaħħlulna l-bolla sakemm jispiċċa l-ktieb. Il-Qrar mhux hekk! Mal-Magħmudija ma taniex ktieb, imbagħad kemm tqerr u jwaħħallek bolla u jgħidlek: ‘issa ħija, daqshekk, ma nistax nagħtik iżjed dqiq u zokkor, daqshekk!’

Le, il-Mulej m’għamilx limitu, kemm hemm bżonn għax il-ħniena tiegħu hija għal dejjem. M’għandhiex limitu. Il-limitu, ħafna drabi, nagħmluh aħna għax ma naħfrux lilna nfusna.

Għax x’inhu l-prezz tal-ħniena? Il-prezz tal-ħniena huma l-pjagi ta’ Ġesù. Ara taħsbu li Tumas kien xi appostlu injorant; kien wieħed mill-appostli l-iżjed intelliġenti. Għalhekk iddubita għax ġeneralment id-dubju jiġi fil-moħħ li jaħseb iżżejjed. Għaliex Tumas mar mall-ewwel fuq l-identita ta’ Ġesù. X’qalilhom? “Kif se nagħrfu lil Ġesù? Billi nara jdejh u fil-ġenb tiegħu l-marki tal-pjagi” (v. 25). Qed jgħidilna Tumas: l-isfida li poġġa dik nhar stess tal-irxoxt kif nagħrfu lil Ġesù. Lil Ġesù nagħrfuh hu u jurina l-pjagi tiegħu. Il-pjagi tiegħu ifakkruna fid-dnubiet tagħna.

Innutaw, meta l-appostli jaraw il-Pjagi jifirħu, għaliex Ġesù rxuxtat immarkat bil-Pjagi li ġibnilu aħna bid-dnubiet tagħna. Jgħidilna: “dan huwa l-prezz biex jiena nħenn għalik, dan huwa l-prezz biex jiena nsalvak”. Xejn m’għandu jbeżżgħek, xejn m’għandu jaqtagħlek qalbek, anke jekk fi xjuħitek tibda tiftakar f’xi ħmerija li għamilt meta kont żgħażugħ, bħalma jiġri, iżjed ma nikbru iżjed niftakru f’taż-żgħożija u kemm għamilna ħmerijiet – albums kbar! Inti tgħid: “issa sew!”. Kif nistgħu aħna naqtgħu qalbna jekk inħarsu lejn il-Mulej li jġorr il-Pjagi tiegħu biex ifakkarna li ħelisna bid-demm għażiż tiegħu? “Ħenjin dawk li ma rawx u emmnu” (v 29). Din hija l-barka li l-Mulej jagħti fuq kull wieħed u waħda minna.

Aħna veru ma rajniħx lil Ġesù? Kull meta niltaqgħu ma’ xi ħadd imgħobbi bis-salib tal-ħajja, aħna qegħdin niltaqgħu ma’ Ġesù għaliex hu stess qalilna: “dak kollu li tagħmlu ma’ l-iżgħar fost dawn ħuti tagħmluh miegħi”. L-aħwa aħna rridu nkunu dawk il-paġni tal-Evanġelju li ma nkitbux, hekk jgħid San Ġwann fit-tmiem tal-Evanġelju: “hemm ħafna affarijiet oħrajn x’nistgħu niktbu” (Ġw 21,25). Se niktubuhom aħna, jiena u inti, billi nħennu għal xulxin. Qegħdin nużaw l-Opri tal-Ħniena, kemm dawk li jmissu r-ruħ, u kemm dawk li jmissu l-ġisem, ma’ xulxin?

Il-Mulej jużana biex inkunu strumenti tal-ħniena tiegħu.

Hemm xi ħadd ilek ma tisimgħu? Aqbad it-telefon jew il-mobile u ċempel inti. “Inċempel jien! Daqskemm ilha ma ċċempilli, inċempel jien? Jien dejjem irrid naqa’ għaliha dik?”. Ftakar x’għamel Ġesù biex isalvak. Hemm xi ħadd li meta jarak għaddejja jaqsam it-triq biex żgur, żgur ma jmissx id-dell tiegħek? Iġri, iġri, aħna rridu nagħmlu l-ewwel pass, l-ewwel pass. Kien hemm xi inġustizzja fil-wirt u m’għadniex nitkellmu ma xulxin? M’aħna se nieħdu xejn magħna, m’aħna se nieħdu xejn magħna! Għamlulek inġustizzja? Għandek raġun tinkedd, ftakar fih li qal: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). Tħossok mgħobbi bid-dnubiet tiegħek jew inkella bil-ħtija? Ftakar fil-ħalliel it-tajjeb li qallu lil sieħbu: “Aħna bir-raġun qed nieħdu l-kundanna imma dan m’għamel xejn. U qallu: ‘Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek’. ‘Tassew ,tassew ngħidlek, illum stess tkun il-ġenna miegħi’” (ara Lq 23, 41-43).

Xi kliem ta’ ħniena! Xi kliem ta’ faraġ u ta’ konsolazzjoni l-kliem ta’ Ġesù minn fuq is-salib: “Tassew, tassew ngħidlek, illum stess tkun il-ġenna miegħi”. Mhux ta’ b’xejn bil-qalb illum lill-Mulej ngħidulu: “Ġesù, jiena nafda fik”.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.