Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-Insara għandhom jgħixu bejniethom fl-armonija mhux fil-‘kwiet’

L-Insara għandhom jgħixu bejniethom fl-armonija mhux fil-‘kwiet’


It-Tlieta 5 ta’ April. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Mhux possibbli nħalltu l-armonija li ssaltan f’komunità Nisranija, li hi frott tal-Ispirtu s-Santu, mal-‘kwiet’ innegozjat, li spiss jaħbi fih, b’mod ipokritu, kuntrasti u firdiet, afferma dalgħodu l-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Qalb waħda, ruħ waħda, ħadd fqir, ġid imqassam skont il-ħtieġa. Hemm kelma waħda li tiġbor fiha s-sentimenti u l-istil ta’ ħajja tal-ewwel komunità Nisranija skont ir-ritratt li nsibu fl-Atti tal-Appostli: armonija.
Kelma li rridu nifhmuha, afferma Franġisku, għax din mhix xi konkordat ta’ kafkaf imma rigal mis-sema lil min, kif kienu jħossuhom l-Insara tal-ewwel żminijiet, twieled mill-ġdid mill-Ispirtu.

Aħna nistgħu nagħmlu ftehim u niksbu ċerta paċi…. Imma l-armonija hi grazzja interjuri li jista’ jtiha biss l-Ispirtu s-Santu. U dawn il-komunitajiet kienu jgħixu f’armonija. Is-sinjali tal-armonija huma tnejn, żied jgħid il-Papa: ħadd mhu fil-bżonn, jiġifieri kollox kien jinqasam bejn kulħadd.

F’liema sens? Kienu qalb waħda, ruħ waħda u ħadd ma kien jidhirlu li l-proprjetà li kellu kienet tiegħu waħdu: kienu jaqsmu kollox bejniethom. Fil-fatt ħadd minnhom ma kien fil-bżonn. Il-veru ‘armonija’ tal-Ispirtu s-Santu għandha relazzjoni qawwija ħafna mal-flus: il-flus huma l-għadu tal-armonija, il-flus huma egoisti. Għalhekk is-sinjal li nisiltu huwa li kulħadd kien jagħti dak li hu tiegħu biex ħadd ma jibqa’ fil-bżonn.

Il-Papa spjega dan l-aspett bl-eżempju sabiħ ta’ Barnaba li nsibu fl-Atti tal-Appostli, meta dan biegħ l-għalqa u li daħħal minnha tah lill-Appostli.
Imma, kompla jgħid Franġisku, il-vrus ta’ wara dan, li mhumiex parti mill-qari tal-lum, jitkellmu dwar episodju li hu l-maqlub ta’ dak tal-ewwel. Hu dak ta’ Ananija u Safira, li jagħmlu tabirruħhom li jagħtu kull ma kienu qalgħu mill-bejgħ tal-għalqa, imma fil-fatt żammew parti mid-dħul għalihom, għażla li kellha tmiem qares ħafna: il-mewt.

Alla u l-flus huma żewġ sidien li qatt ma nistgħu naqduhom it-tnejn flimkien, żied jgħid il-Papa, li spjega ċar ekwivoku li jista’ jitnissel mill-kunċett tal-‘armonija’. L-armonija ma nistgħux inħalltuha mal-‘kwiet’ u l-‘kalma’.

Komunità tista’ tkun kalma ħafna… kollox jidher miexi sew, imma ma tkunx tgħix f’armonija. Darba, qal Franġisku, smajt isqof jgħid li fid-djoċesi tiegħu kien hemm il-kalma, imma kif tinqala’ problema kienet iġġib gwerra magħha. Din tkun armonija negozjata; din mhix l-armonija tal-Ispirtu s-Santu, hija armonija ipokrita bħal dik ta’ Ananija u Safira.

Franġisku stedinna nerġgħu naqraw l-Atti tal-Appostli biex naraw x’kienet l-armonija fil-ħajja tal-ewwel Insara. Dan jagħmlilna tajjeb biex nifhmu kif għandna nkunu xhieda ta’ din in-novità fl-ambjenti kollha li ngħixu fihom.
L-armonija tal-Ispirtu s-Santu ttina l-ġenerożità biex xejn ma jkun tagħna dment li hemm min hu fil-bżonn. Imma l-armonija tal-Ispirtu s-Santu tnissel fina atteġġjament ieħor: il-kuraġġ.

Meta fil-Knisja, fil-komunità, ikun hemm l-armonija, temm l-omelija l-Papa Franġisku, ikun hemm il-kuraġġ: il-kuraġġ li nkunu xhieda ta’ Kristu Rxoxt.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: