Katekeżi Ħniena, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Vanġelu tal-Ħniena


13. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 6 ta’ April 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Wara li rriflettejna fuq il-ħniena ta’ Alla fit-Testment il-Qadim, il-lum nibdew nimmeditaw fuq kif Ġesù nnifsu wettaqha fil-milja tagħha. Ħniena li Hu dejjem esprima, wettaq u wassal, f’kull mument tal-ħajja tiegħu fuq din l-art.

Fil-laqgħat tiegħu mal-ġmiegħi, meta jxandar il-Vanġelu, ifejjaq il-morda, joqrob lejn il-foqra u dawk li huma wara nett fis-soċjetà, jaħfer lill-midinbin, Ġesù qed jagħmel viżibbli dik l-imħabba miftuħa għal kulħadd: ħadd ma jitħalla barra! Miftuħa għal kulħadd bla ebda limiti jew ħitan. Imħabba safja, b’xejn, assoluta. Imħabba li tilħaq il-quċċata tagħha fis-Sagrifiċċju tas-Salib. Iva, il-Vanġelu hu tabilħaqq il-“Vanġelu tal-Ħniena”, għax Ġesù hu l-Ħniena!

L-erba’ Vanġeli kollha juruna kif Ġesù, qabel beda l-ministeru tiegħu, ried jitgħammed minn Ġwanni l-Battista (Mt3:13-17; Mk 1:9-11; Lq 3:21-22; Ġw 1:29-34). Din il-ġrajja tagħti orjentament deċiżiv lill-missjoni kollha ta’ Kristu. Fil-fatt, Hu ma deherx fid-dinja fil-ġmiel bla qies tat-Tempju: seta’ jagħmel hekk kieku ried. Ma riedx li l-wasla tiegħu titħabbar bid-daqq tat-trombi: seta’ kieku ried. U lanqas ġie liebes ta’ mħallef: seta’ kieku ried. Minflok, wara tletin sena ta’ ħajja moħbija f’Nazareth, Ġesù mar ħdejn ix-xmara Ġordan, flimkien ma’ tant nies oħra mill-poplu tiegħu, u qagħad fir-ringiela mal-midinbin. Ma staħax: qagħad hemm ma’ kulħadd, mal-midinbin, biex jitgħammed. Allura, sa mill-bidu tal-ministeru tiegħu, Hu wera ruħu bħala Messija li jitgħabba bil-kundizzjoni umana, imqanqal mis-solidarjetà u mill-kompassjoni. Kif afferma Hu stess fis-sinagoga ta’ Nazareth meta identifika ruħu mal-profezija ta’ Isaija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej” (Lq 4:18-19). Dak kollu li Ġesù għamel wara l-magħmudija kien it-twettiq tal-programm tal-bidu: li jwassal lil kulħadd l-imħabba ta’ Alla li tifdi. Ġesù ma ġabx il-mibegħda, ma ġabx it-tilwim: ġabilna l-imħabba! Imħabba kbira, qalb miftuħa għal kulħadd, għalina lkoll! Imħabba li tifdi!

Hu resaq qrib ta’ dawk li qegħdin fl-aħħar, u wasslilhom il-ħniena ta’ Alla li hi maħfra, ferħ u ħajja ġdida. Ġesù, l-Iben mibgħut mill-Missier, hu tassew il-bidu taż-żmien tal-ħniena għall-bnedmin kollha! Dawk li kienu hemm fuq xatt il-Ġordan ma fehmux minnufih kemm kien kbir dak il-ġest ta’ Ġesù. L-istess Ġwanni l-Battista stagħġeb bid-deċiżjoni tiegħu (ara Mt 3:14). Imma l-Missier tas-Sema le! Hu semma’ leħnu mill-għoli: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Mk 1:11). Hekk il-Missier jikkonferma t-triq li qabad l-Iben bħala Messija, waqt li fuqU jistrieħ l-Ispirtu s-Santu bħal ħamiema. Hekk il-qalb ta’ Ġesù tħabbat, biex ngħidu hekk, f’ritmu wieħed mal-qalb tal-Missier u ta’ l-Ispirtu, biex turi lill-bnedmin kollha li s-salvazzjoni hi frott il-ħniena ta’ Alla.

Nistgħu nikkontemplaw b’mod iżjed ċar il-misteru kbir ta’ din l-imħabba billi ndawru ħarsitna fuq Ġesù msallab. Huwa u jmut bla ħtija għalina midinba, hu jitlob lill-Missier: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Huwa fuq is-Salib li Ġesù jippreżenta lill-ħniena tal-Missier id-dnub tad-dinja: id-dnub ta’ kulħadd, dnubieti, dnubietek, dnubietkom. U hemm, fuq is-salib, Hu jressaqhom lill-Missier. U mad-dnub tad-dinja d-dnubiet kollha tagħna jitħassru. Xejn u ħadd ma jitħalla barra minn din it-talba sagrifikali ta’ Ġesù. Dan ifisser li m’għandniex għax nibżgħu nagħrfu u nistqarru li aħna midinbin. Kemm drabi ngħidu: “Imma, dan midneb, għamel hekk jew hekk…”, u niġġudikaw lill-oħrajn. U int? Kull wieħed u waħda minna għandu jistaqsi lilu nnifsu: “Iva, dak midneb. U jien?”. Ilkoll aħna midinbin, imma lkoll aħna maħfura: kollha għandna l-possibbiltà li nilqgħu din il-maħfra li hi l-ħniena ta’ Alla. Ma rridux nibżgħu, mela, nagħrfu li aħna midinbin, nistqarru ruħna b’midinba, għax kull dnub l-Iben ġarru sa fuq is-Salib. U meta aħna nistqarruh niedma u nafdaw ruħna f’idejH, nistgħu nibqgħu żguri li ħa niġu maħfura. Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jagħmel attwali għal kulħadd dik il-qawwa tal-maħfra li tgelgel minn fuq is-Salib u ġġedded f’ħajjitna l-grazzja tal-ħniena li Ġesù kiseb għalina! Ma rridux inħallu l-miżerji tagħna jbeżżgħuna: kull wieħed u waħda minna għandu tiegħu. Il-qawwa ta’ l-imħabba tal-Mislub ma tafx bi xkiel u ma tispiċċa qatt. U din il-ħniena tħassar il-miżerji tagħna.

L-iktar għeżież, f’dan il-Ġublew ejjew nitolbu lil Alla l-grazzja li nagħmlu esperjenza tal-qawwa tal-Vanġelu: Vanġelu tal-ħniena li jibdilna, li jdaħħalna fil-qalb ta’ Alla, li jagħtina l-ħila naħfru u nħarsu lejn id-dinja b’qalb iżjed tajba. Jekk nilqgħu l-Vanġelu tal-Mislub li Rxoxta, ħajjitna kollha tintgħaġen mill-qawwa ta’ mħabbtu li ġġedded.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s