Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-qaddisin tal-ħajja ta’ kuljum u l-martri huma l-mutur tal-Knisja

Il-qaddisin tal-ħajja ta’ kuljum u l-martri huma l-mutur tal-Knisja


Il-Ħamis 7 ta’ April 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-muturi li jmexxu ‘l quddiem il-Knisja huma l-qaddisin tal-ħajja ordinarja u l-martri tal-lum għax bil-grazzja u l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu huma persuni koerenti u xhieda kuraġġużi ta’ Kristu Rxoxt. Hekk afferma l-Papa dalgħodu waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

L-ewwel qari tal-lum hu meħud mill-Atti tal-Appostli u jkellimna dwar il-kuraġġ li kellu Pietru, wara li fejjaq lill-magħtub, li jħabbar lil Ġesù Rxoxt quddiem is-Sinedriju. Dawn jirrabjaw u jridu joqtluh.

Kienu qalulu li ma kellux jipprietka f’isem Ġesù, imma hu jibqa’ jxandar il-Vanġelu għax jgħid: ‘Għandi nobdi lil Alla, mhux lill-bnedmin.’

Dan Pietru hekk kuraġġuż, osserva l-Papa, mhux l-istess Pietru beżżiegħ tal-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka meta. minħabba l-biża’, ċaħad lill-Mulej tliet darbiet.

Issa Pietru sar qawwi fix-xhieda. Ix-xhieda Nisranija, qal Franġisku, hi l-istess triq ta’ Ġesù: tagħti l-ħajja. B’mod jew ieħor, in-Nisrani jirriskja ħajtu biex ikun xhud veru.

Il-koerenza bejn il-ħajja u dak li rajna u smajna hu proprju l-bidu tax-xhieda. Imma x-xhieda Nisranija għandha xi ħaġa oħra: mhix biss ta’ dak li jagħtiha, ix-xhieda Nisranija ssir dejjem minn tnejn.

Allura aħna, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, insiru xhieda. Mingħajr l-Ispirtu s-Santu m’hemmx xhieda Nisranija, għax ix-xhieda Nisranija, il-ħajja Nisranija, hija grazzja, hi grazzja li l-Mulej itina mal-Ispirtu s-Santu.

Mingħajr l-Ispirtu s-Santu, kompla l-Papa, ma jirnexxilniex inkunu xhieda. Ix-xhud hu dak li jkun koerenti ma’ dak li jgħid, f’dak li jagħmel u b’dak li jkun irċieva, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu. Dan hu l-kuraġġ Nisrani, din hi x-xhieda.

Din hi x-xhieda tal-martri tagħna tal-lum, tant nies imkeċċijin minn artijiethom, evakwati, bi griżmejhom imħanxrin, ippersegwitati: għandhom dak il-kuraġġ li jistqarru lil Ġesù sal-waqt tal-mewt. Hija x-xhieda ta’ dawk l-Insara li ħajjithom jgħixuha bis-serjetà u jgħidu: ‘Jien ma nistax nagħmel dan, ma nistax nagħmel ħsara lil ħaddieħor; ma nistax inqarraq; jien ma nistax ngħix ħajti bin-nofs, jien irrid nagħti x-xhieda tiegħi.’

U x-xhieda hi li tgħid dak li rajt u smajt bil-fidi, jiġifieri Ġesù Rxoxt flimkien mal-Ispirtu s-Santu li hu rigal.

Fil-waqtiet diffiċli tal-istorja – ikkummenta l-Papa Franġisku – jinstema’ jingħad li l-patrija għandha bżonn l-eroj, li dan hu ġust, minnu. Imma llum il-Knisja x’teħtieġ? Teħtieġ xhieda, martri. Dawn huma l-veru xhieda: il-qaddisin, il-qaddisin tal-ħajja ta’ kuljum, dawk ta’ ħajja ordinarja, imma li jgħixu bil-koerenza, u huma xhieda sal-aħħar, sal-mewt.

Dawn huma d-demm ħaj tal-Knisja. Dawn huma dawk li jmexxu l-Knisja ‘l quddiem, ix-xhieda li jistqarru li Ġesù qam, li Ġesù hu ħaj, u jixhdu dan bil-koerenza ta’ ħajjithom u bl-Ispirtu s-Santu li rċevew b’rigal.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: