It-Tnejn, 11 ta’ April 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Id-dutturi tal-liġi jiġġudikaw lill-oħrajn billi jużaw il-Kelma t’Alla kontra l-Kelma t’Alla, jagħlqu qlubhom għall-profezija u ma jimpurtahomx mill-ħajja tal-persuni imma biss minn skemi magħmulin minn liġijiet u kliem. Din kienet affermazzjoni iebsa oħra li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.
Il-Papa tkellem dwar l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli, li fih id-dutturi tal-liġi jakkużaw lil Stiefnu bil-kalunji għax ma jirnexxilhomx jikkumbattu l-għerf u l-ispirtu li bih kien qed ikellimhom.
Huma kesksu xhieda foloz biex jgħidu li semgħuh jidgħi b’Mosè u b’Alla. Il-qalb magħluqa għall-verità ta’ Alla, osserva l-Papa, taqbad biss mal-veritajiet tal-liġi, anzi, aktar milli mal-liġi, mal-irqaqat tagħha. B’hekk ma ssib ebda triq oħra ħlief il-gideb, ix-xhieda foloz u l-mewt.
Ġesù kien diġà ċanfarhom minħabba dan l-atteġġjament tagħhom, għax missirijiethom kienu qatlu lill-Profeti, u issa kienu qiegħdin jibnulhom il-monumenti.
It-tweġiba tad-‘dutturi tal-irqaqat’ hi aktar minn ipokrita, hija ċinika: ‘Kieku konna minflok missirijietna ma konniex nagħmlu l-istess.’ Hekk, spjega l-Papa, huma jaħslu jdejhom u jiġġudikaw lilhom infushom bħala nies puri. Imma qalbhom magħluqa għall-Kelma t’Alla, magħluqa għall-verità, magħluqa għall-messaġġier ta’ Alla li jwassal il-profezija biex il-poplu t’Alla jimxi ‘l quddiem.
Inħoss dieqa kbira meta naqra dik is-silta qasira mill-Vanġelu ta’ San Mattew, meta Ġuda niedem, imur għand is-saċerdoti u jgħidilhom: ‘Dnibt,’ u jrid irodd lura l-flus. ‘Ma jimpurtaniex,’ iweġbuh, ‘dil-ħaġa araha int!’
Qalb magħluqa quddiem dal-povru bniedem niedem li ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel. ‘Ara int!’ U hu mar tgħallaq. U x’għamlu huma meta Ġuda mar jitgħallaq? Jitkellmu u jgħidu, ‘Miskin, imma le, dawn il-flus huma prezz id-demm, ma jistgħux jidħlu lura fit-tempju….. Ir-regola hekk tgħid.’ Id-dutturi tal-irqaqat!
Xejn ma jimpurtahom, kompla l-Papa Franġisku, mill-ħajja tal-persuna, mill-indiema ta’ Ġuda: il-Vanġelu jgħidilna li mar lura għandhom, niedem. Imma huma moħħhom biss mill-irqaqat tal-liġijiet tagħhom, minn tant paroli u minn tant kastelli li bnew huma.
Din hi l-ebusija ta’ qalbhom. U din hi l-ebusija tal-qalb, il-bluha tal-qalb ta’ dawn in-nies, li minħabba li ma setgħux jirreżistu l-verità ta’ Stiefnu, imorru jfittxu xhieda foloz biex jiġġudikawh.
Stiefnu, afferma l-Papa, jintemm bħall-Profeti, jintemm bħal Ġesù. Din hi storja li tibqa’ tirrepeti ruħha fil-Knisja. L-istorja tgħidilna li ħafna nies li jinqatlu, li jkunu ġġudikati, ikunu innoċenti: iġġudikati mill-Kelma t’Alla kontra l-Kelma t’Alla.
Niftakru ftit fil-kaċċa għas-sħaħar jew f’Santa Giovanna d’Arco u tant oħrajn li sfaw maħruqin, ikkundannati għax, fil-fehma tal-imħallfin, ma mxewx mal-Kelma t’Alla.
Il-mudell ta’ dan kollu hu Ġesù li, biex jibqa’ fidil u biex jobdi l-Kelma t’Alla, jispiċċa msammar ma’ Salib. B’liema tenerezza Ġesù jgħid lid-dixxipli ta’ Għemmaws: ‘Boloh u ta’ qalb iebsa!’
Ejjew illum nitolbu l-Mulej biex iħares lejn il-bluha kbira jew żgħira ta’ qalbna bit-tenerezza, biex imellisna, u jgħidilna: ‘Iblah u ta’ qalb iebsa,’ ħalli b’hekk jibda jispjegalna l-affarijiet, temm Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija