Krudili jew sofistikati, il-persekuzzjonijiet huma l-ħobż ta’ kuljum tal-Knisja


It-Tlieta, 12 ta’ April 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Il-persekuzzjoni hi l-ħobż ta’ kuljum tal-Knisja. Il-Papa Franġisku, waqt l-omelija li għamel fil-Kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu, sostna li, bħalma ġralhom San Stiefnu u l-martri ż-żgħar li qatel Erodi, anke llum hemm tant Insara li jinqatlu minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu. Oħrajn huma ppersegwitati b’metodi sofistikati għax iridu juru li huma wlied Alla.

 

Jeżistu persekuzzjonijiet imdemmija bħal, per eżempju, nies li jisfaw mikulin mill-annimali salvaġġi għall-gost tal-poplu li jkun qed jarahom, jew inkella vittmi ta’ splużjonijiet huma u ħerġin mill-Quddiesa.

Hemm ukoll persekuzzjonijiet bl-‘ingwanti bojod’, moħbijin taħt il-libsa tal-‘kultura’, dawk li jitfgħuk f’rokna tas-soċjetà, li jaslu biex ineħħulek ix-xogħol jekk inti ma timxix mal-liġijiet li jmorru kontra Alla l-Ħallieq.

Ir-rakkont tal-martirju ta’ Stiefnu li naqraw fis-silta mill-Atti tal-Appostli fil-liturġija tal-lum, nebbħet lill-Papa biex jirrifletti fuq sitwazzjonijiet tal-passat u oħrajn ġodda li tul elfejn sena sawru l-istorja tal-fidi Nisranija: il-persekuzzjonijiet.

Jiena ngħid, qal il-Papa, li l-persekuzzjoni hi l-ħobż ta’ kuljum tal-Knisja. Dan qalu Ġesù. Meta aħna mmorru bħala turisti fil-Kolossew ta’ Ruma, naħsbu li l-martri huma dawk li nqatlu mill-iljuni. Imma dawk ma kinux l-uniċi martri.

Il-martri huma rġiel u nisa tal-ħajja ta’ kuljum, tal-Għid li ċċelebrajna ftit tal-ġimgħat ilu…. Huma dawk l-Insara li kienu qed jiċċelebraw l-Għid fil-Pakistan u sfaw martri proprju għax kienu qed jiċċelebraw lil Kristu Rxoxt. B’hekk l-istorja tal-Knisja tibqa’ dejjem miexja bil-martri tagħha.
Il-martirju ta’ Stiefnu kien il-bidu ta’ persekuzzjoni krudila kontra l-Insara ta’ Ġerusalemm, l-istess bħal dik ta’ min illum mhux ħieles biex jistqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù.

Imma hemm persekuzzjoni oħra, osserva Franġisku, waħda li ma tantx nitkellmu dwarha, persekuzzjoni moħbija wara l-maskra tal-kultura, tal-modernità, taħt il-maskra tal-progress.

B’mod ironiku jien insejħilha ‘persekuzzjoni edukata’. Issir meta bniedem ikun ippersegwitat mhux għax irid juri li jistqarr l-isem t’Alla imma għax irid juri b’ħajtu l-valuri ta’ Iben Alla. Hija persekuzzjoni kontra Alla l-Ħallieq fil-persuna ta’ wliedu!

U b’hekk ta’ kuljum naraw li s-setgħat jgħaddu liġijiet li jobbligaw lil dak li jkun jimxi f’dit-triq, u nazzjon li ma jimxix fuq dawn il-liġijiet ‘moderni’, ‘kolti’, jew li ma jridx idaħħalhom fil-kodiċi tiegħu, ikun akkużat, ippersegwitat b’mod ‘pulit’, ‘edukat’. Hi persekuzzjoni li lill-bniedem tneħħilu l-libertà, u tneħħilu wkoll id-dritt li joġġezzjona minħabba l-kuxjenza.

Din hi l-persekuzzjoni tad-dinja, li tneħħi l-libertà, filwaqt li Alla, afferma l-Papa Franġisku, għamilna ħielsa biex nagħtu xhieda tal-Missier li ħalaq u ta’ Kristu li salvana. U din il-persekuzzjoni, żied jgħid, għandha wkoll ‘ras’.

Ir-ras tal-persekuzzjoni ‘edukata’ qalilna min hu Ġesù stess: il-prinċep ta’ did-dinja. U meta s-setgħat ikunu jridu jimponu atteġġjamenti, liġijiet li jmorru kontra d-dinjità ta’ Iben Alla, jippersegwitaw lil min ma jaqbilx magħhom u jmorru kontra Alla l-Ħallieq. Din hi l-ereżija l-kbira.

B’hekk il-ħajja tal-Insara tibqa’ miexja b’dawn il-persekuzzjonijiet. Imma l-Mulej wegħedna li mhux se jitbiegħed minna. Attenti, oqogħdu attenti! Taqgħux fl-ispirtu tad-dinja, oqogħdu attenti! Imma ibqgħu mexjin ‘għax jien inkun magħkom,’ temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.