Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Doċli u mimlijin ferħ tal-Ispirtu s-Santu

Doċli u mimlijin ferħ tal-Ispirtu s-Santu


Il-Ħamis, 14 ta’ April 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Tkellem Mulej għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’. Waqt l-omelija li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta, il-Papa ssuġġerielna li tul il-ġurnata aħna nduru lejn Alla b’din it-talba sabiħa.

 

Franġisku kien qed jagħmel riflessjoni fuq il-qari tal-ġurnata meħud mill-Atti tal-Appostli li fih naraw li l-protagonista huwa l-Ispirtu s-Santu. F’dawn il-ġranet il-Knisja turina li dak li jagħmel kollox hu l-Ispirtu s-Santu: kollox hu ħidma tiegħu, qal il-Papa.

Fil-jiem li għaddew il-qari kien dwar ir-reżistenza għall-Ispirtu: għeluq, ebusija tal-qalb, bluha, nies li minkejja li raw il-mirakli li kienu jwettqu l-Appostli baqgħu jirreżistu u jiġġustifikaw għemilhom billi jikkwotaw l-irqaqat tal-liġi.

Il-Papa kompla jgħid li fil-qari tal-ġurnata l-Knisja qed tipproponilna l-oppost, mhux reżistenza imma doċilità, il-karatteristika li għandu jkollu kull Nisrani. B’din l-attitudni l-Ispirtu jaħdem fina u jmexxi l-Knisja ‘l quddiem.

Fil-qari mill-Atti naraw li Filippu, isqof u wieħed mill-Appostli, kellu l-pjanijiet tiegħu tal-ġurnata imma l-Ispirtu nebbħu biex jagħmel xi ħaġa oħra. Filippu obda, telaq, kien doċli għas-sejħa tal-Ispirtu li bagħtu fit-triq li minn Ġerusalemm tagħti għal Gaża.

Mat-triq iltaqa’ mar-raġel mill-Etjopja, bniedem importanti, ministru tal-ekonomija tar-reġina tal-Etjopja. Dan kien qiegħed iqim ‘l Alla, kien qed jaqra l-Iskrittura. Għall-mistoqsija ta’ Filippu, wieġeb li ma setax jifhem għax ħadd ma spjegalu dak li kien qed jaqra mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija.

Għalhekk stieden lil Filippu jitla’ bilqiegħda ħdejh biex jispjegalu. Filippu mill-ġdid wieġeb għas-sejħa tal-Ispirtu u tela’ fuq il-karru biex jispjegalu dwar is-salvazzjoni tal-Vanġelu.

Żgur, osserva l-Papa, li l-konverżazzjoni kienet twila, ir-raġel staqsa u Filippu wieġbu. L-Ispirtu kien qed jaħdem fil-qalb tar-raġel mill-Etjopja, kien qed itih ir-rigal tal-fidi, u dan ħass xi ħaġa tikbes ġo fih.

X’ħin waslu ħdejn l-ilma talab li jitgħammed: kien aċċetta l-fidi, kien doċli għall-Ispirtu. Din hi storja ta’ żewġt irġiel li pprietkaw il-Vanġelu – wieħed ma kien jaf xejn dwar Ġesù, imma fih l-Ispirtu kien żera’ ż-żerrriegħa tal-kurżità sana, mhux il-kurżità tat-tqassis.

X’ħin lestew, l-Iskrittura tgħidilna li l-Ispirtu ħataf lil Filippu u l-ewnuku ma rahx aktar. Però dan ma tnikkitx, fil-fatt l-Iskrittura tgħidilna li kompla triqtu mimli ferħ: il-ferħ li jagħtina l-Ispirtu s-Santu meta aħna nkunu doċli għall-messaġġ tiegħu. Importanti ħafna li aħna ngħidu lilna nfusna: Nixtieq nagħmel xi ħaġa, imma donnu li l-Mulej qed isejjaħli biex nagħmel oħra: hemmhekk se nsib il-ferħ għax hi sejħa ġejja mill-Ispirtu s-Santu.

Biex aħna nkunu doċli għal din is-sejħa, il-Papa ssuġġerielna t-talba li nsibu fil-Ktieb ta’ Samwel, li wara li sema’ l-Mulej isejjaħlu u ma fehemx, fuq parir ta’ Eli wieġeb: ‘Hawn jien Mulej, tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.’

Nitolbu hekk fil-waqtiet differenti tal-ġurnata, meta nidħlu fid-dubju, meta ma nkunux nafu, meta jkollna aptit nitolbu, qal il-Papa Franġisku, u nitolbu l-grazzja li nkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: