Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Min jimxi wara Ġesù ma jiżbaljax.

Min jimxi wara Ġesù ma jiżbaljax.


It-Tnejn, 18 ta’ April 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Jekk nisimgħu leħen Ġesù u nimxu warajh ma niżbaljawx it-triq. Fl-omelija tal-quddiesa li qaddes dalgħodu fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku saħaq li Ġesù hu r-Ragħaj it-Tajjeb u l-bieb waħdieni li jwassalna għall-ħajja eterna.

 

Il-bieb, il-mixja, il-leħen. Il-Vanġelu tal-lum qiesu eku ta’ dak tal-bieraħ, tar-Ragħaj it-Tajjeb. Għall-ħajja tan-Nisrani hemm tliet realtajiet determinanti.

Qabel xejn, Ġesù jwissi li min ma jidħolx fil-maqjel mill-bieb hu ħalliel u brigant. ‘Jien hu l-bieb,’ jgħid Ġesù u m’hemm ebda bieb ieħor.

Ġesù, kompla jgħid Franġisku, kien ikellem lin-nies b’tixbihat sempliċi. Dawk in-nies kollha kienu jaf x’ħajja kien jgħix ir-ragħaj, għax kienet ħaġa li jarawha kuljum. U fehmu li fil-maqjel tista’ tidħol biss mill-bieb, mhux mit-tieqa jew minn xi mkien ieħor, għax jekk tidħol hekk int tkun delinkwent.

Għalhekk hu ċar li ma nistgħux nidħlu fil-ħajja eterna minn imkien ieħor ħlief mill-bieb li hu biss Ġesù. Ġesù mhux biss il-bieb tal-ħajja eterna imma wkoll il-bieb tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Id-deċiżjonijiet li nieħu matul il-ġurnata neħodhom f’isem Ġesù, jew nagħmel il-kompromessi?

Ġesù, żied il-Papa, jitkellem dwar il-mixja. Ir-ragħaj jaf in-nagħaġ tiegħu u joħodhom jirgħu. Jimxi quddiemhom u huma jimxu warajh. Il-mixja hi proprju din, wara Ġesù, fil-mixja tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. M’għandniex niżbaljaw: Hu biss jimxi quddiemna u jurina t-triq.

Min jimxi wara Ġesù ma jiżbaljax! Tgħiduli, mhux faċli, kultant ma nkunux qed naraw ċar…. U ssib min jgħidlek: ‘Hemmhekk hemm min jaqra l-futur, mort għandu, mort għand xi ħadd jaqra l-karti!’

Jekk tagħmel hekk, qal il-Papa, int m’intix miexi wara Ġesù; tkun miexi wara xi ħadd li jurik triq oħra. Ġesù biss juri t-triq u ħadd aktar.
Ġesù wissiena: ‘Jiġu oħrajn li jgħidu: Din hi t-triq tal-Mulej. Tagħtuhomx widen, it-triq hija Jien.’ Ġesù hu t-triq u l-mixja, u jekk nimxu warajh ma niżbaljawx.

Il-Qdusija Tiegħu kompla r-riflessjoni billi tkellem dwar il-leħen tar-Ragħaj it-Tajjeb. In-nagħaġ, innota Franġisku, jimxu warajh għax jagħrfu leħnu. Imma kif nistgħu nagħrfu leħen Ġesù, u niddefendu ruħna mill-qarrieqa, minn dawk li jidħlu mit-tieqa, mill-briganti?

Ir-riċetta hija sempliċi. Leħen Ġesù jinsab fil-Beatitudnijiet. Min jgħallmek triq li tmur kontra l-Beatitudnijiet hu xi ħadd li daħal fil-maqjel mit-tieqa, mhux Ġesù!

Imbagħad: Int tafu leħen Ġesù? Tista’ tagħrfu meta jkellimna dwar il-ħniena. Per eżempju, dak li nsibu miktub fil-kapitlu 25 ta’ San Mattew.
It-tielet, issir taf leħen Ġesù meta jgħallmek tgħid: ‘Missier’, jiġifieri meta jgħallmek tgħid il-‘Missierna’.

Il-ħajja Nisranija hi tant faċli!, ikkummenta l-Papa. Ġesù hu t-triq. Hu jiggwidana fil-mixja u aħna nagħrfu leħnu fil-Beatitudnijjiet, fl-opri tal-ħniena u meta jgħallimna ngħidu l-‘Missierna’.

Ftakru, temm il-Papa, il-bieb, il-mixja u din l-ikona: ir-Ragħaj it-Tajjeb, li jġorrna fuq spallejh, jurina t-triq u jgħallimna kif nisimgħu leħnu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: