In-Nisrani li ma jħossux miġbud lejn Alla hu orfni


It-Tlieta, 19 ta’ April 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Fl-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, huwa qal li l-mirakli – kliem mhux mismugħ u dejjem l-istess mistoqsija: ‘Inti Kristu?’ – juru x-xettiċiżmu tar-ras iebsa li l-Lhud kellhom fil-konfront ta’ Ġesù. Dan jidher mis-silta tal-Vanġelu li tinqara llum.

 

Dik il-mistoqsija: ’Kemm se ddum taqlgħalna ruħna? Jekk int Kristu, għidilna!’ Il-mistoqsija li l-Iskribi u l-Fariżej itennu bosta drabi b’forom differenti, fis-sustanza tinbet minn qalb għamja, qal Franġisku.

Għama ta’ fidi li Ġesù stess jispjegalhom meta jgħidilhom: ‘Intom ma temmnux għax m’intomx min-nagħaġ tiegħi.’ Li nkunu niffurmaw parti mill-merħla ta’ Alla hija grazzja li titlob minna disponibbiltà tal-qalb.

‘In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jiena nafhom u huma jimxu warajja. Jien intihom il-ħajja ta’ dejjem u huma ma jintilfux għal dejjem u ħadd ma jeħodhomli minn idejja.’

Dawn in-nagħaġ studjaw biex jimxu wara Ġesù u mbagħad emmnu?, staqsa l-Papa. Le, ‘Il-Missier li tahomli hu l-akbar.’ Hu proprju l-Missier li jagħti n-nagħaġ lir-ragħaj. Hu l-Missier li jiġbed il-qlub lejn Ġesù.

L-ebusija tal-qalb tal-Iskribi u l-Fariżej, li jaraw dak li wettaq Ġesù imma jirrifjutaw li fiH jagħrfu l-Messija, hija ‘dramm’, afferma Franġisku, dramm li jibqa’ sejjer sal-Kalvarju.

Anzi, kompla l-Papa, anke wara l-qawmien, meta s-suldati għassa mal-qabar qalulhom biex jgħidu li kienu reqdin ħalli jkunu jistgħu jsostnu li kienu d-dixxipli li serqu ġismu.

Lanqas ix-xhieda ta’ min ra b’għajnejh ma ċċaqlaq lil min ma jridx jemmen. Il-konsegwenza ta’ dan hi li huma jsiru ‘orfni’, għax jiċħdu lill-Missier.

Dawn id-dutturi tal-liġi kellhom qalbhom magħluqa, kienu jħossuhom padruni tagħhom infushom, imma fil-fatt kienu orfni għax ma kellhomx relazzjoni mal-Missier.

Veru li kienu jitkellmu dwar il-missirijiet tagħhom, Missierna Abraham, il-Patrijarki… imma kienu jitkellmu dwarhom qieshom nies fil-bogħod. F’qalbhom huma kienu orfni, kienu jgħixu fi stat ta’ orfni, fil-kundizzjoni ta’ orfni, u kienu jippreferu jgħixu hekk milli jħallu lill-Missier jiġbidhom lejH. Dan hu d-dramm tal-qalb magħluqa ta’ dawn in-nies.

Għall-kuntrarju, innota l-Papa b’riferiment għall-ewwel qari, l-aħbar li waslet Ġerusalemm li anke ħafna pagani kienu qed jiftħu qalbhom għall-predikazzjoni tad-dixxipli li waslu sal-Feniċja, Ċipru u Antjokja, aħbar li għall-ewwel beżżgħet lid-dixxipli, turi xi tfisser qalb miftuħa għal Alla. Qalb bħal dik ta’ Barnaba li, mistieden f’Antjokja biex jiċċekkja dwar l-għajdut, ma jiskandalizzax ruħu li anke l-pagani kkonvertew. Barnaba, kompla Franġisku, aċċetta n-novità u ħalla lill-Missier jiġbdu lejn Ġesù.

Ġesù jistedinna biex inkunu dixxipli tiegħu, imma biex inkunu hekk, irridu nħallu lill-Missier jiġbidna lejn Ibnu. Din hija t-talba umli li nistgħu nagħmlu bħala wlied: ‘Missier iġbidni lejn Ġesù, mexxini ħalli nkun nafu.’ U l-Missier jibgħat l-Ispirtu biex jiftħilna qlubna u jmexxina lejn Ġesù. Nisrani li ma jħallix lill-Missier jiġbdu lejn Ġesù huwa Nisrani li jgħix ta’ orfni; u aħna għandna Missier; għalhekk m’aħniex orfni.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.