Id-dmugħ tal-midinba jikseb il-maħfra


15. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 20 ta’ April 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum nixtieq nieqaf fuq aspett tal-ħniena li hu rrappreżentat tajjeb mis-silta tal-Vanġelu ta’ Luqa li għadna kemm smajna. Din hi ġrajja li għadda minnha Ġesù meta darba kien mistieden għand Fariżew jismu Xmun. Dan ried jistieden lil Ġesù f’daru għax kien semagħhom jitkellmu tajjeb fuqU bħala profeta kbir.

U waqt li jkunu bil-qiegħda għall-ikel, tidħol mara li fil-belt hi magħrufa minn kulħadd bħala midinba. Din, bla ma biss tiftaħ fommha, tinxteħet f’riġlejn Ġesù u tinfexx tibki; bi dmugħha xxarrab saqajn Ġesù u tixxuttahomlu b’xuxitha, imbagħad tbushom u tidlikhom biż-żejt ifuħ li ġabet magħha.

Tispikka d-differenza bejn iż-żewġ figuri: dik ta’ Xmun, il-qaddej żelanti tal-liġi, u dik tal-mara midinba li ma nafux isimha. Waqt li l-ewwel wieħed jiġġudika lill-oħrajn fuq id-dehra, it-tieni bil-ġesti tagħha tesprimi b’sinċerità dak li hemm fil-qalb tagħha. Xmun, anki jekk kien stieden għandu lil Ġesù, ma jridx jikkomprometti ruħu u lanqas jidher li hu ma’ l-Imgħallem; il-mara, għall-kuntrarju, tafda fih b’mod sħiħ, bi mħabba u b’qima.

Il-Fariżew ma jistax jifhem kif Ġesù jippermetti li “jiċċappas” mill-midinbin. Hu jaħseb li kieku dan kien tassew profeta, messu jagħraf min huma u jżomm ’il bogħod minnhom biex ma jiċċappasx, qishom kienu xi mġiddmin. Din l-imġiba hi tipika ta’ ċertu mod ta’ kif wieħed jifhem ir-reliġjon, u hi mmotivata mill-fatt li Alla u d-dnub huma radikalment kontra xulxin. Imma l-Kelma ta’ Alla tgħallimna nagħżlu bejn id-dnub u l-midneb: mad-dnub ma tistax tidħol f’kompromessi, waqt li l-midinbin – jiġifieri lkoll kemm aħna! – huma bħal morda, li għandhom bżonn il-fejqan, u biex ifiqu hemm bżonn li t-tabib joqrob lejhom, iżurhom, imisshom. U naturalment il-marid, biex ifiq, irid jagħraf li għandu bżonn tat-tabib!

Bejn il-Fariżew u l-mara midinba, Ġesù jagħżel li jkun ma’ din ta’ l-aħħar. Ġesù, ħieles minn kull preġudizzju li jżomm lill-ħniena milli tesprimi ruħha, iħalliha tagħmel dak li ġiet biex tagħmel. Hu, il-Qaddis ta’ Alla, iħalliha tmissu bla ma jibża’ li ħa jittieħed minn xi marda. Ġesù hu ħieles, għax hu qrib ta’ Alla li hu Alla ħanin. U din il-qrubija lejn Alla, Missier kollu ħniena, tagħti lil Ġesù libertà sħiħa. Anzi, meta jidħol f’relazzjoni mal-midinba, Ġesù jtemm dik il-qagħda ta’ iżolament li għalih hi kienet ġiet ikkundannata mill-ġudizzju bla ħniena tal-Fariżew u ta’ sħabu: “Dnubietek maħfura” (v. 48). Il-mara issa tista’ tmur “fis-sliem”. Il-Mulej ra s-sinċerità tal-fidi tagħha u tal-konverżjoni tagħha; għalhekk jipproklama quddiem kulħadd: “Il-fidi tiegħek salvatek” (v. 50). Minn naħa, dak il-wiċċ b’ieħor ta’ l-imgħallem tal-liġi, min-naħa l-oħra għandna s-sinċerità, l-umiltà u l-fidi tal-mara. Aħna lkoll midinba, imma ħafna drabi naqgħu fit-tentazzjoni tal-wiċċ b’ieħor, li naħsbu li aħna aħjar mill-oħrajn, u ngħidu: “Ara d-dnub tiegħek…”. Imma lkoll kemm aħna għandna nħarsu lejn id-dnub tagħna, il-waqgħat tagħna, l-iżbalji tagħna u ndawru ħarsitna fuq il-Mulej. Din hi t-triq tas-salvazzjoni: ir-relazzjoni bejn il-“jien” midneb u l-Mulej. Jekk jiena nħossni bniedem tajjeb, ma jistax ikolli din ir-relazzjoni ta’ salvazzjoni.

Hawnhekk, dawk li kienu madwar il-mejda sabu iżjed biex jistagħġbu: “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?” (v. 49). Ġesù ma jagħtihomx tweġiba espliċita, imma l-konverżjoni tal-mara midinba tidher quddiem għajnejn kulħadd u turi li Fih tilma l-qawwa tal-ħniena ta’ Alla, li kapaċi tibdel il-qlub.

Il-mara midinba tgħallimna li hemm rabta bejn il-fidi, l-imħabba u li wieħed ikun rikonoxxenti. Inħafrulha “ħafna dnubiet” u għalhekk ħabbet ħafna; “imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb” (v. 47). Anki l-istess Xmun ikollu jammetti li jħobb l-iżjed dak li lilu nħafirlu l-iżjed. Alla geżwer lil kulħadd fl-istess misteru tal-ħniena tiegħu; u minn din l-imħabba, li dejjem qiegħda hemm qabilna, aħna lkoll nitgħallmu nħobbu. Kif ifakkarna San Pawl: “Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skond l-għana tal-grazzja tiegħu. Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu” (Efes 1:7-8). F’dan it-test, il-kelma “grazzja” prattikament hi sinonimu tal-ħniena, u naqraw li biha “fawwarna”, jiġifieri wisq aktar milli qatt stennejna aħna, għax twettaq il-pjan tal-fidwa ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna.

Għeżież ħuti, ejjew inkunu rikonoxxenti għad-don tal-fidi, irroddu ħajr lil Alla għal imħabbtu hekk kbira u li ma kinitx tistħoqqilna! Inħallu l-imħabba ta’ Kristu tissawwab fuqna: ma’ din l-imħabba jitħaddan id-dixxiplu u fuqha jissawwar; minn din l-imħabba kull wieħed u waħda minna jista’ jitrejjaq u jissaħħaħ. Hekk, fl-imħabba rikonoxxenti li mbagħad aħna nsawbu fuq ħutna, fid-djar tagħna, fil-familja, fis-soċjetà, inkunu ngħaddu lil kulħadd il-ħniena tal-Mulej.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.