Fil-mixja tal-ħajja l-bnedmin qatt ma jimxu waħedhom


Il-Ħamis, 21 ta’ April 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Il-bnedmin qatt ma jimxu waħedhom fil-ħajja imma meta jiftakru fil-preżenza t’Alla dan jgħinhom jifhmu li s-salvazzjoni mhix xi ħaġa ta’ mument imma storja li tinbena jum wara ieħor bejn il-ħażin u t-tajjeb sa ma tasal il-laqgħa finali.

 

Illum, fil-meditazzjoni waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku għamel paragun bejn il-mixja tal-poplu Lhudi u dik personali ta’ kull bniedem.

Mhux b’kumbinazzjoni, qal Franġisku, hu u jikkowta l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli, li l-ewwel predikazzjoni tal-Appostli dwar Ġesù kienet waħda ‘storika’.

Biex jipprietkaw il-Vanġelu u jaslu sa Ġesù l-Appostli rrakkuntaw l-istorja tal-poplu Lhudi u bdew minn Abraham, għaddew għal Mosè u l-ħelsien mill-Eġittu sal-Art Imwiegħda, sakemm mir-Re David tnissel, skont il-wegħda ta’ Alla, is-Salvatur, biex b’hekk seħħ il-Patt ta’ Alla mal-poplu tiegħu. Mixja mal-istorja ta’ Alla mal-poplu.

Dan iġegħelna naħsbu, kompla jgħid il-Papa Franġisku, li t-tħabbira ta’ Ġesù, is-salvazzjoni li ġabilna, dar-rigal li tana Alla, mhux xi ħaġa ta’ waqt wieħed imma huwa mixja.

Mixja li Alla ried jagħmel mal-poplu tiegħu u li qatt m’għandna ninsew. Tant hu hekk li fl-Iskrittura nsibu ħafna rakkomandazzjonijiet f’das-sens, per eżempju, fil-Ktieb tad-Dewteronomju, li hu l-ktieb tal-memorja ta’ Iżrael.

Dan ifisser, spjega l-Qdusija Tiegħu, li rridu mmorru lura bil-memorja biex naraw kif issawret is-salvazzjoni, irridu nimxu bil-moħħ u bil-qalb, it-triq kollha biex naslu sa Ġesù.

Kien Ġesù stess li fakkarna kemm dan hu importanti meta fl-aktar mument qawwi ta’ ħajtu tana ġismu u demmu u qal: ‘Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’

Din hi stedina li l-Knisja tagħmlilna ta’ kuljum bil-liturġija Ewkaristika. Fil-bidu tal-quddiesa tal-lum, osserva l-Papa, hemm l-invokazzjoni: ‘O Alla, Int li rfajt lill-bniedem mill-waqgħa tiegħu u għollejtu għal dinjità aqwa minn dik li kellu fil-bidu….’ Dan ifisser li l-poplu għandu jgħożż it-tifkira u jiftakar li Alla dan kollu għamlu f’mixja mal-poplu tiegħu.

Waqt kull Ewkaristija aħna niċċelebraw din it-tifkira; il-memorjal li jtina l-ħajja. Imma aħna wkoll, żied Franġisku, fil-ħajja personali tagħna rridu nagħmlu l-istess, niftakru fil-mixja tagħna, għax kull wieħed u waħda minna hu f’mixja akkumpanjata minn Alla. Alla hu qrib tagħna anke meta xi kultant nitbiegħdu minnu.

F’kull waqt jagħmel tajjeb lin-Nisrani li jiftakar fil-mixja tiegħu u jifhem kif Alla wasslu sal-punt fejn ikun qiegħed, billi mexxieh minn idejh. B’hekk nindunaw li xi mindaqqiet lill-Mulej għidnielu: ‘Warrab minni, ma rridx!’ U l-Mulej jirrispettana anke f’dan.

Imma aħna għandna nibqgħu niftakru u ntennu: ‘Dakinhar Alla tani dik il-grazzja u jien weġibt hekk….. għamilt hekk.’ U nindunaw li Alla kien dejjem magħna. B’dal-mod aħna naslu għal-laqgħa li nistgħu nsejħulha l-laqgħa tal-gratitudni u allura nitolbu hekk: ‘Grazzi Mulej tal-kumpanija tiegħek, talli mxejt miegħi.’

U nitolbu maħfra ta’ dnubietna u tal-iżbalji ħalli nindunaw li Alla jimxi magħna u ma jibżax mill-ħażen li nagħmlu, imma jibqa’ dejjem magħna.
Hu importanti niftakru kemm-il darba għalaqnielu l-bieb f’wiċċu. Imma importanti wkoll niftakru li Hu dejjem baqa’ hemm, jistenna. Iżda fil-mixja tagħna għamilna wkoll it-tajjeb u dan għandna niftakruh ukoll.

Il-Papa stedinna niftakru fl-istorja tagħna għax din tqarribna lejn Alla u troddilna lura d-dinjità li kellu Adam fl-ewwel ħolqien.

Għalhekk jagħmlilna tajjeb li nistaqsu lilna nfusna kif inhi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla u niftakru fl-affarijiet kbar u sbieħ li l-Mulej għamel fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, temm jgħid il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.