Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > In-Nisrani ma jistax ma jħabbarx lil Ġesu

In-Nisrani ma jistax ma jħabbarx lil Ġesu


Il-Ġimgħa, 22 ta’ April 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

‘Aħbar’, ‘interċessjoni’, ‘tama’ huma t-tliet kelmiet li fuqhom għamel ir-riflessjoni l-Papa Franġisku dalgħodu, fid-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa qal li n-Nisrani hu bniedem tat-tama, li jittama li l-Mulej jerġa’ jiġi. Il-Papa ħeġġiġna wkoll biex ikollna l-kuraġġ inħabbru l-Qawmien ta’ Ġesù bħalma għamlu l-Appostli, akkost ta’ ħajjitna.

Illum jaħbat ukoll it-43 anniversarju minn mindu Jorge Mario Bergoglio għamel il-professjoni reliġjuża tiegħu.

Tliet dimensjonijiet tal-ħajja Nisranija: it-tħabbir, l-interċessjoni, it-tama. Għall-meditazzjoni tiegħu l-Papa Franġisku ħa spunt minn dawn it-tliet kelmiet li għandhom ikunu l-karatteristiċi tal-ħajja ta’ min jemmen.

Għan-Nisrani, il-qofol tal-aħbar hu li Ġesù Kristu miet u rxoxta għalina, għas-salvazzjoni tagħna.

Ġesù huwa ħaj! Din, fakkar il-Papa, hija l-aħbar tal-Appostli lil-Lhud u lill-pagani ta’ żmienhom u din l-aħbar taw xhieda tagħha anke b’ħajjithom, b’demmhom.

Meta Ġwanni u Pietru ttieħdu quddiem is-Sinedriju, wara li kienu fejqu l-magħtub, u s-saċerdoti kienu ordnawlhom biex ma jipprietkawx f’isem Ġesù, dwar il-Qawmien tiegħu, huma bil-kuraġġ kollu, bis-sempliċità kienu jgħidu: ‘Aħna ma nistgħux ma nippritkawx dak li rajna u smajna.’ L-aħbar.

U aħna l-Insara ta’ fidi għandna l-Ispirtu s-Santu ġo fina, li jurina u jsemmgħalna l-verità dwar Ġesù, li miet minħabba dnubietna u qam mill-mewt. Din hi l-aħbar tal-ħajja Nisranija. Kristu huwa ħaj! Kristu qam mill-mewt! Kristu jinsab fostna, fil-komunità, jakkumpanjana fil-mixja tagħna.

Ħafna drabi aħna tqal biex nilqgħu din l-aħbar, ikkummenta l-Papa. Imma Kristu Rxoxt huwa realtà, u huwa meħtieġ li nagħtu xhieda ta’ dan, kif jafferma Ġwanni l-Evanġelista.

Wara, il-Papa tkellem dwar l-interċessjoni. Waqt iċ-Ċena ta’ Ħamis ix-Xirka, l-Appostli kienu qalbhom sewda. Ġesù jgħid: ‘Titnikktux, ikollkom il-fidi. Fid-dar ta’ Missieri hemm post għal kulħadd. Sejjer inħejjilkom il-post.’

Xi jfisser dan?, staqsa l-Papa. Kif jippreparah il-post Ġesù? Bit-talb tiegħu għal kull wieħed u waħda minna. Ġesù jitlob għalina u din hi l-interċessjoni. Bħalissa Ġesù qed jaħdem għalina bit-talb tiegħu. Hekk kif darba, qabel il-passjoni, lil Pietru qallu: ‘Pietru, jien tlabt għalik,’ bl-istess mod issa Ġesù qed jinterċedi għalina quddiem il-Missier.

U kif jitlob Ġesù? Jien nemmen, qal il-Papa, li Ġesù juri l-pjagi lill-Missier, għax il-pjagi ħadhom miegħu wara li qam mill-mewt, u jurihom lill-Missier filwaqt li jsemmi isem kull wieħed u waħda minna. Din hi t-talba ta’ Ġesù. F’dan il-waqt Ġesù qed jinterċedi għalina: huwa l-interċessjoni.

It-tielet dimensjoni tal-ħajja tan-Nisrani hija t-tama. In-Nisrani, qal il-Papa, huwa bniedem tat-tama, li jittama li l-Mulej jerġa’ jiġi. Il-Knisja kollha, kompla jgħid, tinsab tistenna l-miġja ta’ Ġesù: Ġesù għad jerġa’ jiġi. U din hija t-tama Nisranija.

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Kif inhi l-aħbar f’ħajti? Kif inhi r-relazzjoni tiegħi ma’ Ġesù li qed jinterċedi għalija? U kif inhi t-tama tiegħi? Nemmen bis-serjetà li l-Mulej qam? Nemmen li qed jitlob lill-Missier għalija? Kull darba li nsejjaħlu, Hu jkun qed jitlob għalija, qed jinterċedi għalija.

Nemmen bis-serjetà li l-Mulej għad jerġa’ jiġi, se jiġi? Ikun tajjeb nagħmlu dawn il-mistoqsijiet lilna nfusna, dwar il-fidi tagħna: Nemmen fl-aħbar? Nemmen fl-interċessjoni? Jien bniedem ta’ tama?

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: