L-Arċisqof Charles J. Scicluna jiċċelebra Quddiesa fil-festa ta’ San Ġorġ Martri


Is-Sibt 23 ta’ April 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-festa ta’ San Ġorġ Martri, fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi

Għażiż poplu ta’ Alla, għeżież membri ta’ din il-Parroċċa Arċipretali ta’ San Ġorġ Martri, Eċċellenza għażiża President tar-Repubblika, Sur Preca, rispettabli Sindku, membri distinti speċjalment il-Membri Parlamentari, tant rappreżentanti, u qed nieħu pjaċir nara lilkom, għeżież membri tal-fratellanza.

Fl-Innu tant għażiż għalina, aħna ngħidu lil San Ġorġ: “ismek jgħid għeġubijiet”. L-ewwel riflessjoni qasira li nixtieq noffri llum hija propju fuq l-isem ta’ San Ġorġ għax inħoss li l-isem tiegħu għandu attwalità qawwija: l-isem tiegħu Georgius kif tafu mill-Grieg ‘georgos’ tfisser bidwi, għandu vokazzjoni partikolari.

L-ewwelnett nifrah u nagħti l-festa t-tajba lil kull min jismu Ġorġ jew Ġorġina għax illum propju t-23 ta’ April hija l-festa tagħkom, imma hija l-festa ta’ din il-parroċċa għażiża wkoll li tgħammdet fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu għall-glorja t’Alla taħt it-titlu ta’ San Ġorġ Martri.

Sant’Andrija minn Kreta, kif tafu, fis-seklu tmienja, dan il-Missier tal-Knisja, għaref, li miet fis-sena 767, kiteb omelija fuq San Ġorġ u għamel din ir-riflessjoni, spirata mill-fatt li l-isem Ġorġ ifisser ‘bidwi’. Kiteb hekk: “Sa miċ-ċokon, bħal bidwi tajjeb tħabat u frott bil-mija fil-wieħed u b’mod abbundanti, radd lill-Mulej fiż-żmien”. Mela San Ġorġ, bħal kull Nisrani laqa’ l-kelma ta’ Ġesù, li l-kelma ta’ Alla fih tagħmel il-frott. “Jiena għalhekk ħtartkom biex tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’”.

L-isem Ġorġi jrid ifakkarna f’tant mumenti fil-kelma t’Alla u fl-Evanġelju fejn il-Mulej jislet tixbihat, eżortazzjonijiet mid-dinja tal-biedja biex lilna l-Insara jgħallimna ngħixu l-ħajja Nisranija tagħna.

Kull Nisrani b’xi mod huwa ‘Giorgos’, jew ‘Ġorġ’ jew ‘Georgia’ għaliex kull Nisrani huwa msejjaħ biex ikun dak il-bidwi tajjeb li jagħmel il-frott u jagħmel il-frott bil-kotra.

Hu radd il-Mulej dan il-frott fi żmienu. Ġesù, f’ħin minnhom, isemmi sidien ta’ għalqa li meta ġie t-tifel tas-sid, minflok raddewlu l-frott tal-ħidma tagħhom, qatluh (ara Lq 20 13-15). In-Nisrani li jimxi fuq l-eżempju ta’ San Ġorġ, irodd lill-Mulej il-frott tal-ħidma tiegħu.

Sant’Andrija minn Kreta jkompli: “bil-moħriet tal-virtù mexa fir-radda’ ħelwa u devota tat-triq tas-sewwa u hekk li nstab dehen tas-Saltna tas-Sema”. Mela l-bidwi juża’ l-moħriet u Ġesù qal: “min imidd idu fuq il-moħriet u jħares lura, mhux tajjeb għas-saltna tas-sema” (Lq 9, 62). Jekk inti meddejt idek fuq il-moħriet, ħares ’il quddien ħalli r-radda tiġi tajba.

San Ġorġ jgħallimna li meta inti timpenja ruħek fil-ħajja Nisranija, għalkemm dgħajjef u midneb, trid tħares dritt lejn Ġesù, anke meta niżolqu fin-niexef. Inħarsu lejn Ġesù, ma nħarsux lura.

Il-Papa Franġisku hu u jgħallimna x’jiġifieri l-vera ħniena, jgħidilna: “mhux tħares lura, trid tħares ’il quddiem, tħallix l-iżbalji tal-passat, id-dgħufija tiegħek ifixkluk. Ħares ‘il quddiem”. Poġġi jdejk fuq il-moħriet, il-Mulej imexxik biex ir-radda ta’ ħajtek jekk kienet mgħawwġa, tidritta.

Sant’Andrija minn Kreta jkompli: “firex iż-żerriegħa fid-dmugħ u bil-ferħ ġabar il-ħsad”. Smajna s-Salm Responsorjali, illum kantat tant sabiħ: “Min jiżra’ fid-dmugħ jaħsad fil-ferħ”. San Ġorġ id-dmugħ xerrdu hu u jipprova jimxi wara Ġesù u jipprova jirrispondi għall-persekużżjonijiet li ġarrab hu u l-komunità tiegħu, hu u jipprova jħobb lill-Mulej. Bil-ferħ ħasad il-glorja, ħasad il-paċi ta’ qalbu, ta ġensu u anke l-ġieħ għall-Knisja.

Mill-art fejn twieled u trabba San Ġorġ, illum l-Insara ħutna qegħdin jgħaddu persekuzzjoni terribbli. Dak li għadda minnu hu qed jgħaddu minnu llum aħna u nitkellmu. Insara kkundannati għall-mewt għax għandhom kurċifiss mal-ġiżirana tagħhom, jew inkella għaliex ma jafux jirrepetu l-versi tal-Koran għax huma jafu l-Evanġelju, u għandhom bżonn il-qawwa li kellu l-qaddis għażiż tagħna San Ġorġ.

Aħna qegħdin hawn illum, barra li niftakru fil-memorja Liturġika ta’ San Ġorġ, biex nifirħu wkoll fl-anniversarju ta’ din l-istatwa sabiħa u stupenda. Fl-ikonografija tal-istatwa ta’ Pietro Feliċi aħna naraw suldat. Kull Nisrani huwa msejjaħ biex jilbes il-kurazza ta’ suldat. Ħa nfakkarkom x’jgħid l-appostlu Missierna San Pawl lill-Efesin, lin-nies li kienu jgħixu bil-belt ta’ Efesu. “Mill-bqija, twettqu fil-Mulej u ssaħħu bil-qawwa tiegħu,” mhux bil-qawwa tagħkom għax aħna hemmhekk nogħtru meta nafdaw fil-qawwa tagħna. “Ilbsu,” jgħid San Pawl, “l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-xitan. Għax il-ġlieda tagħna mhijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-setgħat, kontra l-qawwiet, kontra l-prinċpijiet ta’ din id-dinja tad-dlamijiet, kontra l-ispirti ħziena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet. Għalhekk ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, iżżommu weqfin” (Ef 6, 10-13).

Se ngħidilkom u intom tistaqsuni: “imma din l-armatura li fl-istatwa sabiħa ta’ San Ġorġ hija armatura ta’ suldat Ruman, ta’ żmienu, għalina x’se tkun?”
L-aħwa, l-armatura tagħna trid tkun billi nitlibsu bil-ħniena ta’ Alla, billi nħallu lil Alla jħaddanna hu, igeżwirna hu fil-ħniena tiegħu.

B’hekk jagħtina l-qawwa nħennu anke għal xulxin, anke għall-proxxmu tagħna wkoll. Dik se tkun l-armatura tagħna. Jekk jiena min għalija l-bravura tiegħi, il-virtujiet tiegħi, il-ġustizzja tiegħi se tkun il-korazza tiegħi, tittaqqab malajr! Il-ħażin u x-xitan, imqar bis-suppervja li titla’ għal rasi, jeqridha malajr dik il-kurazza, dik l-armatura malajr iddub fix-xejn, imma jekk aħna nafdaw fil-ħniena t’Alla, aħna għandna d-dell ta’ Alla fuqna, il-barka tiegħu fuqna. Hu jkun il-kenn tagħna, hu jkun it-tarka tagħna.

“Għalhekk ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla. Żommu sħiħ mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità,” għax jekk aħna ngħixu l-gidba, aħna falliment. “Ilbsu l-korazza tal-ġustizzja”.

Il-ġustizzja li tagħti lill-proxxmu tagħna dak li jisħoqqlu skont ir-rettitudni, imma l-ġustizzja hija wkoll li jiena nafda fil-fedeltà ta’ Alla.

“Xiddu riġlejkom bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem”. Dak il-veru sandli ta’ San Ġorġ u tan-Nisrani: il-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem. “Ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi, ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni, aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla” (Ef 6, 14-17). Hawn San Pawl jaqbad l-ikonografija li aħna tant ngħożżu għall-qaddisin bħal San Ġorġ: dik l-ikonografija hija għal kull Nisrani.
Jiena nixtieq nislet u nikkonkludi żewġ lezzjonijiet importanti. L-ewwelnett l-isem Ġorġ li jfakkarna f’dak kollu li Ġesù jgħallimna dwar kif għandna nagħmlu l-frott, kif għandna nħarsu ’l quddiem waqt li mmidu jdejna fuq il-moħriet.

Jiena ngħid li l-isem Ġorġi hija vokazzjoni biex in-Nisrani jkun hu d-difensur tal-ħolqien u tal-ambjent. San Ġorġ, minħabba ismu, għandu jkun protettur ewlieni ta’ kull min jiġġieled biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu igawdu s-sbuħija tal-ħolqien li aħna rċevejna bis-sabar, bil-għerf u d-dehen ta’ missirijietna.

Mela jekk jiena nara ħarruba u meta ngħaddi naraha meqruda, jiena nkun ħarist lejn falliment tas-soċjetà tagħna, għax dik il-ħarruba ħadet sekli biex tikber u l-injoranza ta’ xi ħadd, tkun ħarqitha f’sagħtejn.
Aħna hemm bżonn nitolbu lil martri tagħna San Ġorġ biex ikollna nies ta’ qlubija kbira li jiddefendu l-ambjent sabiħ li bih żejjinna l-Mulej, l-indafa tal-ibħra tagħna, l-ambjent naturali li qed isir wisq prezzjuż u m’aħniex nagħtu kasu kemm hemm bżonn.

It-tieni lezzjoni mill-armatura ta’ San Ġorġ. Meta tħarsu lejn San Ġorġ itolbuh li dak li qal San Pawl dwar l-armatura tan-Nisrani, isir ħajja ta’ kuljum għal kull wieħed u waħda minna. Aħna nqimu statwa tal-injam, ta’ xiex tkun, imma ma rridux nieqfu hemm għax inkunu qegħdin naħlu l-ħin. Aħna nqimu l-istatwi tal-qaddisin mhux biex nieqfu fl-istatwa, sabiħa kemm hi sabiħa, għażiża kemm hi għażiża, indehbuha kemm indehbuha.
Il-vera devozzjoni lejn il-qaddisin hija li nimitawhom minkejja d-dgħufijiet tagħna; anzi anke huma kienu dgħajfin, bħalna, imma rebħu bil-qawwa tal-ħniena ta’ Alla għalihom. Dik kienet il-vera tarka tagħhom, dik kienet il-vera kurazza tagħhom, l-armatura tagħhom: il-ħniena ta’ Alla.

Ejjew mela lil xulxin ma jkollniex kliem ta’ tkasbir, imma kliem ta’ ħniena għal xulxin; ma jkollniex kliem ta’ nkejja jew ta’ firda, imma kliem ta’ koperazzjoni u ta’ għaqda.

Naf kemm hu diffiċli imma llum jiena nitlob l-interċessjoni ta’ qaddis li fl-istorja tal-Knisja għaqqad fid-devozzjoni lejh, il-Punent u l-Lvant, it-Tramuntana u n-Nofsinhar għax id-devozzjoni lejn San Ġorġ hija devozzjoni tassew kattolika u universali. Kemm armati talbu lilu biex jiddefendihom, kemm pajjiżi iddedikaw lilhom infushom lil Alla bit-titlu ta’ San Ġorġ. Allura aħna se nibżgħu nitolbu lil Alla affarijiet kbar u li għalina forsi jkunu impossibbli? Le, ma naqtgħux qalbna għax Ġorġi tagħna jinterċedi għalina. Ismu veru jgħid l-għeġubijiet u aħna permezz ta’ ismu, lil Alla nitolbuh grazzi kbar. Viva San Ġorġ Martri!

✠Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.