Anke llum fil-Knisja hemm min jirreżisti lill-Ispirtu s-Santu, imma Hu jegħlibhom


Il-Ħamis, 28 ta’ April 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Dalgħodu, fl-omelija fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku għamel riflessjoni fuq il-qari meħud mill-Atti tal-Appostli. F’dak li nsejħulu l-Konċilju ta’ Ġerusalemm, il-protagonista tal-Knisja kien l-Ispirtu s-Santu, afferma Franġisku.

 

Kien Hu li mill-ewwel waqtiet ta l-qawwa lill-Appostli biex ixandru l-Vanġelu. L-Ispirtu kollox jista’, Hu jmexxi l-Knisja ‘l quddiem, bil-problemi tagħha. Anke meta tfaqqa’ l-persekuzzjoni, huwa Hu li jagħti l-qawwa lil min jemmen biex jibqa’ fidil minkejja l-qilla tad-‘dutturi tal-liġi’!

Fis-silta tal-lum hemm reżistenza doppja għall-Ispirtu: dik ta’ min kien jemmen li Ġesù ġie biss biex isalva l-poplu magħżul u dik ta’ min ried jimponi l-liġi ta’ Mosè biċ-ċirkonċiżjoni b’kollox fuq il-pagani li jikkonvertu. B’hekk inħolqot konfużjoni.

Imma l-Ispirtu mexxa l-qlub fi triq ġdida: dawn kienu s-sorpriżi tal-Ispirtu. L-Appostli sabu ruħhom f’sitwazzjoni li qatt ma kienu basru li se jsibu ruħhom fiha, sitwazzjoni ġdida. X’se jagħmlu?

Is-silta mill-Atti tal-Appostli tibda: ‘F’dawk il-jiem, minħabba li nqalgħet kwistjoni kbira,…’ Huma kienu jiddiskutu, imma l-qawwa tal-Ispirtu li kellhom fihom mexxiethom hi lejn novitajiet, lejn affarijiet li qatt ma kienu saru qabel. Per eżempju, huma qatt ma immaġinaw li l-pagani se jirċievu l-Ispirtu s-Santu.

Id-dixxipli kellhom biċċa taħraq f’idejhom u ma kinux jafu x’se jagħmlu. Għalhekk iltaqgħu f’Ġerusalemm biex kulħadd jirrakkonta l-esperjenza tiegħu, kif l-Ispirtu niżel ukoll fuq il-pagani.

U fl-aħħar ftehmu. Imma kien hemm xi ħaġa sabiħa: kollha kemm huma siktu u qagħdu jisimgħu lil Barnaba u lil Pawlu li kienu jirrakkuntaw l-għeġubijiet li Alla kien għamel fost in-nazzjonijiet li huma żaru.

Jeħtieġ nisimgħu u ma nibżgħux nisimgħu, kompla l-Papa. Min jibża’ jisma’ m’għandux l-Ispirtu s-Santu f’qalbu. Nisimgħu bl-umiltà. U wara li semgħu qatgħuha li lill-komunitajiet Griegi, jiġifieri lill-pagani li kienu saru Nsara, jibagħtulhom xi dixxipli biex jikkalmawhom u jgħidulhom li kollox kien sew, il-pagani li kkonvertew ma kellhomx bżonn iċ-ċirkonċiżjoni.

Kienet aħbar li ngħatatilhom b’ittra li l-protagonista tagħha kien l-Ispirtu s-Santu. Infatti d-dixxipli jaffermaw: ‘L-Ispirtu s-Santu u aħna ddeċidejna…’

Din għandha tkun it-triq tal-Knisja quddiem in-novità, qal Franġisku. Mhux in-novitajiet mondani bħalma huma l-modi tal-ħwejjeġ, imma s-sorpriżi tal-Ispirtu s-Santu, li jissorprendina dejjem. U l-Knisja kif taffronta dawn il-problemi biex issolvihom? Bil-laqgħat, bis-smigħ, bid-diskussjoni, bit-talb u bid-deċiżjoni finali.

Din kienet it-triq tal-Knisja sal-lum. U meta l-Ispirtu jissorprendina b’xi ħaġa li tidher ġdida u li ssib min jgħidlek, ‘S’issa qatt ma sar hekk,’ jew ‘għandu jsir hekk,’ aħsbu ftit fil-Konċilju Vatikan II, ir-reżistenzi li sab. Qed inġib dan l-eżempju għax hu qrib tagħna… Kemm reżistenzi!

Anke llum, f’xi forma jew oħra r-reżistenzi hemm għadhom, imma l-Ispirtu jibqa’ miexi ‘l quddiem. It-triq tal-Knisja din hi: li tiltaqa’ flimkien, nisimgħu lil xulxin, niddiskutu u nitolbu biex niddeċiedu. Din hi s-sinodalità tal-Knisja, li biha tesprimi l-għaqda fi ħdanha.

U fil-komunjoni, il-protagonista hu l-Ispirtu! X’qed jitlob minna l-Mulej? Li nkunu doċli għall-Ispirtu, li ma nibżgħux meta nħossu li l-Ispirtu qed isejħilna.

Kultant, kompla l-Papa, l-Ispirtu jwaqqafna kif għamel ma’ San Pawl, biex jibgħatna xi mkien ieħor. Iżda ma jħalliniex waħedna; itina l-kuraġġ, il-paċenzja, jgħinna nimxu fis-sod fit-triq ta’ Ġesù, jgħinna nirbħu r-reżistenzi u nkunu qalbiena fil-martirju.

Nitolbu lill-Mulej, temm Franġisku, il-grazzja li nifhmu kif għandha timxi ‘l quddiem il-Knisja, li nifhmu kif sa mill-ewwel żminijiet il-Knisja affrontat is-sorpriżi tal-Ispirtu s-Santu. U kull wieħed u waħda minna jitlob li jkun doċli għall-Ispirtu s-Santu biex nibqgħu mexjin fit-triq li l-Mulej iridna nimxu fiha kemm individwalment u wkoll bħala Knisja.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.