Patri Mario Attard OFM Cap
Dan l-aħħar rajt kitba fuqu li tgħidx kemm ħadt gost naqraha! L-għaliex jixraqlu! U jixraqlu li nsemmuh b’ismu. Mhux biss biex jieħu unur nazzjonali, għalkemm l-unuri qatt m’għamlu bih. Imma għall-ġid li l-Mulej qed jagħmel lill-poplu Malti.
Qiegħed nirreferi għall-ħabib kbir tiegħi Ġorġ Aġius. L-għannej tal-Mulej. L-għannej dejjem żgħażugħ. Minkejja d-90 sena li l-Mulej għoġbu jżejnu bihom. Kemm ili naħdem fl-Isptarijiet ta’ San Luqa u issa f’dak ta’ Mater Dei dejjem hekk nafu. Jiġi filgħodu. Għall-quddiesa tas-6.30 am. L-għaliex Ġorġ jibda’ l-ġurnata tiegħu bil-quddiesa, l-aqwa talba.
U wara li jieħu sehem fil-quddiesa bl-aktar devozzjoni arah jibda’ l-ħidma tiegħu man-nies. Ħidma sempliċi. Imma tassew effikaċi. Ġieli nilħqu meta nkun għadni kemm qaddist. U għalhekk ikolli dak il-mument mill-isbaħ miegħu biex iqabbilli xi waħda. Taqbil sempliċi imma jidħol kexxun. Sewwa jgħidli Ġorġ li “dan hu don tal-Mulej!” X’kapaċi jagħmel hux il-Mulej permezz ta’ min hu umli!
It-taqbiliet li jqabbel Ġorġ ivarjaw fuq ħafna suġġetti. Bħalissa qed niftakar f’taqbila ħelwa li Ġorġ qabbel dwar Dun Ġużepp Caruana. Jiġifieri dak is-saċerdot li waqqaf l-ewwel Youth Centre fi ħdan l-Azzjoni Kattolika f’Raħal Ġdid fl-1958. L-istess Dun Ġużepp kien mogħti l-Midalja għal Qadi tar-Repubblika f’Diċembru tal-1994 għax-xogħol tad-deheb tiegħu b’risq iż-żgħażagħ. Fuq dan is-saċerdot qaddis Ġorġ għandu din it-taqbila: “Dun Ġużepp Caruana, Fis-sajf u fix-xitwa, Dejjem bis-suttana; Bniedem tassew ħanin, Mar jiltaqa’ mal-qaddisin”.
Ġorġ dejjem iħeġġiġni biex nilbes iċ-ċoqqa Franġiskana kullimkien. Iħobb jgħidli: “Dak jitkellem waħdu!” Imbagħad wara jħobb jgħidli taqbila li tħallini naħseb u nirrifletti mhux ftit: “Patri bid-daħka f’wiċċu l-midneb imur ifittxu!” Xi ġmiel! U hawnhekk Ġorġ tefagħni fl-omelija mill-isbaħ li Papa Franġisku għamel nhar Ħamis ix-Xirka tas-17 ta’ April 2014. Dakinnhar il-Papa kien tħaddet dwar il-ferħ tas-saċerdot. Huwa qal: “Il-ferħ tas-saċerdot hu ġid prezzjuż mhux biss għalih imma wkoll għall-poplu fidil kollu ta’ Alla: dak il-poplu fidil li fih is-saċerdot hu msejjaħ biex jiġi midluk u għandu hu mibgħut biex jidilku”.
Ġorġ għandu mħabba kbira lejn Marija. Taqbila minnhom ma’ ninsieha qatt! “Madonna ta’ Pompej ħarisni bin-nhar u billejl”. Din it-taqbila tassew inxterrdet! Kemm ilni nismagħha meta nkun man-nies! Għal min jaf lil Ġorġ jaf kemm iħobb jiċċajta. Isimgħu din it-taqbila kemm qiegħdha tajjeb! “Min jgħix tajjeb qatt ma jagħli, U kemm jixraqlek in-nuċċali!” X’ħila hux li mill-baħar bla qies tar-riflessjoni personali Ġorġ jnissillek dik it-tbissima. “Li biha lil Alla tagħti qima!” Minn naħa l-oħra Ġorġ, fit-taqbiliet tiegħu, ġieli jibda b’xi ħaġa li ġġagħlek titbissem u mbagħad titlqek f’abbiss ta’ riflessjoni. Hekk, ngħidu aħna, “aħjar platt għaġin minn eżempju ħażin”.
Għal Ġorġ il-ħajja tal-għaqda tagħna mal-Mulej m’għandhiex staġuni. Għalhekk l-Għannej jgħanni b’konvinzjoni kbira: “Fil-ksieħ u fis-sħana ruħ nadifa u qalb ferħana”. Fl-għana tiegħu Ġorġ jisħaq ħafna fuq l-importanza li ilsienna nużaw sewwa. Nużawh biex inġibu l-ġid u qatt il-ħsara. Għalhekk jiftħilna għajnejna b’dan il-kliem għaqli u meqjus: “Kelma tajba u edukata tiffrankalek battikata.” U lilna, l-persuni tal-kunvent, Ġorġ għandu kelma għalina ilkoll tafux! “Reliġjużi, sorijiet, ħobbu l-paċi, żommu l-kwiet!”
Ġorġ jaf li jien inħobb il-bhejjem tal-ġiri u, meta jkolli ċans, tgħidx kemm nieħu gost ninżel sal-Korsa tal-Marsa ħalli narahom jiġru. Mhux l-ewwel darba li qsamt miegħu l-ferħ li nħoss meta jkolli din l-opportunità sabiħa. Għalhekk, bit-tbissima mdawla tiegħu, fomm Ġorġ ħariġli b’din it-taqbila: “Il-bhejjem tal-ġiri, arahom għaddejjin, mad-dawra tal-Marsa, sbieħ wisq bis-serkin!”
Niftakar li meta kien qabbilli din it-taqbila Ġorġ kien pront qabbilli oħra biex, bħallikieku, jżommi saqajja mal-art. Hawnhekk il-ħarsa tiegħu isserjat. L-għaliex dak li kien qed iqabilli fuqu tassew inissel uġiegħ għal min jinqabad f’din il-misħuta attitudni! F’dan il-valenu li tant jagħmel ħsara bejnietna. “Kemm hi kerha s-suppervja biha l-bniedem jinstaram, ma jimxix fit-triq it-tajba ikun sebaħ u jaħsbu dalam”. Iva ħbieb! Min hu supperv jiżbalja bil-kbir! Jaħseb mod u jkun ieħor! L-għaliex ma jridx jara l-verità! U hekk idaħħal lilu nnifsu u l-povri li huma marbuta miegħu, fi sqaqien kbar. Għal-ġol ħajt!
Imma dlonk kif temm it-taqbila-twiddiba li għamilli fuq fomm Ġorġ mill-ewwel reġgħet feġġgħet fuq fommu dik it-tbissima smewwija l-għaliex qabbilli taqbila li biha tgħidx kemm tani gas! Kuraġġ! U gazz! “Ibqa’ sod u ibqa’ soda, l-ħajja t-tajba l-aqwa moda”. Issa din it-taqbila tant kemm għoġbitni li ma stajtx ma ndaħħalhiex fl-għeluq tal-paniġierku li l-Mulej tani l-grazzja ninseġ is-sena l-oħra lil Santa Liena Imperatriċi Awgusta, f’jum il-festa tagħha.
Anki għal dan il-Ġublew tal-Ħniena Ġorġ għandu taqbila tassew sabiħa. Huwa jgħanni: “Ġesù tal-Ħniena Divina għandek qalbek wisq ħanina”. U mbagħad issokta iqabbilha: “Itlob għalina għax aħna katina”. Din it-taqbila fakkrittni f’dak li naqra fl-Ittra lill-Lhud: “Għalhekk ukoll huwa [Ġesù] jista’ jsalva għalkollox ‘il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqa’ għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom” (Lhud 7:25). Din it-taqbila fakkrittni wkoll fit-talba li Ġesù talab għal dawk li kienu se jemmnu fih, mela għalina, biex nibqgħu ħaġa waħda bejnietna. “M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni. Il-glorja li int tajt lili jiena tajtha lilhom, biex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda: jiena fihom u inti fija, biex isiru ħaġa waħda għalkollox, ħalli d-dinja tagħraf li inti bgħattni u li ħabbejt lilhom kif ħabbejt lili” (Ġw 17:20-23).
Ilkoll nafu kemm f’pajjiżna l-pjaga tad-dagħa hija kbira. Għalhekk meta persuna tinfaqa’ tidgħi f’wiċċi u f’wiċċek, wara li tikkalma, int u jien nistgħu inqablulha din it-taqbila-mediċina li Ġorġ jħobb jgħannieha: “Ilsienek qiegħed ġo ħalqek faħħar bih lil dak li ħalqek”. X’naqra ta’ omelija dik eh f’għaxar kelmiet! Mela ejjew nsorruha din it-taqbila ħalli meta xi ħadd jiżbalja bid-dagħa, rasi u rasu, rasi u rasha, ngħiduhielhom. X’taħsbu?
Beħsiebni nagħlaq dawn il-ħsibijiet bl-aħħar tħeġġiġa ta’ Ġorġ biex nibqgħu miexja fit-triq tal-Mulej. “Fit-triq it-tajba nibqgħu mexjin ħalli fil-ġudizzju nkunu n-naħa tal-ħenjin!” U mbagħad l-aħħar kelma tkun dejjem lilha, lis-Sinjura! “Madonna wassallna ħdejk, jekk inkunu ħa niżolqu tħalliniex! Newlilna idejk!”
Int li qrajt dawn il-ħsibijiet tgħallem xi żewġ taqbiliet u għamilhom it-talba tiegħek lill-Mulej kuljum. Agħmilhom il-motto ta’ ħajtek. U għallimhom lil uliedek u lil ulied uliedek.
U int, għażiż sieħbi Ġorġ! Ibqa’ ejja Mater Dei u berikna bil-Verbum Dei! Ibqa’ agħmel ħafna ġid ħalli premju ikbar l-Mulej jagħtik! Il-Mulej ibierkek ħabib! “Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli!” (Salm 13:6).