Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Ġesù huwa t-triq imma ħafna Nsara jgħixu qishom mummji jew vagabondi

Ġesù huwa t-triq imma ħafna Nsara jgħixu qishom mummji jew vagabondi


It-Tlieta 3 ta’ Mejju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Ġesù huwa l-veru triq tal-ħajja Nisranija u huwa importanti li l-ħin kollu niċċekkjaw aħniex mexjin warajh bil-koerenza jew jekk l-esperjenza tal-fidi tagħna tilfitx it-triq jew weħlet xi mkien. Dan il-ħsieb hu s-sustanza tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Il-ħajja tal-fidi hija mixja u mat-triq niltaqgħu ma’ ħafna tipi ta’ Nsara. Il-Papa Franġisku għamel katalgu qasir ta’ dawn: Insara mummji, Insara vagabondi, Insara rashom iebsa, Insara bin-nofs – dawk li jibqgħu miblugħin quddiem xi panorama ta’ ġmiel imma jibqgħu mwaħħlin hemm, nies li għal raġuni jew oħra nsew li l-unika triq ġusta – ifakkarna dan il-Vanġelu tal-lum – hija Ġesù, li lil Tumas jikkonfermalu: ‘Jiena hu t-triq; min ra lili, ra lill-Missier.’

Il-Papa Franġisku mbagħad beda jispjega waħda waħda, dawn il-kategoriji ta’ Nsara konfużi u beda b’dawk li ma jimxux, li jagħtu l-idea li huma ftit jew wisq ibbalzmati.

Nisrani li mhux f’mixja, li ma jaqtax għal għonq it-triq, hu Nisrani li mhux nisrani, qal Franġisku. Ma nistgħux ngħidu x’inhu. Hu Nisrani xi ftit pagan; qiegħed hemm, wieqaf, ma jimxix ‘il quddiem fil-ħajja Nisranija, f’ħajtu ma jwarrdux il-Beatitudnijiet, ma jagħmilx opri tal-ħniena. Hu wieqaf u qiesu mummja, mummja spiritwali. U filwaqt li skuża ruħu għall-espressjoni, Franġisku reġa’ tenna li hemm Insara li huma mummji spiritwali, weqfin, li ma jagħmlux deni, imma lanqas jagħmlu ġid.

Hemm imbagħad in-Nisrani ta’ ras iebsa. Meta nimxu, qal il-Papa, jiġri li xi kultant niżbaljaw it-triq. Imma dik mhix l-agħar ħaġa. It-traġedja hi li tkun rasek iebsa u tgħid li dik hi t-triq bla ma tħalli leħen il-Mulej jgħidlek li mhix dik, jgħidlek: ‘Erġa’ lura u ibda miexi mill-ġdid fit-triq it-tajba.’

Hemm kategorija oħra: l-Insara li jimxu mingħajr ma jafu fejn sejrin. Huma l-vagabondi tal-ħajja Nisranija. Ħajjithom iduru minn naħa għall-oħra u b’hekk jitilfu s-sbuħija tal-qrubija ma’ Ġesù, mal-ħajja ta’ Ġesù.

Jitilfu t-triq għax jiġru minn post għall-ieħor bla direzzjoni u dil-ħajja twassalhom għal ħajja mingħajr żbokk. Il-vagabondaġġ hu labirint, u mbagħad ma jkunux jafu mnejn se joħorġu! Dawn tilfu s-sejħa ta’ Ġesù. M’għandhomx boxxla biex joħorġu mil-labirint u jibqgħu jagħqdu hemm ġew, ifittxu.

Hemm Insara oħra li jissaħħru wara s-sbuħija ta’ xi ħaġa u jieqfu nofs triq, mistagħġbin b’dak li jkunu qed jaraw, b’dak il-pajsaġġ. U jieqfu! Il-ħajja Nisranija mhix attrazzjoni, hija verità! Hija Kristu Ġesù!

Meta naraw dan, kompla jirrifletti l-Papa Franġisku, jiġu f’moħħna ċerti mistoqsijiet. Il-mixja li bdejt bil-Magħmudija kif sejra? Wieqfa? Żbaljajt it-triq? Indur dejjem bla ma naf fejn sejjer spiritwalment? Nieqaf quddiem dak li jogħġobni: il-mondanità, il-vanità, jew dejjem miexi ‘l quddiem u l-Beatitudnijiet u l-opri tal-ħniena nagħmilhom ħaġa konkreta?

Għax it-triq ta’ Ġesù, kompla l-Papa, hi mimlija faraġ, glorja, imma slaleb ukoll. Imma dejjem bil-paċi tal-qalb.

Illum nieqfu b’din il-mistoqsija, imma nagħmluha lilna nfusna, ħames minuti kollox. Kif jien sejjer fil-mixja Nisranija? Wieqaf, żbaljat, indur, wieqaf mistagħġeb bis-sbuħija ta’ dak li jogħġobni, jew fit-triq ta’ Ġesù li qal ‘Jien it-triq’?

Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħallimna nimxu tajjeb, dejjem! U meta ngħejjew, ftit tan-nifs, u nerġgħu nibdew mexjin. Nitolbu din il-grazzja, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: