Skola ta’ tagħlim

Print Friendly, PDF & Email

 

Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli l-grazzja inżur lill-Patrijiet tagħna l-Kapuċċini ma’ ħuti tal-Fraternità fid-Dar tal-Kleru. Kienet żjara li għamlitli ħafna ġid fuq diversi livelli. Ix-xjuħ tagħna huma minjiera ta’ għerf!

Meta dħalt fid-Dar tal-Kleru wieħed mir-residenti qalli xi ħaġa li bqajt inħammem fuqha. “X’tagħmlilna x-xjuħija!” Tassew! Għandu raġun! Ix-xjuħija tibgħatna lura. Almenu mill-fakultajiet fiżiċi u psikoliġiċi tagħna. Ma nkunux nistgħu nagħmlu x-xogħol li konna nagħmlu qabel. L-għaliex ix-xjuħija iddaħħalna ħelu ħelu għar-rejaltà oħra, l-aħħar stadju ta’ ħajjitna qabel nidhru quddiem il-Ħallieq. Għalhekk, waqt li kont miexi ma’ ħuti l-Patrijiet fil-kurituri ta’ din id-Dar nadifa xummiema u miżmuma b’tant imħabba, ma stajtx ma niftakarx fil-kliem qawwi tal-mibki Superjur Delikata: “Meta stajt ma ridtx u meta ridt ma stajtx!” Mela, la jien b’saħħti, it-tajjeb li nista’ nagħmel ħa nagħmlu issa. Għaliex wara addijo il-ħafna rimorsi! Ma rrid bl-ebda mod nispiċċa fis-sitwazzjoni li jfissirha tant tajjeb il-kittieb Ingliż William Somerset Maugham meta jgħid: “Dak li jagħmel ix-xjuħija diffiċli biex wieħed jgħix magħha m’humiex il-fakultajiet mentali u fiżiċi tal-persuna li jibdew sejrin lura. Imma li jagħmilha tassew diffiċli hija l-memorji ta’ dak li jkun”. Mulej, eħlisni minn memorji fejn stajt nagħmel il-ġid u m’għamiltux. L-għaliex l-erbat ijiem li nkun fadalli ngħix fuq din l-art irrid ngħaddihom b’moħħi mistrieħ li fejn stajt mhux biss ridt il-ġid imma li nkun wettaqtu. Amen!

Imbagħad, mument sabiħ li kelli f’din l-esperjenza kienet li ltqajt ma’ persuna oħra li għallmittni sentenza mill-isbaħ bil-Latin: Bomum est diffusivum sui. “It-tajjeb għandu t-tendenza li jinxtered”. Dik kien qalha l-kbir għaref Dumnikan San Tumas t’Akwinu fix-xogħol tal-għaġeb tiegħu Summa Theologiae (I, q. 5 a. 4, ad 2). Għax it-tajjeb, la hu tajjeb, ħadd ma jista’ jiqaflu. L-għaliex tajjeb kien, għadu u jibqa’. Minnu nnifsu! U, la hu tajjeb, min ixerrdu jagħmlu bħalu, tajjeb. Dan ir-resident għallimni xi ħaġa tassew kbira. Minkejja li għandu ż-żmien xorta qed jagħmel ġid kbir permezz tal-midja. Qiegħed ixerred kwotazzjonijiet li jagħmlu ħafna ġid lil min jirċeviehom. Prosit Dun! Tajtni eżempju kbir biex nuża’ l-midja ħa nibni u mhux infarrak! Insaħħaħ u mhux indgħajjef!

Imbagħad, l-aħħar resident għallimni sentenza oħra sabiħa bil-Latin: Oremus pro invicem. Jiġifieri “nitolbu għal xulxin”. Kliem ieħor sabiħ u ta’ min jixtarru. U mhux hekk qed jgħallimna Papa Franġisku? Innutah! Kważi fl-aħħar ta’ kull diskors li qed jagħmel dejjem qed jirrepeti l-istess talba: “Itolbu għalija!” Għax kulħadd għandu bżonn it-talb. Jiena l-ewwel wieħed. Mela itolbu għalija wkoll ħbieb bħalma jien nitlob għalikom!

Il-ħassieb kbir Ġermaniż, Johann Volfgang von Goethe, kien jgħid: “Il-mod li bih nara lin-nies hu l-mod kif nittratthom. U l-mod kif nittratthom huwa dak li jsiru”. Ejjew nittrattaw lill-anzjani tagħna b’imħabba u rispett kbir. Ejjew narawh fihom l-għalliema tagħna. Minn din iż-żjara lil ħuti Kapuċċini fid-Dar tal-Kleru l-Mulej għallimni f’liema stat ix-xjuħija għad iġġibni. Għalhekk it-tajjeb li nista’ nagħmel ħa nagħmlu illum. U, biex dan nagħmlu, jiena nistrieħ fuq it-talb tagħkom. Bħalma jien nitlob għalikom ħalli t-tajjeb li tistgħu tagħmlu ma tħalluhx għal għada. Għax għada jaf ikun tard wisq!

Ix-xjuħija! Xi skola ta’ tagħlim! U ejja ma nħallux li nixjieħu biex nitgħallmu. Imma nieħdu l-parir tal-politiku u l-poeta tal-Greċja l-Antika, Solon (630-560 QK), li kien jgħid: “Jiena nikber meta nitgħallem xi ħaġa ġdida kuljum”. Prosit Patri Gwardjan li ħadtna nżuruhom!

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: