The Ten Commandments jagħlaq sittin!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

It-Tlieta 6 ta’ April u l-għada, jiġifieri l-Erbgħa 7 ta’ April, ir-Rete 4 uriet dan il-film kolossali li min jaf kemm-il darba rajnieh! Is-sabiħa hi li aktar ma narawh aktar inkunu irridu li narawh. L-għaliex minkejja li għaddew sittin sena minn mindu nħadem dan il-film jibqa’ dejjem ġdid. Affaxxinanti! U, fuq kollox, li jispirana! F’kelma waħda li jdaħħalna f’dinja oħra li min jaf kemm-il sular tinsab midfuna, jekk mhux ukoll maqtula għal kollox, minn dak li ninsabu fih aħna illum!

Naħseb li s’issa fhimtuni għal liema film qed nirreferi. Qiegħed nirreferi għall-film magħruf The Ten Commandments. Dak il-film li jiddrammatizza l-istorja biblika tal-ħajja ta’ Mosè, il-prinċep adottat tal-Eġittu, li, b’għażla diretta mill-Mulej, isir il-ħellies ta’ ħutu, il-Lhud li kienu fil-jasar iebes taħt l-id tal-ħadid tal-Fargħun. Ikun sewwasew Mosè, il-prinċep adottat, li jmexxi l-Esodu, jiġifieri l-ħruġ tal-ħelsien tal-Poplu Lhudi lejn il-Muntanja Sinaj minfejn jirċievi, mingħand il-Mulej, l-Għaxar Kmandamenti.

Il-preview ta’ dan il-film sar f’Salt Lake City, fl-Istati Uniti, nhar il-5 t’Ottubru tal-1956. Imbagħad il-film beda’ l-ġirja tiegħu fl-Istati Uniti fejn issokta jintwera f’New York City premiere fit-8 ta’ Novembru tal-1956 u fl-aħħar nett fl-14 ta’ Novembru tal-1956 ġewwa Los Angeles premiere.

Il-film The Ten Commandments ġie dirett mill-producer stess, Cecil B. DeMille. Henry Wilcoxon għenu fil-produzzjoni tal-film bħala associate producer. L-iscreenplay ħarġet minn idejn Æneas MacKenzie, Jesse L. Lasky, Jr., Jack Gariss u Fredric M. Frank. It-test tal-film huwa erba’ għejjun. L-ewwel nett il-Bibbja imbagħad in-novelli Prince of Egypt miktuba minn Dorothy Clarke Wilson, Pillar of Fire, ta’ J.H. Ingraham u On Eagle’s Wings ta’ A.E. Southon. L-atturi ewlenin f’dan il-film kbir huma Charlton Heston fil-parti prinċipali ta’ Mosè, Yul Brynner fil-parti ta’ Rameses, Anne Baxter fil-parti ta’ Nefretiri, Edward G. Robinson fil-parti ta’ Datan, Yvonne De Carlo fil-parti ta’ Sefora, Debra Paget fil-parti ta’ Lilia u John Derek fil-parti ta’ Ġożwè. F’dan il-film ħadu sehem ukoll atturi oħrajn bħal Sir Cedric Hardwicke fil-parti ta’ Sethi, Nina Foch fil-parti ta’ Bithiah, Marta Scott fil-parti ta’ Yoshebel, Judith Anderson fil-parti ta’ Memnet, Vince Price fil-parti ta’ Baka u oħrajn. In-narratur tal-istorja hu Cecil B. DeMille. Il-mużika tal-film hija xogħol ta’ Elmer Bernstein. Iċ-ċinematografija kien dik ta’ Loyal GriggsA.S.C. L-editing ta’ The Ten Commandments kien f’idejn Anne Bauchens. Il-kumpanija li pproduċiet dan il-film magħruf kienet Motion Picture Associates. Il-film ġie distribwit minn Paramount Pictures. Il-budget għal The Ten Commandments kien dak ta’ $13 miljun dollaru. Mal-ewwel darba li ntwera’ dan il-film seħħlu jdaħħal fil-but mal-$122.7 miljun dollaru.

L-iffilmjar ta’ The Ten Commandments seħħ fl-Eġittu, fuq il-Muntanja Sinaj u fil-Peninżula tas-Sinaj. The Ten Commandments kien l-aħħar u l-aktar xogħol li kien ta’ suċċess kbir għal Cecil DeMille. Ma ninsewx li qabel it-Ten Commandments kien hemm film ieħor li kien iġib l-istess titlu tiegħu u li kien inħadem fl-1923. The Ten Commandments tas-sena 1923 kien film silenzjuż. Il-film ta’ DeMille kellu wieħed mill-akbar sets li qatt ġew maħluqa fl-istorja tal-produzzjoni tal-films. Meta ġie uffiċjalment miftuħ għall-pubbliku, nhar it-8 ta’ Novembru 1956, The Ten Commandments kien l-aktar film li qam flus fl-istorja ċinematografika sa’ dakinnhar.

Fl-1957 The Ten Commandments ġie nominat għal seba’ Academy Awards li kienu jinkludu l-Best Picture. Dan il-film rebaħ ukoll l-Academy Award għall-aqwa effetti viżwali meta ġie ippremjat John P, Fulton, A.S.C. L-attur ewlieni, Charlton Heston, ġie nominat għal Golden Globe Award għall-aqwa perfomance minn attur f’motion picture (Drama) għar-rwol tiegħu ta’ Mosè. Minn naħa tiegħu, Yul Brynner rebaħ in-National Board of Review Award għall-aqwa attur fir-rwol tiegħu ta’ Ramesse u fi rwoli oħra fiż-żewġ films Anastasia u The King and I. Iċ-ċifra impressjonanti tad-dħul ta’ $122.7 miljun dollaru turi li l-film, The Ten Commandments, huwa wieħed mill-aktar films li għamlu l-akbar qliegħ. Ma ninsewx li din is-somma inqalgħet hekk kif il-film beda jintwera għall-ewwel darba fiċ-ċinema. The Ten Commandments spiċċa l-aktar film ta’ suċċess tal-1956 u t-tieni l-aktar film li qala’ flus f’dak id-deċenju. Skont il-Guinness World Records The Ten Commandments huwa s-seba’ l-aktar film li kien ta’ suċċess għal kull żmien. Fl-1999 il-film ġie magħżul għall-preżervazzjoni fin-National Film Registry mill-Library of Congress. The Ten Commandments ġie mfisser bħala il-film li għandu tifsira “kulturali, storika jew estetika”. F’Ġunju tal-2008 l-American Film Insitute irrivela l-aqwa għaxar films f’għaxar ġeneri ta’ films Amerikani. Din il-biċċa xogħol seħħet wara li ntgħażlu ‘l fuq minn 1,500 persuna li ġejjin mill-komunità krejattiva. Il-film The Ten Commandments ġie mniżżel bħala l-aqwa għaxar film tal-ġeneru epiku.

Il-plot ta’ The Ten Commandments iseħħ fuq 220 minuta b’waqfa waħda f’nofs il-film. Biex jaħrab mill-editt tal-Fargħun tal-Eġittu, Ramesse I, li bih ikkundanna lis-subjien kollha Lhud għall-mewt, it-tarbija Mosè titpoġġa f’basket tal-qasab u tiġi mitfugħa tgħum fix-xmara Nil. Tkun bint il-Fargħuni, Bithiah, li ssavlah u taddottah bħala binha u trabbih fil-qorti ta’ ħuha, l-Fargħun Seti. Mosè ġie iffavorit minn Seti, ġie maħbub mill-prinċipessa għat-Tron Nefertiri u mibgħud minn iben Seti, Ramesse. Meta ġie magħruf li Mosè kien Lhudi huwa ġie mġiegħel iħalli l-Eġittu u, wara li qasam deżert mill-aktar aħrax, jseħħlu jiżżewweġ lil Sefora, li minnha jkollu iben. Fil-mawra tiegħu fuq il-Muntanja Sinaj Mosè ingħata l-ordni mill-Mulej biex jirritorna lejn l-Eġittu bil-għan li jeħles lill-Lhud mill-jasar tagħhom. Fl-Eġittu Mosè sab ma’ wiċċu tistennieħ il-qalb iebsa tal-Fargħun li ma ried jitlaq b’xejn lill-poplu Lhudi minn taħt idejh. Wara għaxar kastigi mill-Mulej il-Fargħun ċeda u l-poplu fl-aħħar ħareġ mill-Eġittu. Madankollu l-qalb iebsa tal-Fargħun waslietu biex jerġa’ imur għall-poplu ta’ Iżrael bil-għan li jerġa’ jaħkmu. Iżda l-kolonna tan-nar u l-għarqa tal-armata kollha tal-Fargħun fil-Baħar tal-Qasab xejnet il-ħsieb qerried tal-Fargħun. Hekk, il-poplu, li qasam minn baħar mifruq u fuq art nixfa seħħlu jgħaddi għan-naħa l-oħra sakemm wasal fil-Muntanja Sinaj. Sakemm Mosè tela’ ħdejn il-Mulej biex jagħtih l-Għaxar Kmandamenti l-poplu dar kontra l-Mulej u għamlu l-idolu tal-għoġol tad-deheb. Meta Mosè irritorna minn fuq il-Muntanja huwa qered l-għoġol tad-deheb u b’kastig ix-xewwiexa kontra l-Mulej, immexxija minn Dathan u sħabu, jinbelgħu mill-art. Il-film jagħlaq bil-ħatra ta’ Ġożwè li kellu jkun hu li jdaħħal il-poplu Lhudi fl-art imwegħda.

Jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien minn fuqu The Ten Commandments jibqa’ ġdid. Dan l-għaliex The Ten Commandments, permezz tal-kliem li jgħid Mosè fl-aħħar tal-iscript tal-film hekk kif jqiegħed idejh fuq ras Ġożwè u jpoġġi l-mantar tiegħu fuq dahru, u jsellem lil martu Sefora għall-aħħar darba, jagħti lili u lilek missjoni x’inwettqu: “Morru! Ħabbru l-ħelsien mal-artijiet kollha, lil dawk kollha li jgħammru fihom”. Din hija l-missjoni tiegħi u tiegħek, li nħabbru b’ħajjitna l-ħelsien mill-ħażen ta’ kull għamla ta’ jasar. Għax, “hekk għandu jinkiteb. Hekk għandu jseħħ”. Kos hux! Mhux ta’ b’xejn li l-aħħar stampa tal-film turina din il-kitba biex, bħal donnu, tfakkarna li din hija l-missjoni tiegħek! U tiegħi! Li nħabbru b’ħajjitna li l-ħażen ta’ kull għamla ta’ jasar jiemu huma magħduda!

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading