L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil-Bażilika tal-Annunzjazzjoni f’Nazareth


Nhar il-Ħamis 5 ta’ Mejju 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-Bażilika tal-Annunzjazzjoni, f’Nazareth, fil-bidu tal-Pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Bażilika ta’ l-Annunzjazzjoni, Nazaret

Ftit riflessjonijiet li mbagħad jissieħbu mal-ispjega li jiena persważ li ser jagħmlilna b’mod sabiħ u profond Fr. Twanny meta nduru l-grotta, għaliex dan il-bini, li jaf anke l-ġenerożità tal-Papa Pawlu VI, huwa kbir ħafna. Innutaw li l-koppla hija iddisinjata b’forma ta’ fjura tal-ġilju rasha l-isfel. Bħalissa fil-ġonna tagħna, min iħobb il-fjuri jaf li għandna l-ward u l-ġilju, u din il-koppla f’dan it-tempju jfakkarna fil-purezza u fis-safa’ tal-Madonna.

L-ewwelnett aħna nirringrazzjaw lil Alla li qed nibdew dan il-pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa billi niċċelebraw l-ewwel quddiesa propju hawnhekk. Tfajla żgħażugħa ta’ madwar sittax-il sena li jkollha esperjenza qawwija ta’ talb u jkollha dan il-kollokju mal-messaġġier ta’ Alla.

Kif seħħet eżattament din il-ġrajja aħna ma nafux, imma nistgħu nimmaġinaw permezz tal-istatwi li għandna fil-parroċċi ddedikati lil-Lunzjata f’Ħal Tarxien u f’Ħal Balzan u tal-kwadri li għandna. Kwadru sabiħ ħafna tal-Lunzjata qiegħed fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu, l-Imdina u hemm ieħor sabiħ ħafna fil-Katidral tal-Imdina. Huma żewġ kwadri minn skejjel differenti, wieħed ta’ Erardi u l-ieħor ta’ Bruschi, u hemm tant kwadri oħra ta’ din il-laqgħa bejn l-anġlu Gabrijel u l-Madonna.

Imma l-iżjed ħaġa li nixtieq li aħna nieqfu nirriflettu fuqha f’dan il-post hija kelma li nsibuha marbuta ma din il-ġrajja fil-Vanġelu ta’ San Luqa u li hija importanti ħafna: “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1, 37). Għax inti tibda taħseb: kif jista’ jkun mara mingħajr il-kollaborazzjoni ta’ raġel, tnissel tarbija? Anke x-xjenza s’issa għadha ma waslitx, għalkemm hemm każi rari ta’ dak li jgħidulu parthenogenesis. Aħna ma nafux eżattament kif sar bijoloġikament u fiżjoloġikament it-tnissil ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ Marija, imma aħna nafu din il-kelma importanti: “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir”.

Dettal ieħor importanti hu li l-Madonna qaltlu: “kif jista’ jkun dan?”. Il-Madonna, ta’ tfajla intelliġenti tistaqsi “kif jista jkun dan la jien ma nagħrafx raġel?” U r-risposta tal-anġlu, tal-messaġġier tal-Mulej: “L-Ispirtu tal-Mulej ikun fuqek, ikun qisu dell fuqek. Ara inti se tnissel fil-ġuf u l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek” (Lq 1, 34). Il-qawwa tal-Għoli! Ma ninsewx li l-isem ‘Gabrijel’ ifisser ukoll il-qawwa ta’ Alla, jew Alla qawwi. Għax dan il-messaġġier ġie bil-qawwa ta’ Alla, anzi hu stess jgħid: “l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek”.

Aħna għandna għalfejn niskantaw jekk il-ħolqien huwa frott tal-kelma u tal-Ispirtu tal-Mulej? Mela hawnhekk reġa’ sar it-tieni ħolqien mhux biss għax bdiet is-salvazzjoni tagħna, imma anke għax it-tnissil ta’ Ġesù jaf ukoll il-kapaċità ta’ Alla li huwa ħallieq u jaf joħloq l-umanità ta’ Ibnu għax Ġesù huwa maħluq bħala bniedem, mhux maħluq bħala Alla.

Fr Twanny ser jurina il-grotta fejn hemm miktub: “Verbum Dei caro factum est”. Xi tfisser? Għallimhielna San Ġorġ Preca: ‘l-Iben ta’ Alla sar bniedem’ (Ġw 1, 14). Imma hawnhekk, hawnhekk biss, tiżdied prepożizzjoni oħra hic. ‘Verbum Dei hic’, hawnhekk, ‘caro factum est’. U din hija l-grazzja li tana l-Mulej lilna llum, għax għalkemm aħna f’Malta u kullimkien fid-dinja l-Lunzjata ta’ kull sena niċċelebrawha fil-25 ta’ Marzu, disgħa xhur qabel it-twelid ta’ Ġesu – il-kalkolu huwa dak, għalkemm din is-sena kellna nagħmluha wara l-Għid – imma hawnhekk qed niċċelebrawha llum fil-post fejn seħħet.

Dan il-post huwa għażiż ukoll minħabba t-tfulija ta’ Ġesu, ix-xogħol ta’ Ġużeppi u l-bżulija tal-omm. Jiena nixtieq ukoll niftakar f’dan il-post li din kienet id-dar ta’ Marija, tant hu hekk li kif ser jispjegalna Fr Twanny, saret il-Knisja tal-Insara fejn kienet jiltaqgħu biex jiċċelebraw l-Ewkaristija. Imma hawnhekk il-Madonna, apparti li għexet ta’ armla, rat lil Ġesu sejjer u jibda t-tlett snin ta’ appostolat u wara ltaqgħet miegħu, kif nafu, f’Ġerusalemm. Darba bagħtet għalih Kafarnahum għax qalulha li qed jiġġennen, marret tfittxu imma daqshekk. Imbagħad nerġgħu narawha Ġerusalemm. Għalhekk hawnhekk ma niftakrux biss fix-xbubija ta’ Marija imma anke f’Marija bħala l-għarusa ta’ Ġużeppi u l-armla ta’ Ġużeppi.

Għalhekk nitolbu għal tant żgħażagħ aħna u niftakru fix-xbubija tal-Madonna, niftakru u nitolbu għall-miżżewġin tagħna aħna li qegħdin fid-dar tal-Familja Mqaddsa. Hija wkoll id-dar tal-armla. Dar il-biki, dar il-hemm, dar il-fejqan u dar il-konsolazzjoni.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.