Meta tinħlielek il-card

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Il-card! Il-famuża card! L-imbierka card! In-neċessarja card! Meta kont pazzjent l-isptar l-ewwel ħaġa li tlabthom jixtruli kienet il-card!

L-għaliex? L-għaliex bil-card tista’ iċċempel. Tidħol fl-internet ħa tiċċekja l-email. Inkella, jekk tkun tħobb il-films u d-dokumentarji, tista’ tidħol fuq YOU TUBE u tara dak li tħobb u li jinteressak. Bis-saħħa tal-card tista’ tisma’ ir-radju ukoll. Insomma! Bil-card tista’ tagħmel ħafna affarijiet! L-għaliex, u ngħidha kif inħossha, kif se jseħħli noqtol dak il-ħin kollu fuq is-sodda? Veru? Trid tkun wiċċek ‘il fuq sieħbi biex tkun taf x’jiġifieri. U x’qiegħed nipprova inwassallek illum!

Kemm xorti hux tista’ tagħmel bil-card! Imma l-card, bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja, għandha l-bidu u t-tmiem tagħha. Forsi hawnhekk mintix se taqbel miegħi. U għandek kull dritt. Int tgħidli: “Imma l-card tista’ tittopjaha! U ma tinħlielekx!” Illum, għall-grazzja ta’ Alla, hawn diversi sistemi ta’ kif wieħed jista’ jittopja. Ġieli, f’ċertu servizzi, ma jkollokx għalfejn tmur għand tal-ħanut biex tixtri l-card il-ġdida. Illum tista’ tittopja online. Imma x’nagħmel jekk ma jkollix flus fuqi? Niddejjen! Imma, u dan qed ngħidulek b’esperjenza tal-ħajja, ma jaqbillek qatt tiddejjen. Aħjar għasfur f’idejk sieħbi milli mija fl-ajru!

Il-card inħobb inxebbaħha mal-ħajja. B’ħajjitna nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet. Hawn min jagħmel ħaġa. U hawn min jagħmel oħra. Bħall-card ħajjitna għandha d-digits tagħha. Insemmi l-ewwel diġit importanti: is-saħħa. Meta naqbżu ċerta età nibdew nintebħu li m’għandiex b’saħħitna daqskemm konna qabel. Hawn min jgħidlek li ta’ għoxrin kien jiflaħ jaqleb kantuniera. U ta’ tletin imbagħad? Blokka bini sħiħa! Imma meta bdejna nersqu lejn l-erbgħinijiet. Eħ! Imbagħad bdejna, bla ma rridu, nagħfsu naqra dik il-ħarira break. U għaliex? Mhux ovvja! Ma tibqax li tkun ħabib!

Minn naħa l-oħra ġieli lanqas l-età ma tikkwalifika meta l-bniedem suppost li għandu jagħfas dik il-ħarira jew, saħansitra, ikollu jagħfas il-break kollu. Jiddependi wkoll minn xiex jgħaddi l-bniedem. Hawn min ta’ età żgħira ġarrab wisq esperjenzi li ħallewh bla saħħa. Waħda wara l-oħra!

Digit oħra importanti fil-card tal-ħajja hija ż-żmien. Li jgħaddi malajr. Tassew li ma jistenna lil ħadd. Ajma! L-aktar illum! B’riħet it-teknoloġija moderna lanqas ikunu nafu kif għadda l-ħin. Ħaġa wara l-oħra. Id-dinja virtwali, għalkemm bżonnjuża u ta’ ħtieġa kbira, madankollu ħaditilna wisq mill-ħin kwalittattiv li nistgħu inqattgħu mal-persuni li nħobbu.

Kull darba li nkun l-isptar u nara persuna qiegħdha tmut, l-għaliex il-card ta’ ħajjitha fuq din l-art tkun kważi spiċċat għal kollox, nistaqsi lili nnifsi: “Imma jien nista’ naħli issa, waqt li nkun qed ngħix, il-card ta’ ħajti?” Nista’ l-aħwa! Meta nitlef l-opportunità li nagħmel il-ġid, naħfer, nagħder, nifhem, ninkoraġixxi, niddjaloga, nimpenja ruħi. U l-bqija…

Mela ejja nittopja l-card ta’ ħajti billi nfittex l-għajn ta’ kull ġid: Ġesù Kristu! Ejja nħallih jittopjani b’din il-kelma sabiħa li, meta jiena stess, midneb, nismagħha, tgħidx kemm it-topup tiegħi jispara full mill-ġdid! “ Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.  Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”  (Mt 11 :28-30).

Sieħbi! Meta tinħlielek il-card ta’ ħajtek issa taf għand min għandek tmur. X’taħseb eh?

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: