Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-Ispirtu s-Santu jagħmilna Nsara veri mhux Insara ‘virtwali’

L-Ispirtu s-Santu jagħmilna Nsara veri mhux Insara ‘virtwali’


It-Tnejn 9 ta’ Mejju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-Knisja, qal il-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Waqt il-quddiesa l-Papa sellem lis-sorijiet Vinċenzjani li jaħdmu u jmexxu d-Dar Santa Marta, għax illum hija l-festa tal-fundatriċi tagħhom Santa Luisa Marillac.

 

Għall-omelija l-Papa Franġisku ħa spunt mid-djalogu bejn l-ewwel dixxipli u San Pawl f’Efesu meta qalulu: ‘Aħna lanqas biss smajna bl-Ispirtu s-Santu.’

Illum ukoll, osserva Franġisku, jiġri bħalma ġara lil dawk id-dixxipli, li minkejja li kienu jemmnu f’Ġesù ma kinux jafu min hu l-Ispirtu s-Santu. Ħafna jgħidu li fil-katekiżmu tgħallmu li l-Ispirtu s-Santu hu t-Tielet Persuna tat-Trinità, imma jieqfu hemm u ma jkunu jafu xejn aktar.

L-Ispirtu s-Santu hu dak li jmexxi l-Knisja, li jaħdem fiha, fi qlubna, hu dak li lil kull Nisrani jagħmlu persuna differenti minn oħrajn, imma li mbagħad jgħaqqad lil kulħadd flimkien.

Hu dak li jmexxi, li jiftaħ il-bibien u jistiednek biex tagħti xhieda ta’ Ġesù. Smajna fil-bidu tal-quddiesa: ‘Irċievu l-Ispirtu s-Santu u tkunu xhieda tiegħi fid-dinja kollha.’

L-Ispirtu s-Santu hu dak li jqanqalna biex infaħħru ‘l Alla u nitolbu. Hu dak li jgħallimna nħarsu lejn il-Missier u ngħidulu: ‘Missierna’. Huwa jeħlisna minn dil-qagħda ta’ orfni li fiha jrid idaħħalna l-ispirtu tad-dinja.

L-Ispirtu s-Santu hu l-protagonista tal-Knisja, kompla jgħid il-Papa; hu dak li jaħdem fil-Knisja. Il-periklu hu li aħna ma ngħixux dan, ma jkollniex il-ħila nwettqu din il-missjoni u nirriduċu l-fidi f’regoli morali, f’etika.

Ma nistgħux nieqfu biss fil-ħarsien tal-Kmandamenti bla ma nagħmlu xejn aktar: dan nista’ nagħmlu u dak ma nistax; s’hawn nista’ nasal u mhux aktar! B’hekk il-morali ssir ħaġa riġida, distakkata.

Il-ħajja Nisranija mhix etika, imma hija laqgħa ma’ Ġesù Kristu. Huwa proprju l-Ispirtu s-Santu li jmexxina lejn dil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu.
Imma f’ħajjitna, l-Ispirtu s-Santu qiesu priġunier speċjali, ma nħalluhx jimbuttana, ma nħalluhx iċaqlaqna. L-Ispirtu s-Santu kollox jagħmel, kollox jaf, jaf ifakkarna x’qal Ġesù, jaf jispjegalna dak li għamel Ġesù.

Ħaġa waħda biss ma jafx jagħmel l-Ispirtu s-Santu: ma jafx jagħmilna Nsara ‘tas-salott’. Dan ma jafx jagħmlu! Ma jafx jagħmel minna Nsara virtwali imma jaf jagħmilna Nsara bil-virtù. Hu jieħu l-ħajja kif inhi bil-profezija li jaqra s-sinjali taż-żminijiet u b’hekk imexxina ‘l quddiem.

Hu priġunier ġewwa qalbna. Ngħidu li hu t-Tielet Persuna tat-Trinità u nieqfu hemm. Dil-ġimgħa, żied il-Papa, jagħmlilna tajjeb nirriflettu fuq dak li jagħmel l-Ispirtu s-Santu fina u nistaqsu lilna nfusna jekk għallimniex it-triq tal-libertà.

L-Ispirtu s-Santu li hemm fija, kompla jgħid Franġisku, jimbuttani biex noħroġ minni nnifsi, mingħajr biża’? Kif inhu l-kuraġġ tiegħi, il-kuraġġ li jtini l-Ispirtu s-Santu, biex noħroġ minni nnifsi, biex nagħti xhieda ta’ Ġesù? U aktar: kif inhi l-paċenzja tiegħi fil-mumenti tal-prova? Għax anke l-paċenzja jtihielna l-Ispirtu s-Santu.

F’dil-ġimgħa ta’ tħejjija għall-festa ta’ Pentekoste naħsbu ftit: Jien verament nemmen jew għalija l-Ispirtu s-Santu hu kliem biss? Nippruvaw nitkellmu miegħu u ngħidulu: ‘Jiena naf min int: Int tinsab f’qalbi, Int ir-ruħ tal-Knisja, Int tmexxiha ‘l quddiem, Int tgħaqqad lil kulħadd flimkien, aħna li aħna differenti minn xulxin, bid-diversità, imma lkoll ħaġa waħda.’

Ngħidulu dawn l-affarijiet kollha u nitolbuH il-grazzja li nitgħallmu nwettqu fil-prattika ta’ ħajjitna, dak li jagħmel Hu, il-grazzja tal-ħlewwa tiegħu… inkunu doċli bħall-Ispirtu s-Santu. Matul dil-ġimgħa nagħmlu dan: naħsbu fl-Ispirtu s-Santu u nitkellmu miegħu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: