Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-missjunarju hu dak li ‘jaħli ħajtu għal Ġesù’

Il-missjunarju hu dak li ‘jaħli ħajtu għal Ġesù’


It-Tlieta 10 ta’ Mejju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Kull bniedem li jagħżel li jmur il-missjoni biex iħabbar il-Vanġelu fil-postijiet l-aktar imwarrbin, hu doċli għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu li jimbuttana biex ‘naħarqu’ ħajjitna għall-Kelma t’Alla.

 

Illum, waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li s-sejħa li jagħmlilna l-Ispirtu s-Santu hi mbuttatura biex ħajjitna ntuha kollha lil Kristu, anzi ‘naħarquha’ għalih.

Dan hemm fil-qalb ta’ kull appostlu. Kien in-nar li ħeġġeġ f’qalb San Pawl. Hu l-istess nar li jaqbad fil-qlub ta’ tant żgħażagħ li ħallew pajjiżhom, lill-familja, u telqu ‘l bogħod, f’kontinenti oħra, biex iħabbru lil Ġesù Kristu.

Ir-riflessjoni tal-Papa kienet imnebbħa lilu mis-silta meħuda mill-Atti tal-Appostli li tirrakkuntalna l-firda ta’ Pawlu mill-komunità ta’ Miletu. Xena li tqanqlek: Pawlu jaf u jgħid li ma kienx se jarahom aktar.

Kellu jmur Ġerusalemm għax hemm bagħtu l-Ispirtu, u Pawlu jagħraf li l-Ispirtu jikkmandalu ħajtu u jnebbħu biex iħabbar il-Vanġelu minkejja l-problemi u l-weġgħat li kellu jħabbat wiċċu magħhom.

Dan il-qari jfakkarni fil-ħajja tal-missjunarji ta’ kull żmien, qal il-Papa. Huma obdew il-kmand tal-Ispirtu s-Santu: il-vokazzjoni! Meta mmorru f’dawk il-postijiet tal-missjoni u nżuru ċ-ċimiterji naraw il-lapidi tagħhom: ħafna mietu żgħar, f’età ta’ anqas minn 40 sena minħabba l-mard ta’ dak il-post. Ħajjiet żagħżugħa mogħtijin, ‘maħruqin’ għal Alla.

Jiena naħseb li huma, fl-aħħar mumenti, bogħod minn pajjiżhom, mill-familji tagħhom, mill-għeżież tagħhom, aktarx qalu: ‘Kien ta’ siwi dak li għamilt.’ Il-missjunarju jitlaq bla ma jaf x’hemm jistennieh, qal il-Papa, li kkwota l-ħajja ta’ San Franġisku Saverju kif ħallihielna miktuba l-kittieb u poeta Spanjol tas-seklu għoxrin José María Pemàn. Hija paġna li tfakkarna fil-ħajja ta’ San Pawl: ‘Naf biss,’ qal l-Appostlu hu u jsellem, ‘li minn belt għall-oħra l-Ispirtu s-Santu jurini li hemm jistennewni ktajjen u nkwiet.’

Il-missjunarju jaf li l-ħajja mhix se tkun faċli, imma xorta jibqa’ għaddej, ikkummenta Franġisku, li stqarr li jħossu mqanqal meta jiftakar fil-missjunarji tal-lum.

Il-missjunarji tagħna, kompla jgħid, huma l-eroj tal-evanġelizzazzjoni ta’ żmienna. Kienet l-Ewropa li mliet lill-kontinenti l-oħra bil-missjunarji li kienu jitilqu u ma jiġux lura.

Jidhirli li hu ġust li nirringrazzjaw lill-Mulej għax-xhieda tagħhom. Hi ġustizzja li aħna nifirħu li għandna dawn il-missjunarji li huma xhieda ta’ veru. Jien nimmaġina kif kienu l-aħħar mumenti tagħhom, kif setgħet kienet il-firda mill-ħajja tagħhom. Bħal Franġisku Saverju: ‘Ħallejt kollox imma kien ta’ siwi!’ Telqu bis-satra. Huma martri għax offrew ħajjithom għall-Vanġelu. Dawn il-missjunarji huma l-glorja tagħna, il-glorja tal-Knisja tagħna!

Waħda mill-kwalitajiet tal-missjunarju hi d-doċilità għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu, qal Franġisku, li temm l-omelija b’talba. Franġisku talab li ż-żgħażagħ tagħna, aktar milli jintrikbu mis-sens ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon, jisimgħu leħen l-Ispirtu li jġegħelhom imorru lil hinn minnhom infushom u ħajjithom ‘jaħarquha’ għal kawżi aktar nobbli.

Liż-żgħażagħ tal-lum, li qed iħossuhom mifxulin, li mhux qed isibu sodisfazzjon fil-ħajja tal-konsumiżmu u narċissista, irrid ngħidilhom: Ħarsu lejn ix-xefaq u araw lil dawn il-missjunarji! Itolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinkom tmorru aktar lil hinn u ‘taħarqu’ ħajjitkom. Hija kelma iebsa imma l-ħajja għandha valur jekk tkun mgħejxa tajjeb.

Imma biex ngħixuha tajjeb irridu ‘naħarquha’ billi ningħataw għall-qadi, għat-tħabbir. Dan hu l-ferħ tat-tħabbira tal-Vanġelu, temm il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: