Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-Insara jaħdmu għall-għaqda, min jiżra’ s-sikrana jifred

L-Insara jaħdmu għall-għaqda, min jiżra’ s-sikrana jifred


Il-Ħamis 12 ta’ Mejju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Ġesù jitlob għall-għaqda fost l-Insara imma fil-Knisja hemm min jiżra’ s-sikrana, dawk li jifirdu u jeqirdu l-komunitajiet bi lsienhom. Dan affermah il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Qabel il-Passjoni, Ġesù jitlob għall-għaqda fost dawk li jemmnu, fost il-komunitajiet Insara, ‘biex ikunu ħaġa waħda’ bħalma huma Hu u l-Missier, biex b’hekk id-dinja temmen.

 

L-għaqda bejn il-komunitajiet Insara, bejn il-familji Nsara, hi xhieda tal-fatt li l-Missier bagħat lil Ibnu Ġesù. U forsi li naslu għall-għaqda fil-komunità Nisranija, fil-parroċċa, fid-djoċesi, f’istituzzjoni Nisranija, fil-familja Nisranija, hi ħaġa mill-aktar diffiċli.

L-istorja tagħna, l-istorja tal-Knisja, kultant tħammrilna wiċċna: għamilna l-gwerer kontra ħutna l-Insara l-oħra! Niftakru f’waħda: dik tat-30 sena!
Fejn l-Insara jagħmlu l-gwerer bejniethom, afferma Franġisku, mhemmx xhieda. Għandna għalfejn nitolbu ħafna maħfra lill-Mulej għal din l-istorja! Storja spiss ta’ firdiet u mhux fil-passat biss, illum ukoll. Illum ukoll id-dinja qed tara li aħna mifrudin u tgħid: ‘Ħa jiftehmu bejniethom l-ewwel…. u mbagħad naraw…..’ Kif jista’ jkun li d-dixxipli ma jaqblux bejniethom minkejja li raw li Ġesù qam mill-mewt, staqsa l-Papa?

Darba, Nisrani Kattoliku staqsa lil Nisrani ieħor mill-Knisja tal-Orjent – dan kien Kattoliku wkoll: ‘Kristu tiegħi se jqum pitgħada, tiegħek meta se jirxoxta?’ Lanqas fl-Għid ma aħna ħaġa waħda! U dan madwar id-dinja kollha. B’hekk id-dinja ma temminx.

Kienet l-għira tax-xitan, kompla l-Papa, li daħħlet id-dnub fid-dinja. L-istess fil-komunitajiet Insara hi kważi ‘drawwa’ li jkun hemm l-egoiżmu, l-għira, firdiet li jwasslu biex wieħed iqassas fuq l-ieħor. Hemm wisq tqassis bejnietna!

Fl-Arġentina dawn in-nies huma meqjusin bħala dawk li jiżirgħu s-sikrana, li jifirdu. B’hekk jibdew il-firdiet, bl-ilsien, minħabba l-għira u anke minħabba l-għeluq! L-ilsien għandu s-setgħa jeqred familja, komunità, soċjetà, jiżra’ l-mibegħda u joħloq il-gwerer.

Minflok ma nfittxu li niċċaraw l-affarijiet, għalina hu aktar komdu nqassu, inkissru l-fama tal-ieħor. Il-Papa semma l-istorja magħrufa ta’ San Filippu Neri li, lil waħda mara li kienet qasset fuq ħaddieħor, bħala penitenza kien qalilha biex tnittef tiġieġa, tferrex ir-rix mat-triq u mbagħad terġa’ tiġbru. ‘Impossibbli,’ weġbitu. It-tqassis lil din l-istorja jixbah, osserva Franġisku.

It-tqassis ifisser li wieħed iħammeġ lill-ieħor. Min iqassas iħammeġ, jeqred il-fama, il-ħajja, ħafna drabi mingħajr ebda raġuni valida u bin-nuqqas ta’ verità.

Ġesù talab għalina, għalina lkoll li ninsabu hawn, u għall-komunitajiet tagħna, għall-parroċċi tagħna, għad-djoċesijiet tagħna: ‘biex ikunu ħaġa waħda’.

Nitolbu lill-Mulej li jtina din il-grazzja, għax is-setgħa tax-xitan, is-setgħa tad-dnub, hi qawwija ħafna, tifridna, dejjem. NitolbuH itina l-grazzja, dan ir-rigal li jnissel l-armonija, għax Hu nnifsu hu l-armonija, il-glorja tal-komunitajiet tagħna. NitolbuH il-grazzja li jtina l-paċi fl-għaqda. Nitolbu għall-għaqda fost l-Insara, il-grazzja l-kbira, u l-grazzja ż-żgħira, dik ta’ kuljum, għall-komunitajiet, għall-familji, il-grazzja li ngħakksu lsienna, temm jgħid il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: