Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-flus u l-poter iħammġu l-Knisja, m’hemmx post għal min irid ifittex karriera

Il-flus u l-poter iħammġu l-Knisja, m’hemmx post għal min irid ifittex karriera


It-Tlieta 17 ta’ Mejju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

It-triq li jurina Ġesù hi dik tal-qadi, imma spiss fil-Knisja hemm min ifittex il-poter, il-flus u l-vanità. Din hi ċ-ċanfira iebsa li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Lid-dixxipli Ġesù jgħallimhom it-triq tas-servizz, imma huma kienu qed jiddiskutu min kien l-akbar fosthom. Minn din is-silta tal-Vanġelu l-Papa Franġisku ħa l-ispunt għall-omelija tal-lum u tkellem dwar it-tentazzjonijiet mondani li llum ukoll jirvinaw ix-xhieda li tagħti l-Knisja.

Ġesù, osserva l-Papa, jitkellem lingwaġġ ta’ umiljazzjoni, mewt, redenzjoni, u huma jitkellmu lingwaġġ ta’ min qed ifittex karriera – min se jkollu l-aktar post għoli, ta’ setgħa.

Huma kellhom din it-tentazzjoni, fi ħsibijiethom kienu ttentati mid-dinja mondana. Huma jistaqsu min minnhom kien l-akbar, filwaqt li Ġesù jgħidilhom biex ikunu tal-aħħar, il-qaddejja ta’ kulħadd.

Fit-triq li jurina Ġesù biex nimxu ‘l quddiem, ir-regola hi s-servizz. L-akbar hu dak li jaqdi, dak li l-aktar jaqdi lill-oħrajn, li ma jiftaħarx, ma jfittixx il-poter, il-flus, il-vanità, is-suppervja. Le, mhux dawn huma l-kbar, saħaq il-Papa. Dak li ġara hawn mal-Appostli, u wkoll ma’ omm Ġwanni u Ġakbu, huwa storja li tiġri kuljum fil-Knisja, f’kull komunità. Min fostna hu l-akbar? Min jikkmanda? L-ambizzjoni. F’kull komunità – fil-parroċċi u fl-istituzzjonijiet – dejjem b’dil-kilba li nitilgħu ‘l fuq, li jkollna l-poter.

L-ewwel qari wkoll, meħud mill-ittra ta’ San Ġakbu, iwissina biex nitħarsu mill-ħerqa għall-poter, mill-għira li tkisser lill-oħrajn.

Dan ukoll hu l-messaġġ għall-Knisja tal-lum. Id-dinja titkellem dwar min għandu l-akbar setgħa biex jaħkem, filwaqt li Ġesù jafferma li ġie fid-dinja biex jaqdi mhux biex ikun moqdi. Il-vanità, il poter… Bħal meta jkolli dix-xewqa mondana li nkun jien stess il-poter… mhux li nservi, imma li nkun moqdi, li qatt ma nehda nfittex kif se nilħaq aktar, inqassas, inħammeġ lill-oħrajn….

L-għira, ir-riżentiment, huma triq qerrieda.

Dan aħna lkoll nafuh. Dan jiġri f’kull istituzzjoni tal-Knisja: fil-parroċċi, fil- kulleġġi, f’istituzzjonijiet oħrajn, anke fil-kurji veskovili…. kullimkien. Il-kilba għall-ispirtu tad-dinja, li hu spirtu ta’ għana, vanità u kburija. Huma żewġ modi ta’ kif wieħed jitkellem, afferma Franġisku: Ġesù jgħallem il-qadi u d-dixxipli jiddiskutu min hu l-akbar fosthom. Ġesù, tenna l-Papa, ġie biex jaqdi u għallimna t-triq tal-ħajja Nisranija: il-qadi, l-umiltà.

Meta l-qaddisin il-kbar kienu jgħidu li jħossuhom midinbin kbar – fakkar il-Papa – kien għaliex fehmu dan l-ispirtu tad-dinja li kien fihom u kellhom it-tentazzjonijiet mondani. Ħadd minna, wissa Franġisku, ma jista’ jgħid: ‘Jien bniedem qaddis, nadif.’

Ilkoll kemm aħna jkollna tentazzjonijiet minn dawn, ikollna t-tentazzjoni li nkissru lil għajrna biex nikbru aħna. Hija tentazzjoni mondana li tifred u tkisser il-Knisja – mhix l-ispirtu ta’ Ġesù.

Jagħmlilna tajjeb naħsbu dwar kemm-il darba rajna dawn il-ħwejjeġ fil-Knisja u dwar kemm-il darba aħna stess waqajna għal dawn it-tentazzjonijiet, u nitolbu lill-Mulej biex idawwalna ħalli nifhmu li l-imħabba għad-dinja, cioè għal dan l-ispirtu mondan, hija għadu ta’ Alla.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: