Katekeżi Ħniena, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Faqar u Ħniena


19. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 18 ta’ Mejju 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum nixtieq nieqaf magħkom fuq il-parabbola ta’ l-għani u l-fqajjar Lazzru. Il-ħajja ta’ dawn iż-żewġ persuni donnha miexja fuq żewġ binarji paralleli: il-kundizzjonijiet ta’ ħajjithom huma opposti għal xulxin u fl-ebda komunikazzjoni bejniethom. Il-bieb tad-dar ta’ l-għani dejjem magħluq għall-fqir, li jinxteħet hemm barra, ifittex x’jiekol miż-żejjed li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ l-għani.

Dan ixidd ilbies fin, waqt li Lazzru mimli ġrieħi ma’ ġismu kollu; l-għani ta’ kuljum jagħmel ikla mill-aqwa, waqt li Lazzru qed imut bil-ġuħ. Il-klieb biss li jieħdu ħsieb tiegħu, u jiġu jilagħqu l-ġrieħi tiegħu. Din ix-xena tfakkarna fiċ-ċanfira qalila ta’ Bin il-bniedem fil-Ġudizzju finali: “Kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont […] għeri u ma libbistunix” (Mt 25:42-43). Lazzru jirrappreżenta tajjeb il-karba siekta tal-foqra ta’ kull żmien u l-kontradizzjonijiet ta’ dinja fejn l-għana u riżorsi kbar huma f’idejn il-ftit.

Ġesù jgħid li jum wieħed dak l-għani miet: il-foqra u l-għonja t-tnejn imutu, l-istess destin għandhom, bħalna lkoll, m’hemmx eċċezzjonijiet għal dan. U allura dan ir-raġel jersaq f’riġlejn Abraham jitolbu billi jsejjaħlu “missier” (vv. 24, 27). Għalhekk jippretendi li hu ibnu, parti mill-poplu ta’ Alla. Imma dan f’ħajtu ma ta ebda kas ta’ Alla, anzi għamel minnu nnifsu ċ-ċentru ta’ kollox, magħluq kif kien fid-dinja tiegħu ta’ lussu u ta’ ħela. Meta warrab lil Lazzru, ma ta l-ebda kas la ta’ Alla, lanqas tal-liġi tiegħu. Li tinjora lill-fqir ifisser tistmerr lil Alla! Dan jeħtieġ nitgħallmuh waħda u sew: meta tinjora lill-fqir tkun qed iżżeblaħ lil Alla. Hemm dettall fil-parabbola li ta’ min jinnotah: l-għani hu bla isem, jingħata biss l-aġġettiv: “l-għani”; waqt li isem dak il-fqajjar hu mtenni ħames darbiet, u “Lazzru” ifisser “Alla jgħin”. Lazzru, mixħut quddiem il-bieb, lill-għani qed ifakkru l-ħin kollu li għandu jiftakar f’Alla, imma l-għani ma jilqax din it-tfakkira. Għalhekk jiġi kkundannat mhux għall-għana tiegħu, imma għax ma kellux il-ħila jitħassar lil Lazzru u jgħinu.

Fit-tieni parti tal-parabbola, nerġgħu niltaqgħu ma’ Lazzru u l-għani wara mewthom (vv. 22-31). Fid-dinja l-oħra s-sitwazzjoni tinqaleb bil-kontra: il-fqajjar Lazzru jittieħed mill-anġli fi ħdan Abraham fis-Sema, waqt li l-għani jispiċċa qalb tbatijiet l-aktar ħorox. Hawn l-għani “rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu”. Donnu kien qed jara lil Lazzru għall-ewwel darba, imma kliemu jittradih: “Missier Abraham”, jgħidlu, “ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”. Issa l-għani jagħrfu lil Lazzru u jitolbu l-għajnuna, meta f’ħajtu għamel ta’ bir-ruħu ma kienx qed jarah. – Kemm drabi ssib min jagħmel ta’ bir-ruħu m’hux jarahom lill-foqra! Għal dawn in-nies, il-foqra ma jeżistux. – L-ewwel kien iċaħħdu mqar miż-żejjed li jaqa’ mill-mejda tiegħu, u issa jrid li jeħodlu x’jixrob! Għadu jaħseb li jista’ jmissu mid-drittijiet li kellu mħabba l-qagħda soċjali tiegħu. Abraham stqarrlu li kien imposibbli jaqla’ dak li talbu, u fi kliemu jagħtina l-muftieħ biex naqraw ir-rakkont kollu: hu jfisser x’kienu l-ħwejjeġ tajbin u ħżiena li tqassmu biex jagħmlu tajjeb għall-inġustizzja fuq din l-art, u l-bieb li fil-ħajja kien jifred lill-għani mill-fqir, issa nbidel f’“vojt bla qies”. Sakemm Lazzru kien għadu taħt l-għatba ta’ daru, għall-għani kien għad hemm il-possibbiltà ta’ salvazzjoni, li jiftaħ il-bieb beraħ u jgħin lil Lazzru, imma issa li t-tnejn li huma mietu, is-sitwazzjoni ma tistax titranġa. Fl-istorja qatt ma jissemma Alla bħala l-kawża ta’ dan kollu, imma l-parabbola tgħidha ċara: il-ħniena ta’ Alla lejna hi marbuta mal-ħniena tagħna lejn il-proxxmu tagħna; meta tonqos waħda, lanqas l-oħra ma ssib wisa’ fil-qalb magħluqa tagħna, ma ssibx mnejn tidħol. Jekk jien ma niftaħx il-bieb ta’ qalbi għall-fqir, dak il-bieb jibqa’ magħluq. Anki għal Alla. U din hi ħaġa terribbli.

Hawn l-għani jibda jaħseb f’ħutu, li qed jirriskjaw li jispiċċaw l-istess, u jitlob li Lazzru jerġa’ lura fid-dinja biex iwissihom. Imma Abraham itennilu: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”. Biex nikkonvertu, m’hemmx għalfejn noqogħdu nistennew iseħħu xi ġrajjiet kbar, imma biżżejjed niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Alla, li ssejħilna biex inħobbu lil Alla u l-proxxmu tagħna. Il-Kelma ta’ Alla tista’ tgħajjex mill-ġdid lill-qalb niexfa tagħna u tfejjaqha mill-għama tagħha. L-għani kien jafha l-Kelma ta’ Alla, imma ma ħallihiex tidħol f’qalbu, ma semagħhiex, għalhekk ma kienx kapaċi jiftaħ għajnejh u jħenn għall-fqir. L-ebda messaġġier u l-ebda messaġġ ma jistgħu jieħdu post il-foqra li magħhom niltaqgħu fit-triq tagħna, għax fihom jiġi jiltaqa’ magħna Ġesù nnifsu: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40), kif jgħidilna Ġesù. Hekk fix-xorti li nqalbet, kif tiddeskrivilna l-parabbola, hemm moħbi l-misteru tas-salvazzjoni tagħna, fejn Kristu jgħaqqad flimkien il-faqar u l-ħniena. Għeżież ħuti, meta nisimgħu dan il-Vanġelu, ilkoll kemm aħna, flimkien mal-foqra ta’ din l-art, nistgħu ngħannu ma’ Marija: “Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn” (Lq 1:52-53).

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s