Agħmel kapital!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Il-kapital! Il-flus! Il-poter ekonomiku! Is-setgħa tas-swieq! Kollha huma buzz words fid-dinja post-moderna li qiegħdin ngħixu fiha illum.

Ġieli kien hemm persuni li qaluli: “Patri! Agħmel kapital minn … !” Jiġifieri għamel l-aħjar użu mit-tali sitwazzjoni, prodott u l-bqija. Din il-frażi tassew tolqotni. Naraha bil-wisq tagħmel sens u fejqana. U, illum ngħid, li nagħmlu tajjeb jekk nużawha minflok il-kelma “sfruttament”. Dan l-għaliex il-kelma “sfruttament” hija aktar marbuta ma’ konsegwenzi negattivi milli pożittivi. Mal-kelma “sfruttament” hemm marbut magħha l-kelma abbuż. Jiġifieri l-użu ħażin tas-sitwazzjoni, tal-ħaġa u l-bqija. Minħabba li illum qiegħdin ngħixu f’kultura fejn anki l-kelma abbuż qed tiġi vilment abbużata ikun aktar għaqli jekk nitħaddtu mill-kelma kapital.

Fil-ħajja minn kollox nistgħu nikbru. Anki mid-dnubiet u mill-iżbalji tagħna li nwettqu għax  bnedmin tad-demm u l-laħam. Meta naqra sewwa l-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani l-Ispirtu ta’ Alla jgħallimni, għax qabel inkun tlabtu minn qalbi, li “ fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5:20). Imma l-għaliex jiġri dan? Aktar tard, fl-istess Ittra, San Pawl jikteb hekk: “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8:28). Il-Mulej ma jaħli xejn! Lanqas il-passat jew il-preżent midneb tiegħi u tiegħek. Jekk nagħtuh ħajjitna f’idejh u niftħu qalbna għall-grazzja tiegħu li tibdilna nistgħu nibqgħu ċerti u żguri li hu se jagħmel ħwejjeġ kbar fina u bina. Il-Mulej serju. L-għaliex jinvesti fina. Żgur li mhux se jħares lejna mill-att punittiv tal-ġustizzja. Imma, l-għaliex hu Alla qaddis u veru, li ma jimxix mal-opinjoni publika jew x’jgħidu fuqu jew jikbtu fuqu n-nies imma jimxi fil-ġustizzja u l-verità, jibqa’ jinvesti f’kull qalb li ddur lejh bis-serjetà għaliex niedma u sogħbiena.

Għal min iħobb lil Ġesù jagħmel kapital minn kollox basta iwasslu lill-oħrajn. Imqar b’sempliċi kelma, b’post fuq il-Facebook jew it-tweeter, jew b’messaġġ fuq il-mobile. Inkella b’bonġu jew b’saħħa magħmulin bi mħabba u b’interess ġenwin għall-persuna konċernata. Iżda hemm talba li, minnha innifisha, nistgħu nagħmlu kapital kbir minnha. Hija talba li wħud minnha kienet l-ewwel waħda li qatgħu b’ingassa mill-lista ta’ affarijiet li għandhom jagħmlu f’ħajjithom. Ġieli weħel ma’ rashom il-qassis jew patri l-għaliex xiħ. Inkella jippriedka fuq x’ġara elfejn sena ilu u jraqqdek. Ħallieha li ġieli jitfa’ xi waħda għall-ħajja tallum u jien, l-għaliex inkun f’dik is-sitwazzjoni, il-Kelma ta’ Alla ma niflahiex iċċanfarni. U għalhekk nagħmel bojkot u lejn il-Knisja ma nersaqx! Ġieli hawn minn minna ma jmurx il-Knisja l-għaliex is-sħana. Inkella tant kemm ikolli x’nagħmel li ma nlaħħaqx! Ħallieha mbagħad għall-ġurnata baħar jew għal xi party inlaħħaq. Aħna aħna jew m’aħniex ġbin?

Il-quddiesa, iqaddisha min iqaddisha, hija qawwija minnha innifsha. Il-quddiesa hija bħal blokka deheb. Jekk tagħtini blokka deheb f’karta tinten tal-ħut mhux xorta blokka deheb ħa tibqa’? Il-valur tagħha la se jitnaqqas u lanqas se jikber. Mela, biex niġu għall-punt, il-quddiesa hija b’saħħitha l-għaliex, minnha innifsha, b’saħħitha. Meta l-quddiesa noffrieha għal xi ħadd, ħaj jew mejjet, lil dik il-persuna inkun għamiltilha ġid kbir. L-aqwa ġid! Ix-xitan mit-talb jagħmel taħtu! Ma jifilħux! Issa jekk hemm talba li jagħmel id-demm minħabba fiha hija l-quddiesa. L-għaliex fiha u permezz tagħha Ġesù Kristu, Alla nnifsu, jiġi fostna.

Sieħbi! Agħmel kapital mill-quddiesa! Offri mal-ħobż u l-inbid l-intenzjonijiet tiegħek. U meta l-qassis jew il-patri itella’ l-kalċi tad-demm ta’ Kristu itlob: Missier Eternjiena noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita` ta’ Ibnek il-Għażiż, Sidna Ġesu` Kristu, bi tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk tad-dinja. Nissuġġerilek li fl-aħħar ta’ din it-talba iżżid u għal ….  li għalih\a, jew għalihom tkun qed toffri l-quddiesa.

Nifhmek li se tara mirakli kbar iseħħu b’talbek! Ibbenifika mill-quddiesa! Agħmel kapital minnha!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading