Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-għonja li jisfruttaw il-ħaddiema huma sangisugi u qed jagħmlu dnub mejjet

L-għonja li jisfruttaw il-ħaddiema huma sangisugi u qed jagħmlu dnub mejjet


Il-Ħamis 19 ta’ Mejju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Hu dnub mejjet li tisfrutta lill-ħaddiema biex tistagħna. Hekk afferma dalgħodu l-Papa Franġisku waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

 

L-ewwel qari tal-lum, meħud mill-ittra ta’ San Ġakbu, huwa twissija serja lill-għonja li jiġimgħu l-flus bl-isfruttament tal-ħaddiema. L-għana fih innifsu hu tajjeb, spjega l-Papa, imma hu ħaġa relattiva, mhux assoluta. Infatti, dawk li jimxu fuq dik li nsejħulha ‘t-teoloġija tal-prosperità’, li żżomm li ‘Alla jurik li int ġust għax itik tant ġid’, huma fl-iżball.

Il-problema hi li wieħed ma jorbotx qalbu mal-ġid għax ma nistgħux naqdu ‘l Alla u ‘l-flus. Dawn jistgħu jsiru ktajjen li jisirqulna l-libertà li nimxu wara Ġesù.

Allura San Ġakbu jgħidilna: il-paga tal-ħaddiema li għamlu l-ħsad fl-artijiet tagħkom u li intom ma ħallastuhomx, flimkien mal-protesti tal-ħassada, waslu f’widnejn il-Mulej li jista’ kollox. Meta wieħed jistagħna għax jisfrutta n-nies, l-għonja li jisfruttaw, ikunu qed jisfruttaw ix-xogħol tan-nies u dawn l-imsejkna jsiru skjavi.

Imma ejjew naħsbu fi llum u naraw li qed isir l-istess fid-dinja kollha. ‘Irrid naħdem.’ ‘Tajjeb, ejja nagħmlu kuntratt, minn Settembru sa Ġunju, mingħajr assikurazzjoni fuq is-saħħa…..’ U wara li jieqaf, f’Lulju u Awwissu dak li jkun jiekol l-arja; f’Settembru mbagħad nagħmlu kuntratt ieħor……..

Min jagħmel dan hu veru sangisug u jgħix minn fuq demm in-nies li jkunu saru lsira tax-xogħol.

Il-Papa Franġisku fakkar dak li kienet qaltlu tfajla li sabet ix-xogħol, taħdem 11-il siegħa kuljum għal 650 Ewro, mingħajr bolla: ‘Jekk trid aċċetta, inkella dabbar rasek. Warajk hemm ħaddieħor, kju sħiħ.’

Dawn l-għonja, osserva l-Papa, iħaxxnu bwiethom u l-Appostlu jgħid: ‘Ħxintu għal jum il-ġudizzju. Id-demm ta’ dawn in-nies kollha li intom erdajtu u li għextu minn fuq daharhom huwa għajta lill-Mulej, huwa sejħa għall-ġustizzja.’

Illum, l-isfruttament tan-nies – afferma mill-ġdid il-Papa – hu veru skjavitù. Aħna konna naħsbu li l-iskjavi ma jeżistux aktar. Minnu li ma jmorrux iġibuhom mill-Afrika jew mill-Amerka. Imma jinsabu fi blietna. Hemm it-traffikanti, dawk li jbiegħu n-nies għax-xogħol mingħajr ebda ħniena.

Waqt l-udjenza tal-bieraħ irriflettejna fuq l-għani Epulun u Lazzru. Imma dan l-għani kien jgħix fid-dinja tiegħu u ma kienx jinduna li quddiem biebu kien hemm xi ħadd bil-ġuħ. Għall-inqas dak l-għani ma kienx jinduna u ħalla lil Lazzru jmut bil-ġuħ.

Li qed isir hu agħar minn hekk: qed noqtlu n-nies bix-xogħol biex ingawdu aħna! Ngħixu minn fuq demm in-nies. Dan hu dnub mejjet. Dnub mejjet! Jeħtieġ ħafna penitenza, tant radd lura, biex nikkonvertu minn dan id-dnub.

B’umoriżmu l-Papa qal li meta miet bniedem xħiħ in-nies bdew jgħidu li l-funeral kien irvinat għax ma setgħux jagħlqu t-tebut peress li ried jieħu miegħu kull ma kellu! Ħadd ma jista’ jieħu miegħu l-ġid li jkollu!

Naħsbu ftit f’dan id-dramm tal-lum: l-isfruttament tan-nies, demmhom li jsir skjav. U dan ma jolqotx biss lil min jittraffika għall-prostituzzjoni u lil min jittraffika lit-tfal għax-xogħol, imma wkoll dak it-traffikar hekk imsejjaħ ‘ċivilizzat’: Jien inħallsek daqshekk, mingħajr ma ntik benefiċċji, vaganzi, assikurazzjoni fuq is-saħħa, xejn….. bla ebda kopertura….. basta nistagħna jien!

Jalla l-Mulej ifehemna llum dik is-sempliċità li jgħallimna Ġesù fil-Vanġelu tal-lum: aktar importanti tagħti tazza ilma f’isem Ġesù mir-rikkezzi kollha mrekknin bl-isfruttament tan-nies.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: