Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Lill-midinbin għandna nifhmuhom imma qatt m’għandna nagħmlu kompromessi mal-verità

Lill-midinbin għandna nifhmuhom imma qatt m’għandna nagħmlu kompromessi mal-verità


Il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju 2016.Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Illum, għall-quddiesa tal-Papa fil-kappella tad-Dar Santa Marta kien hemm preżenti tmien koppji li għalqu ħamsin sena miżżewġin u koppja oħra li qed tiċċelebra għeluq il-ħamsa u għoxrin sena żwieġ.

 

Il-Vanġelu hu mimli bin-nases li l-Iskribi u l-Fariżej riedu jdaħħlu lil Ġesù fihom, biex inaqqsulu l-awtorità tiegħu u l-kredtu li kien igawdi fost il-poplu, beda jgħid il-Papa. Każ minnhom hu dak li jirrakkuntalna l-Vanġelu tal-lum meta l-Fariżej staqsewh jekk hux sewwa li raġel jibgħat lil martu.

Il-Papa qal li din kienet nasba mħejjija minn ‘grupp żgħir ta’ teologi’ li kienu konvinti li l-għerf u l-għaqal kollu tal-poplu t’Alla kien kollu taħt is-setgħa tagħhom.

Ġesù joħroġ minn din in-nasba kif kien diġà ħareġ minn dik li għamlulu s-Saduċej dwar il-mara li kellha sebat irġiel imma li, fi kliem Ġesù, wara l-qawmien ma tkun il-mara ta’ ħadd minnhom għax ma jkunx hemm aktar żwiġijiet. F’dak il-każ, qal Franġisku, Kristu tkellem dwar il-milja eskatoloġika taż-żwieġ. Iżda mal-Fariżej juri l-milja tal-armonija tal-ħolqien: Alla ħalaqhom raġel u mara u t-tnejn isiru ġisem wieħed.

M’għadhomx tnejn imma ġisem wieħed, għalhekk il-bniedem m’għandux jifred dak li jgħaqqad Alla. Fiż-żewġ każi Ġesù jitkellem dwar verità assoluta – din hi l-verità, dejjem! U Ġesù qatt ma jinnegozja l-verità imma dan il-grupp żgħir ta’ teologi ‘illuminati’ kienu jinnegozjaw il-verità u jġibuha biss każistika.

Ġesù ma jinnegozjax il-verità. Din hi l-verità dwar iż-żwieġ u m’hemm ebda verità oħra.

Imma Ġesù, kompla jgħid Franġisku, hu tant ħanin, hu tant kbir, li qatt u qatt ma jagħlaq il-bieb għall-midinbin. Għalhekk ma jieqafx wara li jgħid x’inhi l-verità, imma jistaqsihom x’kien għamel Mosè fil-liġi.

Meta l-Fariżej iweġbuh dak li kitbilhom Mosè, Ġesù jgħidilhom li Mosè tahom dik is-setgħa minħabba l-ebusija ta’ qalbhom. Dan ifisser, kompla Franġisku, li Ġesù dejjem jagħmel distinzjoni bejn il-verità u d-dgħufija umana mingħajr ma joqgħod idur mal-lewża.

Fid-dinja li qed ngħixu fiha, bil-kultura tal-proviżorju, din ir-realtà tad-dnub hi qawwija ħafna. Imma hu u jfakkar lil Mosè, Ġesù jgħidilna: Hemm l-ebusija tal-qalb, hemm id-dnub, iżda xi ħaġa tista’ ssir: il-maħfra, il-komprensjoni, l-akkumpanjament, l-integrazzjoni, id-dixxerniment ta’ dawn il-każijiet….. Imma l-verità ma tista’ tinbiegħ qatt!

Ġesù għandu ħila jlissen din il-verità tant kbira u fl-istess ħin jifhem ħafna lill-midinbin, lid-dgħajfa.

Dawn huma ż-żewġ affarijiet li għallimna Ġesù: il-verità u l-komprensjoni, dak li t-teologi ‘mdawlin’ ma jirnexxilhomx jagħmlu għax magħluqin fil-formola matematika ta’ ‘tista’’ jew ‘ma tistax’. Dan ma jħallihomx jaraw ixqfa usa u lanqas iħallihom ikollhom imħabba akbar lejn id-dgħufija umana.

Biżżejjed inħarsu lejn id-delikatezza li biha Ġesù jġib ruħu mal-adultera li kienet se titħaġġar: ‘Lanqas jien ma nikkundannak; mur u tidnibx iżjed.’ Jalla Ġesù jgħallimna biex fi qlubna ngħożżu l-verità u jkabbrilna qlubna biex nifhmu u nakkumpanjaw lil ħutna kollha li jinsabu f’diffikultà.

Dan hu don li jtihulna l-Ispirtu s-Santu, temm il-Papa Franġisku, mhux l-imgħallmin li biex jgħallmuna għandhom bżonn jirriduċu l-milja ta’ Alla f’formola matematika. Jalla l-Mulej jagħtina din il-grazzja.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: