L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa mal-anzjani u l-morda f’San Vinċenz de Paule


Il-Ħadd 22 ta’ Mejju: Festa tat-Trinità Qaddisa, l-Arċisqof żar l-anzjani u l-morda rikoverati fid-Dar tal-Anzjani San Vinċenz de Paule, il-Marsa.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Residenza San Vinċenż de Paule, Il-Marsa

Fil-bidu ta’ din il-Quddiesa aħna għamilna s-sinjal tas-salib li tgħallimnih mingħand ommna u li intom għallimtuh lil uliedkom. Dan huwa s-sinjal tagħna l-Insara, is-sinjal tas-salib, u l-kliem tiegħi li aħna qegħdin nagħmlu festa fuqhom illum. Għaliex aħna, waqt li nagħmlu s-sinjal tas-salib, ngħidu: ‘fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu’, tliet Persuni: il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, imma Alla wieħed fi tliet Persuni.

Il-festa t-tajba lil dawk kollha mill-Marsa, għax il-Marsa llum għandhom il-festa tat-Trinità Qaddisa, imma mhux il-Marsa biss. Fid-dinja Kattolika llum, aħna l-Insara Kattoliċi niftakru fis-sinjal tas-salib, f’Alla wieħed fi tliet Persuni.

Talba oħra li aħna nħobbu ngħidu u li tfakkar ukoll il-festa tal-lum hija l-Glorja. Ngħiduha flimkien: Glorja lil-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu, kif kien fil-bidu issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem, Ammen.
Dawn iż-żewġ talbiet għandhom rabta sabiħa bejniethom. L-ewwelnett aħna ngħidu fl-‘Isem’, fit-tieni talba ngħidu ‘Glorja’. Xi tfisser meta tgħid fl-isem ta’ xi ħadd? Jiena rrid nagħraf u nħobb kif iħobb hu. Jiena, meta nrodd is-salib, meta qed ngħid ‘l-isem ta’ Alla il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu’ qed ngħid: jiena se ngħix, jiena se nagħraf, jiena se nħobb kif jara u jħobb hu. Meta jiena niltaqa’ mal-proxxmu tiegħi, jiena nħobbu u nagħrfu kif jagħrfu u jħobbu Alla li ħalaqna: Alla l-Iben li fdiena, Alla l-Ispirtu s-Santu li jqaddisna.

Aħna rridu nwasslu lil xulxin din ix-xbieha sabiħa ta’ Alla: il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu. Nirrispettaw ix-xbieha ta’ Alla fina. Tgħiduli: ‘jiena m’għadnix gustuża bħalma kont qabel’. Xorta sabiħa quddiem Alla li ħalqek! Tgħidli: ‘m’għadnix b’saħħti bħalma kont, jew gustuż bħalma kont’. Alla jara l-qalb! U jħobbok kif inti.

Alla l-Iben li salvak, sar bniedem biex isalvak. Xerred kull qatra ta’ demmu biex inti jkollok il-paċi. “L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna meta b’daqqa ta’ lanza nifduk. Int għallimtna fil-hemm inberkuk”. Minflok nisħtu, jew nidgħu, jew nirrabjaw, “int għallimtna fil-hemm inberkuk” (mill-innu ‘Tina l-Ħlewwa’).

L-Ispirtu s-Santu li jqaddisna, dak li jfakkarna x’għallimna Ġesù, li jieqaf magħna, u ħdejna. Ġesù jsejjaħlu l-Avukat. Inti xi darba irċevejt xi taħrika? Mort għand l-avukat biex jagħtik parir. L-Ispirtu s-Santu jiddefendik, huwa l-avukat tiegħek. L-Ispirtu s-Santu jimlilek qalbek bl-imħabba għall-proxxmu. L-Ispirtu s-Santu jfakkrek fil-ħniena ta’ Alla għax int, ħafna drabi tgħid: ‘u jien daqs kemm għamilt praspar, Father, speċjalment meta konna għadna żgħar!’. Tinsewx li l-Ispirtu s-Santu jfakkarkom fil-ħniena tal-Mulej u jqawwi wkoll lil min qiegħed jgħinnkom. Jiena llum ma nitlobx biss għalikom, għeżież residenti, nitlob ukoll għas-CEO, għall-istaff kollu ta’ din ir-residenza, għall-istaff li jgħinkom, biex fil-qalb ta’ kull wieħed minna, anke tat-tim pastorali ta’ saċerdoti għeżież tiegħi li huma qrib tagħkom kuljum, aħna jkollna fil-qalb tagħna l-Isem ta’ Alla: il-Misser, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

San Ġwann jiġbor l-Isem t’Alla f’kelma waħda: ‘imħabba’. “Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4,8). Għalhekk, illum, nitlob ħafna għalikom, nitlob ukoll għall-qraba tagħkom li jżurukom. Tbissmulhom meta jiġu, m’hemmx għalfejn tgħidulhom: ‘kemm ilek ma tiġi!’. Inti għalik, issa ġew, tbissmulhom, fakkruhom f’xi ħaġa tal-antik imqar xi praspura ċkejkna. Qisu li min iżurkom, meta joħroġ minn ħdejkom joħroġ bi tbissima, mhux mgħobbi bl-inkwiet, ħalli jgħid: ‘nerġa mmur għax in-nanna qaltli xi praspura ta’ meta kienet żgħira’, jew ‘in-nannu tani parir’. Kemm hi ħaġa sabiħa li anke intom meta jiġu jżurukom tgħidu: ‘Jiena x’kelma ta’ kuraġġ nista’ ngħaddi llum fil-qalb ta’ l-għeżież tiegħi?’

Jiena nitlob għalikom ukoll biex hawnhekk tirċievu ħafna mħabba. Naf li mdawrin bil-paċenzja u bid-dedikazzjoni. Jiena nbierek il-ħidma li ssir magħkom u għalikom, u nirringrazzja wkoll lil kull min huwa responsabbli, anke lil min għandu l-awtorità talli jagħmel kull ma’ jista’ biex din l-esperjenza tkun dejjem aħjar. Hemm bżonn nitolbu għal min għandu l-awtorità biex ikompli jaħdem għal kull wieħed u waħda minna. Tinsewx li l-barka li tagħtu intom hija barka qawwija. Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd. U meta tbierku, bierku hekk: fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.