Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-veru ferħ jagħtihulna Ġesù mhux il-ġid materjali

Il-veru ferħ jagħtihulna Ġesù mhux il-ġid materjali


It-Tnejn 23 ta’ Mejju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

In-Nisrani ma jistax ma jkunx bniedem hieni, afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Anke fit-tbatija tal-ħajja n-Nisrani jaf jafda f’Ġesù u jgħix bit-tama.

 

Mill-ġdid il-Papa wissa biex nħallux il-ġid materjali jikkmandana għax dan iġib miegħu biss dwejjaq. In-Nisrani jgħix bil-ferħ u bl-istagħġib, bis-saħħa tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu, qal il-Papa hu u jikkummenta l-ewwel qari tal-liturġija tal-lum meħud mill-ittra ta’ San Pietru Appostlu.

Franġisku żied li anke jekk inkunu mikdudin mill-provi tal-ħajja, qatt ma jista’ jonqsilna l-ferħ ta’ dak li Alla għamel magħna, li wellidna mill-ġdid fi Kristu u tana t-tama.

Aħna, osserva l-Papa, nistgħu nimxu lejn dik it-tama li l-ewwel Insara kienu jqisuha ankra fis-sema. Aħna nitilgħu ma’ dik il-katina u nimxu lejn dik it-tama li ttina l-ferħ. In-Nisrani hu bniedem ferħan, bil-ferħ f’qalbu. Ma hemm ebda Nisrani li ma jħossx il-ferħ f’qalbu.

Tgħiduli, imma padre, rajt tant li huma mdejqin! Dawk mhumiex Insara, saħaq il-Papa Franġisku; jgħidu li huma Nsara imma mhumiex! Jonqoshom xi ħaġa.

Il-karta tal-identità tan-Nisrani hi l-ferħ, il-ferħ li jiġi mill-Vanġelu; il-ferħ li konna magħżulin minn Ġesù, salvati minnu, imġeddin biH; il-ferħ li jiġi mit-tama li Ġesù qed jistenniena; il-ferħ li anke fis-slaleb tal-ħajja jitfisser mod ieħor: jiġifieri l-paċi fiċ-ċertezza li Ġesù qiegħed magħna, jakkumpanjana.

In-Nisrani, żied il-Papa, ikattar dan il-ferħ aktar ma jkollu fiduċja f’Alla, Alla li dejjem jiftakar fil-patt li għamel. Min-naħa tiegħu, in-Nisrani jaf li Alla jiftakar fih, iħobbu u jakkumpanjah – li Alla jistennieh. Dan hu l-veru ferħ.

Il-Papa Franġisku għadda biex jikkummenta l-Vanġelu tal-ġurnata, il-laqgħa ta’ Ġesù maż-żagħżugħ għani. Kien bniedem li ma kellux ħila jiftaħ qalbu għall-ferħ u għażel id-dwejjaq għax kien għani ħafna. Kien marbut ma’ ġidu!

Ġesù kien qalilna li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: jew taqdi lill-Mulej jew lill-flus. Il-ġid fih innifsu mhux xi ħaġa ħażina imma li naqdu ‘l-flus hu ħażin. L-imsejken żagħżugħ telaq qalbu sewda. Qarras wiċċu u telaq imtaqqal. Meta fil-parroċċi tagħna, fil-komunitajiet tagħna, fl-istituzzjonijiet tagħna nsibu nies li jgħidu li huma Nsara u jriduha ta’ Nsara imma wiċċhom dejjem imqarras, ikun hemm xi ħaġa fihom li mhix sew. Għandna ngħinuhom biex isibu lil Ġesù, biex ineħħu dak id-dwejjaq, ħalli jkunu jistgħu jsibu l-ferħ tal-Vanġelu, ħalli jkollhom dan il-ferħ li jiġi biss mill-Vanġelu.

Franġisku kompla jikkummenta dwar il-ferħ u l-istagħġib: l-istagħġib it-tajjeb quddiem ir-rivelazzjoni, quddiem l-imħabba ta’ Alla, quddiem l-emozzjoni tal-Ispirtu s-Santu. In-Nisrani hu bniedem mistagħġeb, kelma li nsibuha meta Ġesù jispjega lill-Appostli li dak iż-żagħżugħ twajjeb ma rnexxilux jimxi warajH għax kien marbut ma’ ġidu.

Allura min jista’ jsalva?, staqsew l-Appostli. U l-Mulej weġibhom: hu impossibbli għall-bniedem, imma mhux għal Alla!

Il-ferħ Nisrani, u għalhekk l-istagħġib li jġib miegħu l-ferħ, il-ħelsien mill-irbit mal-ħwejjeġ tad-dinja, mill-mondanità – il-mondanità li tifridna minn Ġesù – insibuh biss bil-qawwa t’Alla, fil-qawwa li jtina l-Ispirtu s-Santu.

Nitolbu llum lill-Mulej biex itina dan l-istagħġib meta nintrefgħu lejH, meta naraw l-għana spiritwali li tana. U ma’ dan l-istagħġib itina wkoll il-ferħ, il-ferħ tal-ħajja li ngħixu bil-paċi tal-qalb minkejja d-diffikultajiet; u nitolbuH iħarisna milli nfittxu l-hena f’tant affarijiet li jnessulna d-dwejjaq, iwiegħdu ħafna imma ma jtuna xejn lura!

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: