Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-qdusija hija tama mimlija kuraġġ, pass pass kull jum li jgħaddi

Il-qdusija hija tama mimlija kuraġġ, pass pass kull jum li jgħaddi


It-Tlieta 24 ta’ Mejju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-mixja fil-preżenza t’Alla, afferma dalgħodu l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, tfisser li nimxu lejn il-qdusija. Dan l-impenn jeħtieġ qalb li taf tittama bil-kuraġġ, tinterroga lilha nfisha u, bis-sempliċità, tinfetaħ għall-grazzja t’Alla.

 

Il-qdusija ma tinxtarax u ebda qawwa umana ma tista’ takkwistaha. Il-qdusija sempliċi tagħna l-Insara, dik li għandna niksbu kull jum ta’ ħajjitna, qal Franġisku, hi triq li nimxuha biss jekk tkun imsaħħa minn erba’ elementi li ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom: il-kuraġġ, it-tama, il-grazzja u l-konverżjoni.

Il-Papa kien qed jikkummenta s-silta mil-liturġija tal-lum, li nsibu fl-ewwel qari mill-ittra ta’ San Pietru. Il-Papa ddeskriva dis-silta bħala trattat żgħir dwar il-qdusija. Qabel kollox din tfisser li nimxu fil-preżenza t’Alla b’mod impekkabbli.

Il-qdusija hi mixja, tenna l-Papa, li ma tistax tinxtara jew tinbiegħ. Lanqas nistgħu ntuha bħala rigal. Il-qdusija hi mixja fil-preżenza t’Alla, li rrid nagħmilha jien: ħadd ma jista’ jagħmilha għalija jew minfloki. Nista’ nitlob biex ħaddieħor ikun qaddis, imma rrid nagħmel il-mixja miegħu, mhux nagħmilha minfloku.

Illum se nuża xi kliem, kompla Franġisku, li jgħallmuna l-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum, il-qdusija, biex insejħulha hekk, anonima.

L-ewwel kelma hi l-kuraġġ: il-mixja lejn il-qdusija teħtieġ il-kuraġġ. Is-Saltna tas-Sema ta’ Ġesù hi għal dawk li għandhom il-kuraġġ li jibqgħu mexjin ‘il quddiem.

Il-kuraġġ hu sostnut mit-tama, it-tieni kelma li tressaqna lejn il-qdusija – il-kuraġġ ta’ min jittama fil-laqgħa ma’ Ġesù.

Imbagħad hemm it-tielet element: Pietru jikteb, ‘qiegħdu t-tama kollha tagħkom f’dik il-grazzja.’ Ma nistgħux insiru qaddisin bil-ħila tagħna biss. Il-qdusija hi grazzja. Inkunu twajbin, inkunu qaddisin, kull jum li jgħaddi nagħmlu pass ‘il quddiem fil-ħajja Nisranija. Din hi grazzja li jtina Alla u rridu nitolbuhielu.

Il-kuraġġ: il-qdusija hi mixja li rridu nagħmluha bil-kuraġġ u t-tama, disposti biex nirċievu dil-grazzja, it-tama tal-mixja. Kemm hu sabiħ id-disa’ kapitlu tal-ittra lil-Lhud! Aqrawh. Jirrakkonta l-mixja ta’ missirijietna, l-ewwel nies li kienu msejħin minn Alla, u kif huma mxew ‘il quddiem.

Dwar missierna Abraham jgħid: ‘Hu telaq mingħajr ma kien jaf fejn sejjer.’ Imma kien mimli tama.

Fl-ittra tiegħu, Pietru, kompla jgħid il-Papa, juri l-importanza tar-raba’ element meta jistieden lil min jaqra l-ittra biex ma jibqax marbut max-xewqat ta’ dari u, essenzjalment, iħeġġiġhom biex jibdlu qlubhom minn ġewwa b’impenn, kuljum.

Il-konverżjoni hi ħaġa ta’ kuljum. Tgħiduli: biex nikkonverti rrid nagħmel il-penitenza, insawwat lili nnifsi…….? Le, le u le: il-konverżjoni hi passi żgħar.

Jirnexxilek ma tqassasx dwar xi ħadd ieħor? Allura int bdejt it-triq lejn il-qdusija! Ħaġa tant sempliċi. Jiena naf li intom ma tqassux dwar l-oħrajn, mhux hekk?, qal il-Papa lil dawk preżenti fil-kappella.

Affarijiet żgħar: għandi aptit nikkritika lil ta’ ħdejja, lil sieħbi fuq ix-xogħol – nigdem ftit ilsieni. Jintefaħlek xi ftit imma l-ispirtu tiegħek ikun aktar qaddis, ikun qed jagħmel dil-mixja. Xejn straordinarju: mortifikazzjoni, sempliċi, mhux veru? Il-mixja lejn il-qdusija hi sempliċi. Mingħajr ma nħarsu lura, imma nimxu dejjem ‘il quddiem, bil-qawwa interjuri.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: