L-Arċisqof jamministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof lill-adoloxxenti fil-Parroċċa tal-Iklin


Il‑Ġimgħa 27 ta’ Mejju: L- Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s‑Sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lill‑adoloxxenti fil‑Parroċċa tal‑Iklin.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja Parrokkjali tal-Iklin

Ma nafx x’jismu ż-żgħażugħ li qara l-Ewwel Qari. X’ismek? Shaimian! Hemm xi qaddis jismu San Shaimian? Se tkun inti, oqgħod attent – m’hemmx għalfejn nikkanonizzawk bir-raġġiera imma trid tkun qaddis, għalhekk qed tirċievi l-Griżma llum.

L-ewwelnett grazzi għażiż Shaimian talli qrajtilna l-Ewwel Qari, li kien mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu. San Pietru tana żewġ Ittri li mhumiex twal, għalhekk ta’ min jaqrahom la mhumiex twal ħafna u Shamian qralna siltà sabiħa mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu.

Jiena u nisma’ lil Shaimian jaqraha – grazzi talli qrajtha tant sabiħ u b’mod tajjeb – għidt: ‘kemm qiegħda propju għalina llum u f’din l-okkażjoni meta intom, għeżież żgħażagħ se tirċievu s-sagrament tal-Griżma. U għaliex qed ngħid hekk? Għaliex il-qari li smajna jitkellem fuq li aħna jkollna imħabba sħiha lejn xulxin. “Fuq kollox ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet (1Pt 4, 8). Intom se tirċievu l-Ispirtu s-Santu li huwa l-milja tal-imħabba ta’ Ġesù, huwa l-Ispirtu tal-imħabba. Jekk intom tgħixu skont l-Ispirtu u tobdu l-vuċi tal-Ispirtu li tmexxikom lejn l-imħabba, l-imħabba tagħkom tgħatti wkoll id-dnubiet tagħkom, tippurifikakhom u tnaddafkom mid-dnubiet tagħkom.

San Pietru kompla jgħidilna: “Kull wieħed minnkom jgħix skont id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid ta’ l-oħrajn” (1Pt 4,10). Illum qegħdin tirċievu d-don ta’ l-Ispirtu qaddis tal-Mulej, qisu li dan id-don qaddis tużawh anke għall-ġid ta’ l-oħrajn. In-Nisrani vera jingħaraf minn dan: meta jagħti ħajtu skont il-vokazzjoni tiegħu: miżżewweġ, katekista, saċerdot, professjonist, jekk ħajtu tkun ta’ servizz għall-oħrajn. U din hija xi ħaġa li l-Mulej, permezz tal-Ispirtu qaddis tiegħu, qiegħed iwassalkom għaliha.

Intom, minn hawn u ftit xhur oħra, lanqas ngħid snin, xhur oħra, tibdew issiru adulti mhux biss fil-Knisja bħalma ħabbartkom illum, imma psikoloġikament, fiżikament u mentalment. Tibdew tgħidu iżjed ‘le’ lil-ġenituri tagħkom għax tiġġieldu għall-awtonomija tagħkom, kultant taħbulhom xi ħaġa wkoll, ma tgħidulhomx kollox, imma tgħidu kollox lill-ħbieb. Dawn huma affarijiet li ngħaddu minnhom meta aħna nkunu qegħdin nikbru u nkunu qegħdin niżviluppaw fil-‘jien’, jien li niddeċiedi jien min jien.

Intom tridu tiftakru l-ewwel nett li l-ikbar ħbieb tagħkom huma l-ġenituri tagħkom u li l-Ispirtu s-Santu jmexxikom biex intom issibu l-‘jien’, u tingħataw. Jekk inti tinnamraw ma’ xi tfajla gustuża, jew xi tfajjel ħelu, trid tingħata, mhux niġbed lejja nnifsi biss. Jekk jiena se tingħata għal xi vokazzjoni, irrid ningħata, nagħti ħajti. “M’hemmx imħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”. Issa tagħti ħajtek mhux biss tmut; hawn min jiġi msejjaħ biex ikun martri u jagħti ħajtu bil-mewt. Imma l-ewwel tagħti ħajtek fil-ħajja u tagħti ħajtek ifisser li fil-vokazzjoni tiegħek turi mħabba vera.
San Pietru jitkellem fuq ħafna ilsna, jitkellem fuq id-don tal-kelma, id-don tal-ministeru, tal-qadi, u jgħid: “f’kollox ikun igglorifikat Alla b’Ġesù Kristu, li tiegħu huma l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem” (1Pt 4, 11). Issa San Pietru kiteb lill-komunità Nisranija f’mument ta’ persekuzzjoni ħarxa. Immaġina qiegħed jikteb, per eżempju lill-Insara tal-belt ta’ Mosul fejn hemm l-ISIS u fejn l-Insara jew iħallsu t-taxxa jew inkella jinqatlu. Hu qed jitlob lilhom. Immaġinawh lil San Pietru, illum, qiegħed jikteb lil dawk l-Insara! Hu jgħidilhom: “Ħuti għeżież, tistagħġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom, bħallikieku ġratilkom xi ħaġa mhux tas-soltu. Imma ifirħu, għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu (1Pt 4, 12-13).

Qabel ġejt hawn mort l-isptar biex inkun qrib raġel miżżewweġ li qed imut bil-cancer, raġel tajjeb, tal-familja, raġel qaddis. U għalkemm qed imut, baqa’ ħafna pożittiv: jitlob, jgħid kelma ta’ nkorraġiment, saħansitra jitbissem għallavolja fi tbatija kbira. Għal dan seħibna, li jismu Trevor, għaddej mill-kalvarju tiegħu, mit-tbatija tiegħu, imma l-Ispirtu li rċieva fil-Griżma, qiegħed jgħinu jagħmel l-aħħar pass. Tafu kemm għandu? Sebgħa u tletin sena! It-tifla tiegħu għadha lanqas għamlet il-preċett. Tgħiduli: ‘għaliex?’ Ma nafx, m’għandix risposta, biex ma taħsbux li l-Isqof għandu risposta għal kollox. M’għandix risposta. Illum qalli – għax ġieli mort narah imma issa miskin, wasalna, qalli: ‘dejjem nitolbu jtawwalli ftit, kieku jtawwalli ħmistax oħra, imma ma nafx din id-darba’. Għidltu: ‘Trevor, nintelqu f’idejn Ġesù, issa f’idejn Ġesù’. Aħna dejjem ngħidulu: ‘meta trid inti, imma m’aħniex mgħaġġlin’ mhux hekk ngħidulu? Meta trid inti imma m’aħniex mgħaġġlin, imma meta jrid hu, nintelqu f’idejh. Mela llum li qed tirċievu l-Ispirtu tal-Mulej, nitlobkom titolbu għal Trevor ukoll f’dan il-mument. Itolbuh il-grazzja li meta tgħaddu minn mument diffiċli, ma tħossukomx abbandunati minn Alla. Ġieli tħossok waħdek, mela le, u tħoss li kollox waqa’ madwarek, imma Alla ma jabbandunakx. Alla huwa miegħek. Għalhekk l-Ispirtu s-Santu għandu isem stramb, ‘Paraklitu’. Xi tfisser? Tgħiduli: ‘jien ma nafx Grieg’. Tgħidli: ‘qed titkellem bil-Grieg qisek’, veru qed nitkellem bil-Grieg. Paraclitos tfisser xi ħadd li jien insejjaħ biex ikun miegħi. Bil-Latin: ad vocatus, vocatus imsejjaħ biex ikun miegħi. Dan hu l-Ispirtu s-Santu kif sejjaħlu Ġesù: xi ħadd li jkun miegħi meta nħossni waħdi, inħossni beżgħan, inħossni se naqta’ qalbi, biex hu jagħmilli kuraġġ. Jew inkella ma nafx x’se naqbad nagħmel, jagħtini d-dawl biex nagħraf nimxi. “Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek huma jwennsuni” (P 23,4). Dan huwa l-Ispirtu s-Santu li qed tirċievu llum.

Aħna nitolbuh ħafna għalikom, hekk se nagħmlu issa, imma nfakkarkom li se ġġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija llum. Illum mhux il-ġenituri u l-parrinijiet, imma intom. Jiena rrid nisma’ lilkom tiċħdu lix-xitan u temmnu fil-Missier, u fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu. Illum x’inhi? Graduation? Mhiex graduation, jiġifieri jiena nħajjarkom li wara llum, il-Griżma li se tirċievu tkomplu tfittxu l-ħbieb Insara u t-tagħlim Nisrani. Hawn l-Iklin, per eżempju hawn iż-ŻAK, hux veru kappillan? Hawn iż-ŻAK, għaliex ġieli ġejt għal xi laqgħat. Huma żgħażagħ Insara li bid-difetti kollha tagħhom qed jippruvaw jgħixu ta’ Nsara. Min jibqa’ mħajjar imur il-MUSEUM hawn il-MUSEUM qrib ta’ Ħal-Balzan, hux veru? Issa kbar biżżejjed, oqgħodu attenti kif taqsmu din it-triq li hawn, użaw dejjem iz-zebra crossing, il-lights, tgħallunix, mhux għax issa għamiltu l-Griżma, se nibdew intiru. Insomma ftit snin oħra ma nafx x’se tibdew tagħmlu imma!

Nagħtikom parir, illum intom għandkom parrinu jew parrina ħdejkom. Il-parrina jew parrinu mhux għar-rigal, imma għall-parir, għat-talb u għall-eżempji. Din xi ħaġa li ngħid lilkom, għeżież parini: intom qegħdin għas-sapport biex tagħtu parir tajjeb lill-filjozzi tagħkom u biex titolbu għalihom. Din hija responsabbiltà li qed tirċievu quddiem Alla, u anke grazzja. Jekk iż-żgħażagħ li se jirċievu s-sagrament tal-Griżma u l-Ispirtu s-Santu, intom ukoll dan is-sagrament li qed jirċievu huma, se jkollkom rabta speċjali u spiritwali magħhom. It-talba tiegħi hi li intom iġebbdu lil xulxin lejn il-ġenna.

Dan il-poster hawn jgħidilna ħafna affarijiet. Jiena, meta rajtu għidt: ‘issa sew, aħjar nafda f’Alla, għax jekk nibda nkejjel, nispiċċa fil-ħofra, imma nafdaw f’Alla fil-ħniena tiegħu. Ara ma jfettlilkomx, intom qed tirċievu l-Griżma fis-Sena tal-Ħniena, li tinsewha din. Meta tikber għid: ‘jiena rċevejt il-Griżma tal-Isqof fis-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena u l-ħniena tal-Mulej se tkun il-blata ta’ ħajjitkom. Issa l-ħniena kif nirċevuha? Bl-imħabba li nuru għax, “l-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet” u bil-qrar. Kemm hemm bżonn tqerr? Kemm hemm bżonn! Mhux bir-ration dan, kemm hemm bżonn! Għaliex il-Mulej, għani fil-ħniena, jrid jaħfer, irid jaħfer. X’jonqos minna? Li ngħidulu: ‘Mulej, aħfirli, għamilt waħda tinkiteb, aħfirli’. il-Mulej jaħfrilna għax iħobbna, għax jixtieq li nkunu tassew qaddisin. Nawguralkom ħafna li tkunu Nsara ferħana. It’s cool to be a Christian. Mhux ta’ dwejjaq li tkun Nisrani. Li tkunu Nsara ferħana, li Ġesù jgħammar fil-qalb tagħkom u li għandkom il-qawwa ta’ l-Ispirtu Qaddis.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.