Patri Mario Attard OFM Cap
Jeżiżtu esperjenzi fil-ħajja li ma tagħmilhomx darba biex tgħid tkun għamilthom. Iżda tagħżel li tagħmilhom l-għaliex ikunu, minnhom infushom, pożittivi. Huma esperjenzi li bihom tintebaħ li fil-ħajja hawn frott li jikber bil-bosta. Tant li dan il-frott ikun iddestinat li jibqa’!
Esperjenza ta’ din ix-xorta kienet Live-in li għalaq is-Sena Akkademika 2015-2016 mnedija mill-Istitut Agostinjan. Dan il-Live-in sar fid-Dar tal-irtiri, id-De La Salle Centre, fil-Mellieħa bejn id-29 ta’ April u l-1 ta’ Mejju 2016. Minħabba l-impenji li għandi fl-Isptar stajt nattendi biss mis-Sibt 30 t’April sal-Ħadd l-1 ta’ Mejju. Kienu hemm mas-26 persuna li ħadu sehem f’dan il-Live-in.
F’din l-esperjenza tal-qsim tal-ħajja fl-ispirtu Agostinjan ta’ “qalb waħda u ruħ waħda” (Atti 4:32) kellna, tista’ tgħid, minn kollox. Bdejnieh bil-marka tal-Ħniena ta’ Alla biż-żjara memorabbli fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa fejn hemmhekk iċċelebrajna l-quddiesa u dħalna mill-Bieb tal-Ħniena. Imbagħad issuktajnieh bit-talb u bil-mumenti ta’ rikrejazzjoni flimkien. U, fil-qalba ta’ dawn l-atti komuni li reġgħu mill-ġdid tawna l-ħajja, ġejna mitmugħa u misqija minn tlett konferenzi mill-isbaħ dwar l-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin. Nixtieq partikularment nieqaf fuq it-tielet konferenza fuq l-Istqarrijiet li ittrattat il-karattru ta’ omm Santu Wistin, Monika, kif ifissirhulna l-Istqarrijiet. Kienet konferenza li tant kemm ħarġet b’imħabba mill-qalb Agostinjana ta’ Patri Salvinu Caruana OSA, espert fl-istudji Agostinjani u Patristiċi, li ħsibt li jkun dnub jekk inħallieha maqfula fil-file. Fuq il-karta mejta. Għalhekk beħsiebni naqsam magħkom xi siltiet minnha.
Tajjeb ngħidu li għal Santu Wistin l-Istqarrijiet li kiteb bħala Isqof ta’ Ippona, fis-snin 397 u 400, huma tabilħaqq mixja ta’ konverżjoni mhux tiegħu flimkien ma’ dik ta’ ommu Monika. Wistin jikteb fid-Disa’ ktieb tal-Istqarrijiet: “Aħna bdejna nfittxu xi mkien fejn stajna naqduk aħjar u qbadna t-triq lura lejn l-Afrika. Meta wasalna f’Ostia Tiberina ommi mietet” (IX, 8).
Fl-Istqarrijiet Wistin jagħtina rappreżentazzjoni bilanċjata ta’ ommu. Fil-fatt, meta wieħed joqgħod jaħseb ftit fil-fond malajr jintebaħ li l-Istqarrijiet iwassluna għall-konklużjoni li l-Mulej mexa fi stadji differenti fil-ħajja ta’ Monika. Jgħidilna: “Ma kinetx hi li għamlet jew rabbiet lilha nfisha. Inti ħlaqtha; missierha u ommha ma kinux jafu x’bint se jkollhom fiha. Il-ħatar ta’ Kristu tiegħek tellagħha fil-biża’ tiegħek” (IX, 8). F’dan id-dettall tassew importanti, kif jagħtuhulna l-Istqarrijiet, jurina li għal Wistin it-tip ta’ parentela l-aktar li tinteressah m’hijiex dik fiżika imma spiritwali. Għalkemm Monika kellha ommha u missierha madankollu kien il-Mulej li kien l-istess missierha u ommha. Tant hu hekk li meta Monika tinbidel fi Kristu l-karattru tagħha ma jibqax dak mgħoddi lilha mill-ġenituri tagħha iżda isir dak li ġej mill-“ħatar ta’ Kristu tiegħek tellagħha fil-biża’ tiegħek” (IX, 8).
Monika ma trabbietx mill-ġenituri tagħha iżda minn nanny. Jgħidilna l-Isqof ta’ Ippona: “Hi (Monika) kienet tgħid li trabbiet mhux fil-ħsieb ta’ ommha daqskemm fil-ħsieb ta’ waħda qaddejja xwejħa li refgħet fuq spallejha lil missierha meta kien tarbija kif in-nisa żgħażagħ jerfgħu liċ-ċkejknin.” (IX, 8). Din in-nanny kellha dixxiplina fuq Monika u ħutha. “Hi ħadet ħsiebhom bil-għaqal, u kull meta jeħtieġ kienet trażżanhom b’mod iebes tassew iżda qaddis… Barra mill-ħinijiet ta’ l-ikel li kienu jieħdu bil-qjies flimkien mal-ġenituri tagħhom, biex ma jidrawx ħażin, u bi kliem sod kienet tgħidilhom, ‘Illum tixorbu l-ilma għax ma jħallukomx tieħdu nbid; iżda meta tiżżewġu u jkollkom il-ħażniet tagħkom u l-kmamar fejn terfgħu, l-ilma jkun idejjaqkom u tingħelbu mid-drawwa tax-xorb’. B’dawn l-ordnijiet ta’ setgħa kienet iġġagħlhom joqogħdu, ħalli b’hekk trażżnilhom il-kilba tagħhom sa minn ċkunithom u anqas biss jitħajru għal dak li ma jixirqilhomx” (IX, 8).
Biż-żmien Monika “daħlet fiha d-drawwa ta’ l-inbid” (IX, 8). Imma l-Mulej, fi mħabbtu, ried ifejjaq lil Monika minn dan id-difett. Kif? Santu Wistin jgħidilna: “Meta ma nkunux taħt għajnejn il-ġenituri tagħna u dawk li jieħdu ħsiebna, tkun hemm int, Mulej li ħlaqtna, li ssejħilna, u tinqeda b’min hu fuqna wkoll biex tagħmlilna xi ġid għas-salvazzjoni ta’ ruħna. Int x’għamilt għal ommi, Alla tiegħi? Kif ħadt ħsiebha u fejjaqtha? Ma bgħattilhiex ruħ oħra li għajtet magħha u għajritha kemm felħet? Int ħriġt sikkina mill-imħażen moħbija tiegħek u b’daqqa waħda tagħha permezz ta’ dik ir-ruħ fejjaqt lil ommi mit-taħsir tagħha” (IX, 8).
Permezz tal-ħajja ta’ ommu Monika Wistin jwasslilna messaġġ importanti. Il-Mulej ġieli juża’ saħansitra t-tradimenti tal-aktar nies li nkunu fdajna basta minnhom jagħmilna l-ġid. Basta jibdilna għall-ħajja aħjar. Anki jekk ir-rejazzjonijiet li jinħolqu fina minħabba dawn l-inċidenti tal-ħajja huma morri bil-qabda. Bħalma kienet morra dik l-esperjenza li għaddiet minnha Monika meta l-qaddejja, “meta kienu weħidhom fetħet ħalq daqshiex u bdiet iċċanfarha għan-nuqqas tagħha u tgħajjarha sakranazza” (IX, 8). Anki f’din l-esperjenza qarsa, kif jgħallimna Santu Wistin, għalkemm “din il-kelma (sakranazza) qarset lil ommi fil-laħam il-ħaj, ħasset xogħfa minn dik id-drawwa u minnufih qaċċtitha minnha” (IX, 8). Kemm f’din iċ-ċirkustanza tal-ħajja ta’ Monika joħroġ il-karattru b’saħħtu ta’ Christus Medicus! Kristu li jfejjaq!
Mill-Istqarrijiet nintebħu kemm Monika, minħabba li trabbiet “fir-rażan u l-għaqal” (IX, 8), sforz l-istess esperjenzi qarsa li għaddiet minnhom hi, bil-mod il-mod tgħallmet li fil-ħajja miżżewġa tagħha ma’ żewġha Patrizju, kellha issejjisha fuq is-sabar u, meta kien ikun il-waqt adatt, fuq il-korezzjoni bl-imħabba kollha. Żewġha, li “ġieli waqqa’ fil-għajb is-sodda taż-żwieġ” (IX, 8) għax “kien raġel qalbu tajba għall-aħħar, iżda kien ukoll jisħon malajr; minħabba f’hekk tgħallmet ma tiqaflux meta tarah inkorlat, la bil-kliem u lanqas b’xi egħmil, biex imbagħad, meta jibred u jikkalma wara li jkun għadab forsi bla ma kien ikollu għalfejn, issib ħin f’waqtu biex tfissirlu l-imġiba tagħha” (IX,8). Kemm kienet tattika għaqlija din fis-soċjetà ta’ dak iż-żmien fejn mhux l-ewwel darba li “ħafna nisa oħrajn, li żwieġhom kienu aktar kwieti (minn Patrizju), ġieli kien ikollhom wiċċhom imbenġel bis-swat li jaqilgħu mingħandhom” (IX, 8).
Tagħlima oħra li toħroġ mill-ħajja ta’ Monika fl-Istqarrijiet turi l-kruha tat-tixwix. Meta hi u l-kunjata tagħha spiċċaw bi problemi kbar fir-relazzjoni ta’ bejniethom, ħtija tat-tixwix tal-qaddejja li kienet il-berrina bejniethom, minn dan l-inċident fil-ħajja ta’ ommu Wistin jgħallimna: “Tassew li ħadd ma għandu jgħid kliem ta’ deni li bih ikebbes jew ikabbar il-mibegħda tal-bnedmin bejniethom” (IX, 8). Fl-istess paragrafu Wistin jurina ukoll li ommu kienet tuża’ l-kliem biex iġġib il-paċi fil-familja. “Bi kliem ta’ ġid jitfi n-nar tal-mibegħda. U dan hu li kienet tagħmel ommi, skont it-tagħlim ġewwieni tiegħek l-imgħallem tagħha fl-iskola ta’ qalbha” (IX, 8).
Trid tinżel aktar fil-fond fl-iskola ta’ qalbek fejn l-imgħallem tiegħek Ġesù qed jgħammar? Ikkuntatja lill-Istitut Agostinjan, PO Box 61 Imsida PO MSD1000. Tista’ iċċempel ukoll lid-Direttur, Patri Salvinu Caruana OSA fuq 21249407-99402102. Jew lis-segretarja: 27010827 inkella 99450099.
Ibda’ duq magħna l-benna tal-Mulej kif imfisser fil-ħajja u fit-tagħlim tal-Isqof Santu Wistin. Gawdi int ukoll minn frott li jibqa’!