L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa tas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù


Il-Ħadd 29 ta’ Mejju 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù (Corpus Christi) fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, u wara mexxa purċissjoni bl-Ewkaristija, mat-toroq tal-Belt Valletta.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Konkatidral ta’ San Ġwann

L-Evanġelju magħżul għal din is-Solennità fiċ-ċiklu liturġiku tas-Sena Ċ (Lq 9, 11b-17), ifakkarna f’wieħed mill-mirakli ta’ Ġesù li juri l-qalb ħanina tiegħu li tieħu ħsieb lil dawk li jimxu warajh. “Il-jum kien wasal biex jintemm”. It-tnax, b’mod drammatiku qalulu: “ibgħathom lin-nies ħa jmorru fl-irħula biex jistrieħu u jieklu xi ħaġa”. Ir-risposta ta’ Ġesù hija kmand li jibqa’ jidwi matul is-sekli, għalina u għall-Knisja kollha. “Agħtuhom intom x’jieklu” (vv.12-13).

Dan il-kmand il-Mulej isieħeb lill-Knisja tiegħu, lill-komuntà fl-azzjoni li biha jieħu ħsieb il-poplu tiegħu u fl-istess ħin jantiċipa l-qawwa li kellu jagħti lill-appostli biex huma jagħmlu dak li għamel hu b’tifkira tiegħu, kif fakkarna l-apposlu Missierna fit-Tieni Qari: “Jiena rċevejt minn għand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr, qasmu u qal: ‘Dan hu ġismi li jingħata għalikom. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi’”. Dan il-kmand li jerġa jtenni ruħu fuq il-kalċi: “agħmlu dan kull meta tixorbu b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11,232-25), il-Mulej qiegħed jgħid lill-appostli u jagħtihom il-qawwa biex huma u jfakkru dak li għamel hu, jobdu wkoll għall-kmand tiegħu: “agħtuhom intom x’jieklu, agħtuhom intom x’jixorbu”.

Is-saċerdozju għalhekk huwa ubbidjenza għall-kmand ta’ Ġesù, huwa għotja totali lil Ġesù biex hu jkun jista’ jibqa’ jitma’ lill-poplu tiegħu. Il-kuntest ta’ dan il-kmand u l-kuntest tat-tkattir tal-ħobż, huwa wkoll il-kuntest tat-tħabbir tas-Saltna t’Alla u tal-fejqan. Filfatt, l-Evanġelju tal-lum jibda b’din in-nota partikolari: “Dak iż-żmien Ġesù qagħad ikellem lill-folol fuq is-saltna ta’Alla u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan” (Lq 9,11). Din il-kelma u dan il-kuntest jieħu tifsira profonda u sinifikattiva f’din is-sena li l-Papa riedha li tkun iddedikata lil Ġublew tal-Ħniena.

F’żewġ dokumenti tassew prezzjużi u għeżież, l-Evangelii Gaudium u issa l-Amoris Laetitia, il-Papa Franġisku jfakkarna fit-tagħlim sabiħ tal-Knisja dwar il-fatt li l-Ewkaristija hija wkoll mediċina, hija wkoll fejqan. San Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika tiegħu Ecclesia de Eucharistia jikkwota l-liturġija divina ta’ San Ġwann Kriżostmu li titlob hekk: ‘Aħna nsejħulek, aħna nitolbuk, ibgħat l-Ispirtu s-Santu tiegħek fuqna lkoll u fuq dawn id-doni tal-ħobż u l-inbid sabiex, għal dawk kollha li jieħdu sehem fihom, ikunu tisfija tar-ruħ, maħfra tad-dnubiet, komunikazzjoni mal-Ispirtu s-Santu’. Din hija talba li aħna l-Latini nirrepetuha b’mod differenti fil-Missal Ruman, meta ċ-ċelebrant jitlob ħerqan lilna, li nieklu mill-ġisem u d-demm tal-iben tiegħek, ‘agħtina l-milja tal-Ispirtu s-Santu sabiex insiru fi Kristu ġisem wieħed u spirtu wieħed’. Mela bis-sagrament qaddis tal-Ewkaristija aħna nirċievu t-tisfija neċessarja biex aħna, li aħna dgħajfin u midinbin, nkunu nistgħu nirċievu l-Ispirtu u nkunu ħaġa waħda ma’ Ġesù.

Smajna wkoll fis-Sekwenza sabiħa ta’ Tumas t’Akwinu li għadna kemm kantajna llum, ir-rifless tat-tagħlim ta’ San Pawl li l-Ewkaristija li wieħed jeħodha meta huwa maqtugħ minn Alla deliberatament, minflok issir għalih mediċina, issir velenu mortali. Hekk jgħid San Tumas d’Akwinu: Sumunt boni, sumunt mali: Sorte tamen inæquali, Vitæ vel interitus: “jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena, imma lil dawk (lit-tajba) iġġib il-ħajja, lil dawn tixħet fit-telfien”. Mors est malis, vita bonis: vide paris sumtionis, quam sit dispar exitus – “mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba, ara kif jinbidel fihom, għalkemm jieħdu l-istess ikel”.
Mela jekk jiena fil-qalb tiegħi għandi mibegħda kbira għal ħija u din il-mibegħda ma rridx ngħelibha, anzi nkompli navvelena ’l qalbi, meta nirċievi l-Ewkaristija, jien mhux qed nirċievi l-mediċina imma velenu. Jekk jiena lill-ħaddiema tiegħi, qiegħed nistmahom ta’ skjavi u mhux qed nitrattahom bil-ġustizzja, jiena ħati ta’ dnub li jgħajjat lil Alla. L-Ewkaristija li nirċevieha faċċata sabiħa fil-Knisja, minflok mediċina għad-dgħufija tiegħi, issirli velenu, anzi motiv ieħor ta’ ħasra u ta’ kastig.

San Tumas d’Akwinu jikkunsidra l-fatt li l-Ewkarisija hija mediċina għal min għandu bżonn l-għajnuna fid-dgħufija tiegħu, “imma ma tistax tqajjem lill-mejtin”, jgħid. Tagħti l-mediċina lil min għadu ħaj imma dgħajjef, imma min hu deliberament, konxjament fid-dnub il-mejjet, ma tistax tqajmu. Ġesù Kristu, meta għamel seba’ sagramenti, għamel il-Magħmudija u għamel il-Qrar biex wieħed jerġa jirrikonċilja ruħu mill-istat ta’ mewt fid-dnub għall-ħajja. M’għamilx sagrament wieħed li huwa l-Ewkaristija; għall-maħfra tad-dnubiet il-mejta, għamel il-Magħmudija u l-Qrar.

Mela l-kliem tal-Papa Franġisku jfisser li l-Ewkaristija hija mediċina fid-dgħufija tagħna, meta aħna m’aħniex maqtugħin minn Alla imma konxji mid-dgħufija tagħna, il-ħin kollu nkantaw mal-Knisja: “Kyrie eleison, Christe eleison, Kyrie eleison”. Aħna nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan id-don sabiħ tal-Ewkaristija li, kif titlob il-Knisja, tħejjijna biex inkunu ppreparati aħjar għaliha stess. Dan hu l-ikel li jeħħijna, biex inkunu ppreparati, imħejjinin għalih stess. Dan huwa l-ikel tal-pellegrini, l-ikel ta’ min jaf li fit-triq se jogħtor minħaba d-dgħufija tiegħu, imma fil-qalb tiegħu m’hemmx il-mibegħda li taqtgħu minn Alla, m’hemmx l-inġustizzja u t-tkasbir tal-proxxmu li tbegħdu mill-Ħallieq. Hemm d-dgħufija ta’ pellegrin li jaf fejn jixtieq imur imma d-direzzjoni tiegħu hija ċara.

Nirringrazzjaw lill-Mulej li f’dan is-sagrament qaddis huwa tassew ir-Ragħaj tagħna, huwa tassew dak li jmexxina: ‘Bone pastor, panis vere, Iesu, nostri miserere’: ‘Int Ragħaj tajjeb, ħobż tassew, Ġesù tagħna, ħenn għalina”.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.