It-Tnejn 30 ta’ Mejju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Fil-mixja tal-fidi l-Knisja u kull Nisrani għandhom joqogħdu attenti u ma jingħalqux f’sistemi ta’ regoli imma jagħtu wisa’ għat-tifkira tad-doni li rċevew minn Alla, għad-dinamiżmu tal-profezija u għax-xefaq tat-tama. Il-Papa Franġisku ġabar l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta f’dawn it-tliet kelmiet.
Hemm il-qafas tal-liġi li jillimita kollox u l-qafas ħellies tal-profezija li jimbuttana lil hinn mill-konfini. Fil-ħajja tal-fidi l-fiduċja żejda fir-regola, wissa l-Papa Franġisku, tista’ toħnoq il-valur tat-tifkira u d-dinamiżmu tal-Ispirtu s-Santu.
Fis-silta tal-Vanġelu tal-lum, Ġesù juri dan lill-Iskribi u l-Fariżej – li riedu jsikktuh – bil-parabbola tal-ħaddiema tad-dwieli li kienu qattelin. Il-bdiewa li lilhom kienet imqabbla l-art li s-sid kien ħawwel u organizza, jiddeċiedu li jirribellaw u bdew joqtlu wieħed, wieħed lill-qaddejja li marru jiġbru dak li kien ta’ sidhom.
Id-dramm jilħaq il-qofol tiegħu meta huma joqtlu lil bin is-sid għax, fil-fehma tagħhom, b’dak l-att kienu se jirtu kollox huma.
Il-qtil tal-qaddejja u tal-iben – xbieha tal-profeti tal-Bibbja u ta’ Kristu – juri, afferma l-Papa Franġisku, poplu magħluq fih innifsu, li mhux miftuħ għall-wegħdiet ta’ Alla, li mhux qed jistenna l-wegħdiet ta’ Alla. Poplu mingħajr tifkira, mingħajr profezija, mingħajr tama. Lill-kapijiet tal-poplu jinteressahom partikolarment li jgħollu l-ħitan tal-liġi f’sistema ġuridika magħluqa, u xejn aktar.
It-tifkira ma tinteressahomx. Il-profezija: aħjar li l-profeti ma jiġux. It-tama? Kulħadd jaħseb għalih innifsu. Din hi s-sistema li biha huma jilleġittimaw: id-dutturi tal-liġi, it-teologi li dejjem isemmu l-każi u ma jħallux wisa’ għal-libertà tal-Ispirtu s-Santu; ma jagħrfux id-don ta’ Alla, id-don tal-Ispirtu, u lil dan jagħlquH f’gaġġa għax ma jifilħux iħallu taħdem il-profezija tat-tama.
Wara kollox, qal il-Papa, Ġesù stess ikun ittentat biex jitlef il-memorja tal-missjoni tiegħu, biex ma jagħtix lok għall-profezija, u biex jagħżel is-sigurezza minflok it-tama. Din hi l-essenza tat-tliet tentazzjonijiet li ġarrab fid-deżert.
Għalhekk, osserva Franġisku, lil dawn in-nies Ġesù, li kien jaf hu stess x’inhi t-tentazzjoni, iċanfarhom u jgħidilhom: ‘Intom idduru nofs id-dinja biex tfittxu ‘l min jimxi warajkom u meta ssibuhom tagħmluhom skjavi.’
Dan il-poplu hekk organizzat, dil-Knisja tant organizzata, tagħmel l-iskjavi. B’hekk nifhmu kif irreaġixxa Pawlu meta tkellem dwar l-iskjavitù tal-liġi u l-libertà li tagħti l-grazzja.
Poplu liberu, Knisja libera huma dawk li għandhom it-tifkira, iħallu lok għall-profeti, ma jitilfux it-tama.
L-għalqa tad-dwieli organizzata tajjeb, saħaq il-Papa Franġisku, hija x-xbieha tal-poplu t’Alla, tal-Knisja, u wkoll ix-xbieha tar-ruħ tagħna li l-Missier jikkura dejjem b’tant imħabba u b’tant tenerezza.
Meta nirribellaw kontriH, insiru bħall-ħaddiema tal-għalqa tad-dwieli, qattiela. Inkunu tlifna t-tifkira tad-don li rċevejna mingħand Alla, id-don biex niftakru u ma niżbaljawx il-mixja. Importanti ħafna li nduru lejn l-għeruq tagħna.
Niftakarhom jien il-meravilji li l-Mulej għamel miegħi tul ħajti? Niftakar fid-doni tal-Mulej? Għandi ħila niftaħ qalbi għall-profeti, cioè għal min jgħidli: ‘Dan mhux sew, trid timxi ‘l hemm, imxi u rriskja’?
Dan jagħmlu l-profeti…. Jien miftuħ għal dan jew nibża’ u nippreferi ningħalaq fil-gaġġa tal-liġi? U fl-aħħar, għandi tama fil-wegħdiet ta’ Alla, kif kellu missierna Abraham, li telaq minn artu mingħajr ma kien jaf fejn sejjer, imma biss għax kellu fiduċja f’Alla?
Jagħmlilna tajjeb nagħmlu dawn it-tliet mistoqsijiet lilna nfusna, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija