Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > In-Nisrani jaqdi mill-ewwel u bil-ferħ mingħajr ma joqgħod iqarras wiċċu

In-Nisrani jaqdi mill-ewwel u bil-ferħ mingħajr ma joqgħod iqarras wiċċu


It-Tlieta 31ta’ Mejju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Kif tinbidel id-dinja kieku nitgħallmu naqdu u nersqu lejn l-oħrajn! B’dal-ħsieb il-Papa Franġisku temm l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa għamel riflessjoni dwar il-Madonna fil-jum li fih jintemm ix-xahar dedikat lilHa.

Is-servizz u l-laqgħa, qal il-Papa, inisslu fina ferħ li jimlielna ħajjitna: il-kuraġġ tan-nisa, il-ħila li nersqu lejn l-oħrajn b’idejna maħruġa bħala sinjal li rridu ngħinu minnufih, u, fuq kollox, il-ferħ, dak il-ferħ li jimla l-qalb u jagħti lill-ħajja sens u direzzjoni ġodda.

Il-Papa silet dawn il-punti kollha mill-qari tal-Vanġelu tal-lum li jirrakkonta ż-żjara ta’ Marija lil Santa Eliżabetta. Din is-silta flimkien mal-kliem tal-Profeta Sofonija fl-ewwel qari u dak ta’ San Pawl fit-tieni qari, fil-fehma tal-Papa jtuna liturġija mimlija ferħ li jasal bħal żiffa ħelwa li timlielna ħajjitna.

Kemm huma koroh l-Insara li dejjem wiċċhom imqarras, l-Insara bil-geddum. Ħaġa kerha, kerha, kerha, tenna l-Papa. Dawn mhumiex Insara għal kollox. Jemmnu li huma Nsara, imma mhumiex Insara sħaħ. Dan hu l-messaġġ Nisrani.

Franġisku kompla li kien f’din l-atmosfera ta’ ferħ, li l-liturġija tal-lum tirregalalna żewġ affarijiet li ried jitkellem dwarhom: l-ewwel, l-atteġġjament u t-tieni, il-fatt. L-atteġġjament u l-qadi.

Dak ta’ Marija kien servizz li Hi tat mingħajr tlajjar, osserva l-Papa. Il-Vanġelu jgħidilna li Marija marret tħaffef. Dan minkejja li kienet tqila u bir-riskju li mat-triq tiltaqa’ mal-ħallelin. Dit-tfajla ta’ sittax-il sena, sbatax, mhux aktar, kienet kuraġġuża, osserva l-Papa. Qamet u telqet mingħajr ma qagħdet tfittex skużi.

Il-kuraġġ ta’ mara. Fil-Knisja hemm ħafna nisa kuraġġużi. Dawn huma bħall-Madonna: in-nisa li jrabbu l-familja, li jedukaw lil uliedhom, li jiffaċċjaw tant kuntrarju, tant dulur, li jieħdu ħsieb il-morda……

Huma kuraġġużi, għax jaqbdu u jibdew iservu, u jibqgħu jservu. Is-servizz hu sinjal Nisrani. Min ma jgħixx biex jaqdi, ma jaqdix biex jgħix. Il-qadi bil-ferħ: dan hu l-atteġġjament li rrid nipproponi llum. Hemm il-ferħ anke fil-qadi.

It-tieni punt li rrifletta dwaru l-Papa kien il-laqgħa bejn Marija u kuġintha. Dawn iż-żewġ nisa jiltaqgħu bil-ferħ, osserva Franġisku; dak il-waqt kien festa sħiħa. Kieku aħna nitgħallmu nagħmlu dan it-tip ta’ qadi u nersqu lejn l-oħrajn, kieku kif tinbidel id-dinja!

Il-laqgħa hi sinjal Nisrani ieħor. Persuna li tgħid li hi Nisranija u m’għandhiex ħila tersaq lejn ħaddieħor, mhix Nisranija sħiħa. Kemm il-qadi kif ukoll il-laqgħa jitolbu minna li noħorġu minna nfusna: noħorġu biex naqdu u biex niltaqgħu, biex inħaddnu persuna oħra. B’dan il-qadi ta’ Marija, b’din il-laqgħa, tiġġedded il-wegħda tal-Mulej, titwettaq fil-preżent, f’dak il-preżent. U proprju l-Mulej – kif smajna fl-ewwel qari: ‘Il-Mulej Alla tiegħek li jinsab f’nofskom’ – insibuh fil-qadi, il-Mulej insibuh fil-laqgħa tagħna mal-oħrajn.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: