Lanqas biss  jiġu jarawni!inn

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

L-isptar! Ir-rejaltà tal-ħajja. Kollox sew! Mhijiex biss mard. Imma l-mard żgur li jilgħab parti kbira minnha!

Tidħol. Tgħaddi. Minn sala għall-oħra. Nies li jwaqqfuk. Iridu jkellmuk. Għaliex muġugħin. Iridu min jismagħhom. Anki jekk ma tkun ħa ssolvilhom xejn. L-għaliex ċertu problemi Alla tal-impossibbli biss irid ikun biex isibilhom tarfhom u jħoll il-kobba tagħhom. Imma xorta jwaqqfuk. Għaliex il-poplu tagħna, minkejja l-bidliet li qed jgħaddi minnhom, lill-Mulej iridu. U anki min jippreżentah jasal li jaċċettah ukoll. Jekk il-persuna tkun umli. Mimlija sabar. U tipprova tidħol fiż-żarbuna tal-persuna li qed tbati.

Għadni niftakar. Ma nistax ninsieh. Jum minnhom nidħol f’sala. U waqt li kont għaddej insellem u nitħaddet mal-pazzjenti leħnu ma stajtx ma nisimgħux. “Għandi t-tfal u lanqas biss jiġu jarawni! Qiegħed hawn, mormi!” Ma ngħidilkomx x’qal iżjed. Mhux importanti. Il-Mulej jaf l-uġiegħ tremend li dan il-missier kien għaddej minnu. U daqskemm beka biki ta’ qsim il-qalb raġel ieħor li kien ħdejh ma setax ma jgħidx il-kelma: “Għandek raġun!”

Ħbieb tiegħi din hija r-rejaltà! Fl-istorja tiegħu pajjiżna għamel u għadu jagħmel kisbiet importanti. Kisbiet li jagħmlulu ġieħ. Imma x’jiswa dan kollu jekk qalbna ma toħroġx għall-morda tagħna? L-aktar jekk dawn ikunu l-istess ommijietna u missirijietna? Ġara x’ġara fil-passat, inkella fil-preżent, kif nista’ jien immur nitfa’ rasi fuq l-imħadda u niftakar li għandi ommi u missieri l-isptar u ma mmurx narahom?

Meta l-ġenituri jiġu feruti mill-ulied l-uġiegħ iħossuh doppju! Ajma! L-aktar l-ommijiet! Li, għal disa’ xhur, ikunu ġarrew lil uliedhom f’ġufhom. Nerġa’ ngħid, għaliex importanti, jkollu xi jgħid kulħadd. Aħna nħokku ma’ xulxin. U meta nħokku ovvja li se nniggżu wieħed lil ieħor. Waħda lil oħra. B’daqshekk imma ma jfissirx li se nibqgħu nżommu fil-komma għal xulxin ħajjitna kollha! Ma jistax ikun li f’din il-ħajja, fejn illum hawn u għada le, fejn is-saħħa taf tmur lura bħall-granċ f’ħakka t’għajn, nibqgħu nżommu fil-komma!

Din tal-komma ma tagħmilx sens! Jekk hemm xi ħadd li kellu jżommilna fil-komma huwa l-Mulej innifsu. Tgħidlix li ma offendejtux għax ngħidlek “giddieb” u “giddieba”. Bħalma ngħid hekk lili nnifsi l-ewwel wieħed. U anqas jekk veru li ma offendejtu qatt il-fatt stess li twelidt imċappas bid-dnub u bix-xewqa għall-ħażen diġà hija offiża kbira għall-Mulej. Irrilevanti jekk m’għandekx tort. Fil-fatt Salm 51 jgħid hekk: “Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, u fid-dnub nisslitni ommi” (S 51:7). Ċar! Issawwart u tnissilt fid-dnub.

U, minkejja dan, il-Missier bagħat lil Ibnu biex jitnaxxar ma’ Salib għalija. U ġie minxur għeri. Mingħajr kmiem! Issa quddiem din ir-rejaltà daqshekk qawwija kemm se nibqa’ inżomm ġo qalbi? Ħa nħalli lill-missieri u l-ommi hekk, waħedhom? Biex iħossuhom mormija? U, bl-attitudni ta’ “x’jimpurtani” tiegħi, inġagħlhom iħossuhom żibel? La issa ħarġet il-kelma?

Le ta! Irrid nasal wasla sal-isptar jew fejn qiegħdin rikoverati u mmur inżurhom! Qabel ikun tard wisq! Għax il-fjuri meta nkunu ħajjin nistgħu nagħtuhom lil xulxin! Wara nini nini ħafna biki u taparsi serħan mir-rimors tal-kuxjenza.

Ismagħha l-għajta ta’ ommok u ta’ missierek. “Ejja arani ibni! Binti!” Insa’! Itfa’ l-passat wara spallejk! Aqbad iċ-ċwievet tal-karozza u asal wasla sal-isptar żurhom. Qed ngħidlek dan ta’ ħabib! Anzi, ta’ ħuk. Ta’ Malti bħalek!

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: