It-Tnejn 6 ta’ Ġunju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Nimxu fuq il-Beatitudnijiet u ngħixuhom għax huma l-boxxla tan-Nisrani li turih it-triq tal-ħajja tajba. Din hi l-istedina li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.
Il-Papa wissiena biex noqogħdu attenti li ma niżolqux fit-tliet tarġiet tal-ħajja ‘anti-kristjana’, ċioè l-idolatrija tal-flus, il-vanità u l-egoiżmu.
Biex ma jitilfux it-triq tal-fidi l-Insara għandhom boxxla li turihom id-direzzjoni eżatta: il-Beatitudnijiet. Jekk ma jagħtux każ ta’ dawn ir-rotot ifisser li jistgħu jiżolqu fuq it-tliet tarġiet tal-idolatrija tal-egoiżmu, l-idolatrija tal-flus, il-vanità; iħossu qalbhom imxabba’ u daħqanin għax sodisfatti bihom infushom waqt li jinjoraw lill-oħrajn.
Minn dil-paġna tal-Vanġelu ta’ Mattew, li fiha Ġesù jgħallem lill-folla bid-Diskors ċelebri tal-Muntanja, il-Papa ħareġ xi riflessjonijiet.
Ġesù għallimhom il-liġi l-ġdida li ma tħassarx l-antika imma ġġibha għall-perfezzjoni għax twassalha għall-milja tagħha. Din hi l-liġi l-ġdida li aħna nsejħulha ‘Beatitudnijiet’. Hi l-liġi l-ġdida tal-Mulej għalina, il-gwida tar-rotta, tal-mixja. Il-Beatitudnijiet huma t-tmun tal-ħajja nisranija, li jmexxu ‘l quddiem il-ħajja nisranija tagħna.
Il-Papa Franġisku kompla l-omelija billi żied dak li jikkunsidra l-Evanġelista Luqa fir-rakkont tiegħu tal-Beatitudnijiet, jiġifieri l-lista ta’ dawk li jsejħilhom ‘l-erba’ ħwejjeġ ħżiena’: ħażin għall-għani, għal min hu mxabba’, għal dak li jidħak, għal dak li kulħadd ifaħħru.
Il-Papa fakkar li hu tenna bosta drabi li l-ġid hu tajjeb fih innifsu, imma dak li jagħmel il-ħsara hu r-rabta mal-għana, għax isir idolatrija.
Din hi l-anti liġi, il-boxxla żbaljata. Hi ħaġa kurjuża li dawn it-tliet tarġiet iwasslu lejn it-telfien daqskemm il-Beatitudnijiet imexxuna ‘l quddiem fil-ħajja tagħna.
Dawn it-tliet tarġiet li jwasslu għat-telfien huma, l-ewwel, il-kilba għall-ġid, għax inħossu li ma jkollna bżonn ta’ xejn. It-tieni hija l-vanità, li kulħadd ifaħħarni, inħossni importanti, inċensat…. u naħseb li jien ġust…mhux bħal dak u bħall-ieħor…. Niftakru fil-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan: ‘Inroddlok ħajr għax jien mhux bħal dak…..’
Imma grazzi Mulej li jien Kattoliku tajjeb, mhux bħall-ġâr tiegħi…. It-tieni hija l-vanità.
It-tielet hi s-suppervja, li biha nħossuna mxebbgħin, dejjem bid-daħk li jagħlqilna qalbna.
Mill-Beatitudnijiet kollha Franġisku għażel waħda, li forsi mhix il-qofol ta’ kollox, imma li ġġegħilna naħsbu sew: ‘Ħenjin ta’ qalbhom ħelwa’ – il-manswetudni.
U Ġesù qed jgħidlek: ‘Tgħallem minni għax jien qalbi tajba, umli.’ Il-qalb umli hi stil ta’ ħajja li tqarreb ħafna lejn Ġesù. Iżda l-atteġġjament kuntrarju dejjem iġib miegħu għedewwa, gwerer…. tant affarijiet koroh li jiġru ta’ kuljum.
Il-manswetudni mhix dgħufija, le. Hija xi ħaġa oħra: biha nifhmu fil-fond ħafna l-kobor ta’ Alla. Hija adorazzjoni.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija