Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-batterija li n-nisrani jixgħel triqtu biha hi t-talb

Il-batterija li n-nisrani jixgħel triqtu biha hi t-talb


It-Tlieta 7 ta’ Ġunju 2016.Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-batterija biex in-nisrani jixgħel triqtu hi t-talb. Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu. Franġisku wissa lill-insara biex jitħarsu milli jkunu melħ maqtugħ u żied li n-nisrani għandu joqgħod attent li ma jaqax fit-tentazzjoni li jkollu “spiritwalità tal-mera” li biha aktar ikun moħħu biex idawwal lilu nnifsu milli biex iwassal id-dawl tal-fidi lil ħaddieħor.

 

Dawl u melħ. Fil-kummenti dwar il-Vanġelu tal-lum il-Papa Franġisku qal li s-silta hi magħmula minn kliem ċar li bih faċli nifhmu l-messaġġ. In-nisrani għandu jkun dawl u melħ. Ebda wieħed minn dawn it-tnejn ma jista’ toqgħod waħdu: id-dawl iservi biex indawwlu lil ħaddieħor, il-melħ biex jagħti togħma u jikkonserva lill-oħrajn.

Kif jista’ n-nisrani jara li ma jonqsuhx id-dawl u l-melħ, jara li ma jintemmlux iż-żejt fil-kus biex jibqa’ jixgħel il-lampi?

Liema hi l-batterija tan-nisrani biex ikun jista’ jagħti d-dawl?, kompla jistaqsi l-Papa. Sempliċi: it-talb. Tista’ tagħmel affarijiet kbar, opri tal-ħniena, tista’ tagħmel tant affarijiet importanti għall-Knisja – università Kattolika, kulleġġ, sptar… u jistgħu ukoll jagħmlulek monument bħala benefattur tal-Knisja, imma jekk ma titlobx, dak kollu jkun xi ftit skur, imdallam.

Kemm opri jiddalmu minħabba n-nuqqas ta’ dawl, minħabba n-nuqqas ta’ talb!, kompla Franġisku. Dak li jżommok, dak li jagħti ħajja lid-dawl nisrani, dak li jdawwal, huwa t-talb.

Talb bis-serjetà, wissa l-Papa, it-talb ta’ adorazzjoni lill-Missier, ta’ tifħir lit-Trinità, it-talb ta’ radd il-ħajr, u anki t-talb li bih nitolbu xi ħaġa lill-Mulej, imma talb li jkun ġej mill-qalb.

Dak hu ż-żejt, dik hi l-batterija, li tagħti l-ħajja lid-dawl.

Il-melħ ukoll, kompla jgħid, ma jagħtix togħma lilu nnifsu. Il-melħ jiswa biex jagħti togħma lil xi ħaġa oħra. Dan hu atteġġjament ieħor tan-nisrani: li jingħata; li jagħti togħma lill-ħajja tal-oħrajn bil-messaġġ tal-Vanġelu. Jingħata, mhux jippreserva lilu nnifsu. Il-melħ mhux għan-nisrani imma biex jingħata. Qiegħed għand in-nisrani biex itih lil ħaddieħor.

Ħaġa kurjuża din: id-dawl u l-melħ qiegħdin hemm biex jingħataw mhux biex inżommuhom għalina. Id-dawl ma jdawwalx lilu nnifsu; il-melħ ma jagħtix togħma lilu nnifsu.

Ċertament, kompla Franġisku, wieħed jistaqsi: sakemm jistgħu jservu l-melħ u d-dawl jekk inkomplu ntuhom mingħajr waqfien? Hemmhekk hemm it-tweġiba, hemm tidħol il-qawwa t’Alla għax il-melħ kien irregalat lilna minn Alla fil-Magħmudija. Hu xi ħaġa mogħtija b’rigal u tibqa’ tingħatalek sakemm inti tkompli tagħtiha billi ddawwal u tagħti. Ħaġa li ma tintemm qatt.

Dan jiġri fl-ewwel qari lill-armla ta’ Sarefta, li tafda fil-Profeta Elija u b’bekk id-dqiq u ż-żejt ma jispiċċawlha qatt.

In-nisrani, kompla jgħid il-Papa Franġisku, għandu jdawwal bid-dawl tiegħu imma jrid jitħares mit-tentazzjoni li jdawwal lilu nnifsu. Din hi ħaġa kerha, ftit jew wisq l-ispiritwalità tal-mera: indawwal lili nnifsi. In-nisrani għandu jiddefendi ruħu mit-tentazzjoni li jagħti każ tiegħu innnifsu. Għandu jkun dawl, melħ biex idawwal u jippreserva.

Il-melħ u d-dawl mhumiex għalina imma biex intuhom fil-forma ta’ opri tajba. B’hekk id-dawl tan-nisrani jiddi quddiem il-bnedmin. Għaliex? Għax huma jaraw l-opri tajba li tagħmel u jibdew ifaħħru lill-Missier li hu fis-smewwiet. Jiġifieri jerġgħu lura għand min tak id-dawl u l-melħ.

Jalla l-Mulej, temm Franġisku, jgħinna dejjem biex nieħdu ħsieb id-dawl u ma naħbuhx, imma nqiegħduh fejn idawwal. U l-melħ intuh fid-dożi t-tajba, imma ntuh, għax b’hekk ma jintemmx. Dawn huma l-opri tajba tan-nisrani.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: