Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Lil Alla niltaqgħu miegħu jekk inkunu bilwieqfa, fis-silenzju u meta noħorġu

Lil Alla niltaqgħu miegħu jekk inkunu bilwieqfa, fis-silenzju u meta noħorġu


Il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju 2016.Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-ħajja tan-Nisrani nistgħu niġbruha fi tliet atteġġjamenti: li nkunu bilwieqfa biex nilqgħu l-Mulej; fis-silenzju paċenzjuż biex nisimgħu leħnu; fil-ħruġ, biex inħabbruh lill-oħrajn.

 

Din l-ispjegazzjoni taha l-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Tista’ tkun midneb niedem li ddeċidejt li tibda mill-ġdid ma’ Alla jew inkella magħżul li kkonsagrajtlu ħajtek. F’kull każ tista’ tinħakem mill-biża’ li ma tasalx, u tista’ taqa’ f’dipressjoni jekk il-fidi tiegħek tiċċajpar.

Biex jispjega aħjar dan l-aspett il-Papa ġab l-eżempju tal-Iben il-Ħali, maħkum mid-dipressjoni waqt li bil-ġuħ kien iħares lejn il-qżieqeż. Però l-Papa l-aktar li rrifletta dwaru kien il-persunaġġ tal-liturġija tal-lum, il-Profeta Elija.

Dan hu rebbieħ, qal il-Papa, li tqabad ħafna għall-fidi, għeleb mijiet ta’ idolatri fuq l-Għolja tal-Karmelu. Imbagħad minħabba persekuzzjoni ġdida li ġarrab, ċeda. Waqa’ fl-art mingħajr kuraġġ, taħt siġra, jistenna l-mewt. Imma Alla ma ħalliehx f’dik il-qagħda, bagħatlu anġlu biex jordnalu jqum, jiekol u joħroġ.

Biex jiltaqa’ ma’ Alla l-bniedem jeħtieġlu jmur lura lejn is-sitwazzjoni tal-waqt tal-ħolqien: bilwieqfa u miexi. Hekk ħalaqna Alla: daqsu, xbieha tiegħu, u f’mixja. Imxi, imxi ‘l quddiem! Ikkultiva l-art, kabbarha u tkattar… Oħroġ, oħroġ u mur fuq l-Għolja u ieqaf hemmhekk fil-preżenza tiegħi. Elija qam bilwieqfa u ħareġ.

Li toħroġ ifisser li tkun tisma’ lil Alla. Imma l-Mulej kif jgħaddi?, staqsa Franġisku. Is-silta mill-Ktieb tas-Slaten hi elokwenti. L-anġlu jistieden lil Elija biex joħroġ mill-għar fuq il-Muntanja Ħoreb fejn kien stkenn biex jibqa’ fil-preżenza ta’ Alla. Madankollu, la r-riħ qawwi li jkisser il-blat, la t-terremot li ġie wara, u anqas u anqas in-nirien, ma ġegħluh joħroġ.

Tant ħsejjes, tant maestożità, tant moviment, u l-Mulej ma kienx hemmhekk. U wara n-nar, il-fewġa ħelwa taż-żiffa: hemmhekk kien il-Mulej. Biex niltaqgħu mal-Mulej jeħtieġ li nidħlu fina nfusna u nisimgħu l-ħoss ta’ dik iż-żiffa ħelwa. Hemmhekk ikellimna Hu.

It-tielet talba tal-anġlu lil Elija kienet: ‘oħroġ.’ Il-profeta hu mistieden jerġa’ lura fuq il-passi tiegħu, imur lejn id-deżert għax ingħatatlu biċċa xogħol x’jagħmel. F’dan, osserva l-Papa Franġisku, naraw l-ixprun biex inkunu dejjem f’mixja.  Mhux ningħalqu fl-egoiżmu, fil-kumditajiet, imma nkunu kuraġġużi biex inwasslu l-messaġġ tal-Mulej lill-oħrajn, jiġifieri mmorru fuq missjoni.

Qatt m’għandna nieqfu nfittxu l-Mulej. Ilkoll nafu kif inhuma l-waqtiet koroh, il-waqtiet li jgħoddsuk ‘l isfel, mingħajr fidi, imdallmin, waqtiet li fihom ma nkunu qed naraw ebda xefaq quddiemna, ma jkollniex ħila nqumu fuq tagħna. Ilkoll nafuh dan! Imma l-Mulej jiġi, imantnina bil-ħobż u bil-qawwa tiegħu u jgħidilna: ‘Qum, ibqa’ sejjer ‘il quddiem! Imxi!’

Hekk irridu nkunu biex niltaqgħu mal-Mulej: bilwieqfa u mexjin. Imbagħad nistennew lilu jkellimna b’qalbna miftuħa. U jgħidilna: ‘Jien hu,’ u hemmhekk il-fidi tagħna tissaħħaħ. Il-fidi hi għalija biex inħarisha? Le. Qiegħda għandi biex intiha lill-oħrajn, biex biha nidlek lill-oħrajn, biex tkun missjoni, temm il-Papa Franġisku.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: