Patri Mario Attard OFM Cap
Jaf bih kulħadd. Għax kulħadd għandu. U li kieku ma jridx jammetti li m’għandux lanqas jista’. Biżżejjed għalih jipprova jtella’ jdejh ftit ‘il fuq. Biex jintefa’ jaħseb. Hemm isibu! Iħossu! Ikun f’idejh! Irid u ma jridx.
Geddumu! Tista’ timmaġina wiċċ mingħajr geddum? Hawn min geddumu żgħir. U allura wiċċu għandu ċertu bixra. Oħrajn geddumhom Alla jbierek! Jikinsu minn fejn jgħaddu! Imma, ngħid jien, b’daqshekk din għandha tkun problema? Għandhom xi kontroll fuq il-bixra ta’ wiċċhom x’kull waħda? Bil-qawwa kollha ngħid: LE! U nsostni dan il-punt l-għaliex kulħadd kif ġie maħluq. Għalhekk sabiħ li min iħobbhom b’geddumhom żgħir. Min dawk ta’ geddumhom insomma. U min dawk ta’ Alla jbierek! Intant …
Imma geddum ieħor nistgħu iva nikkontrollawh. Nistgħu nkunu konxji tiegħu. Nistgħu nsibu l-għajnuna biex niġu mgħejjuna ħa nrażżnuh. Hawn min iħobb idendlu fuq ħaġa ta’ xejn. Emmnuni! Ma tkun għedtlu xejn! Forsi tkun tbissimtlu. Jew għedtilha sempliċiment: “Kif int?” U ma tkunx tbissima! Ma tkunx kif int! Għax tipprova iġġibek dak li m’intix. Ommi Mà kemm tibda’ taqlagħlek! B’dak li għandek, m’għandikx u b’dak li għad ikollok. U jekk ma jkollokx tibżax issiblek minn fejn ikollok!
Din hija l-istorja tal-ħafna qrusa li nippermettu bejnietna. Storja ta’ qsim il-qalb mill-kbar nett. Storja li ttaqqal il-ħajjiet tagħna. M’hu sabiħ xejn li jkollok persuni jduru miegħek li jdendluh għal kull ħaġa ta’ xejn. Li ma tistax tiftaħ ħalqek għaliex malajr tiġik agħar. Forsi għalhekk f’pajjiżna l-ħajja soċjali tagħna ma’ xulxin saret tant tqila. Sirna wisq nieħdu għalina. Fit-tfittxija bla sens tagħna biex nipperfezzjonaw ħajjitna aktar morna lura l-għaliex tlifna l-ħila li nidħku bina nfusna. Qed nieħdu wisq bis-serjetà lilna nfusna. Issa din mhix kwistjoni ta’ galbu tafux. L-għaliex anki l-galbu, fl-estremità tiegħu, iwassal għall-mard. Fil-ħajja l-felix culpa, il-ħtija ħienja, hija barka! Barka l-għaliex l-iżball jagħmilna bnedmin u mhux robots!
U int min qallek li ma’ min idendlu ma issirx int ukoll robot? Xi dwejjaq! Ma tkun tista’ tagħmel u tgħid xejn li ma jmurx jieħu għalih? Din ħajja? Tgħidlix li ma tħossx l-infern madwarek! Ajma x’toqol tal-biża’ jkun hemm idur ma’ min jieħu għalih fuq xejn! Uħud jgħidulek li jkunu għadhom tfal. Ma jkunux immaturaw. Biss ma naħsibx li t-tfal jibqgħu jżommu daqshekk f’qalbhom daqskemm iżommu dawk li jdendluh u jħalluh imdendel! Naħseb li taħsbu bħali li dak li jkun, wara li jkun dendlu u jibqa’ mdendel, żgur li jkun fetaħ il-bieb għall-ispirtu ħażin tar-riżentiment. Isimgħu! Arah! Lanqas saħħa jkellmek u jkellimni m’għandu! Mela x’għandu?
Għadu jimraħ fuq il-weġgħa. Għadu jfissidha u jħalliha tikkankrah kollu kemm hu. Tikkankralu moħħu l-għaliex issa kull ilma jibda’ jaħsbu misħun. Tikkankralu diskorsu l-għaliex jibda’ jwieġeb b’rabja għal kull xejn. Tibda’ tikkankarlu qalbu l-għaliex iva, u rridu nammetuha, jibda’ bil-mod il-mod isir jobgħod. Jumbra. Jaqta’ fil-laħam il-ħaj. Jikteb fil-Black Book. Jingassa. U joħloq il-listi tal-wanted u l-unwanted.
Ma nixtieqx inkun fl-istonku ta’ min idendlu għal kull xejn u jħallih imdendel. Lanqas fil-qalb tiegħu ma rrid inkun. Min jaf xi ħruq ta’ stonku ikollu ħtija tal-aċtu li jkun hemm jiġri fl-istonku tiegħu? U mela r-rabja mhux ittekiljata mhux aċtu tagħmel lill-istonku? Inkella dik il-qalb li dejjem irrabjata qishiex żiemel tal-ġiri daqskemm tibda’ tħabbat? Ismagħha xi tlebbet! Minn kemm ili ħdejk għadha ma waqfitx!
Il-ħajja qasira wisq biex ngħixu bir-riżentimenti. F’ħajjitna imġieba bħal din, li tkissirna, irridu naqtgħulha linja. Ejjew naħfru. U, iva, ninsew! Tgħidlix għax it-tali qal li taħfer iva u tinsa’ le. L-għaliex meta nerġa’ niftakar x’għamluli nista’ ngħid lil Ġesù: “Mulej nagħtik il-memorja ta’ din l-esperjenza kerha li ġarrabt u int agħtini l-paċi tiegħek f’moħħi”. Taħsbu intom li Ġesù mhux kapaċi jfejjaqli l-memorja tiegħi? Jekk nagħtih iċ-ċans, jekk inkun irrid, dan il-fejqan iwettqu żgur!
Ħbieb, ejjew ma norbtu qalbna ma’ ĦADD u ma’ XEJN. Ħlief ma’ Ġesù. Hekk ma jkollniex għalfejn indendluh!…
Għax fuqhiex ma jkollniex!