Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Nitolbu għall-għedewwa tagħna: din hi l-perfezzjoni tal-ħajja nisranija

Nitolbu għall-għedewwa tagħna: din hi l-perfezzjoni tal-ħajja nisranija


It-Tlieta, 14 ta’ Ġunju 2016: Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Dalgħodu l-Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar is-silta tal-Vanġelu li fiha Ġesù jħeġġeġ lid-dixxipli biex ikunu perfetti bħal Alla li jtella’ x-xemx fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin.


 

‘Smajtu x’intqal, imma jien ngħidilkom….’ Il-Kelma t’Alla tista’ tiftiehem b’żewġ manjieri li xejn ma jaqblu bejniethom: jew bħala lista xotta ta’ dmirijiet u x’mgħandux isir, jew bħala stedina biex inħobbu lill-Missier u lil ħutna b’qalbna kollha, u nilħqu l-quċċata meta nitolbu għall-għedewwa tagħna.

Dan hu d-dibattitu li bih id-dutturi tal-liġi jikkonfrontaw lil Ġesù: il-liġi tal-iskemi tal-poplu Għebrajk u l-kapijiet tiegħu u l-‘milja’ tal-istess liġi li Kristu jafferma li ġie biex jagħtina.

Il-Papa Franġisku tenna għal darb’oħra konvinzjoni li hu tkellem dwarha bosta drabi. Meta Ġesù beda l-predikazzjoni tiegħu, bl-għedewwa tiegħu wara dellu, it-tifsira tal-liġi dak iż-żmien kienet tinsab fi kriżi. Kienet spjegazzjoni teoretika … nistgħu ngħidu li kienet liġi li fiha ma kienx hemm ‘qalb’, dik il-qalb li hi l-imħabba t’Alla li ngħata lilna.

Għalhekk il-Mulej tenna dak li hemm fit-Testment l-Antik:  ‘Liema hu l-akbar Kmandament? Li tħobb ‘l Alla b’qalbek kollha, bis-saħħa tiegħek kollha, b’ruħek kollha, u lil għajrek bħalek innifsek.’ Imma din l-idea ma tantx kienet imħarsa mid-dutturi tal-liġi. Għalihom il-każijiet kienu kollox: dan jista’ jsir? Sa fejn nistgħu naslu? Nista’ jew ma nistax? Il-liġi iebsa ta’ x’nista’ nagħmel u x’ma nistax. Imma Ġesù jieħu f’idejh il-veru sens tal-liġi biex iwassalha għall-milja tagħha.

Il-Papa wera kif Ġesù offra ħafna eżempji biex juri l-Kmandamenti minn dawl ġdid. La toqtolx, afferma l-Papa, ifisser ukoll li ma tinsultax lil għajrek għax l-imħabba tfisser li tkun ġeneruż aktar mill-irqaqat tal-liġi: lil min talbek il-libsa agħtih il-mantar, min jitolbok timxi mil miegħu, imxi miegħu tnejn.

Dan mhuwiex biss ħarsien tal-liġi imma biċċa xogħol ta’ fejqan tal-qalb. Fl-ispjegazzjoni li ta Ġesù dwar il-Kmandamenti, l-aktar fil-Vanġelu ta’ San Mattew, hemm mixja ta’ fejqan.  Qalb miġrugħa mid-dnub oriġinali – ilkoll kemm aħna għandna din it-tebgħa – trid tgħaddi minn din it-triq ta’ fejqan mid-dnub u tfiq biex tkun tixbah lill-Missier li hu perfett: ‘Kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom tas-sema.’

Il-perfezzjoni li jurina Ġesù hi dik li nsibu llum fil-Vanġelu ta’ San Mattew: ‘Intqal, ‘Ħobb lill-proxxmu u obgħod lill-għadu.’ Imma jiena ngħidilkom: ħobbu lill-għedewwa u itolbu għal min jippersegwitakom.’

It-tarġa ta’ fuq nett ta’ din it-triq hija l-aktar diffiċli, afferma l-Papa.  Huwa fakkar li meta kien għadu tifel, hu u jaħseb f’wieħed mill-akbar żewġ dittaturi ta’ żmienu, kienet drawwa li jsir talb ‘l Alla biex iħallsu bl-infern. Imma Alla jitlob minna eżami tal-kuxjenza.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja, din il-grazzja biss: li nitolbu għall-għedewwa, nitolbu għal min jixtiqilna d-deni, għal min ma jġibniex. Nitolbu għal min jagħmlilna l-ħsara, jippersegwitana. U kull wieħed u waħda minna jaf l-isem u l-kunjom: nitlob għal dan, għal dak, għal dik.

Niżgurakom, temm il-Papa, li talba bħal din tagħmel żewġ affarijiet: għal min inkunu qed nitolbu, jitjieb għax it-talb hu qawwi ħafna, u lilna tagħmilna aktar ulied il-Missier.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: