Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > It-talba tal-Missierna hi l-ġebla tax-xewka tat-talb tagħna

It-talba tal-Missierna hi l-ġebla tax-xewka tat-talb tagħna


Il-Ħamis 16 ta’ Ġunju 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-qari tal-liturġija tal-bieraħ li fih naqraw: ‘toqogħdux tlabalbu bħall-pagani’ – taħsbux li t-talb hu xi kliem maġiku. Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jgħallem lid-dixxipli t-talba tal-Missierna biex juri li fil-ħajja tan-Nisrani jeħtieġ li nitolbu lill-Missier.

 

Ġesù, qal il-Papa, jiġbor it-talba kollha fil-kelma ‘Missier’. Dal-Missier, osserva l-Papa, jaf dak li neħtieġu qabel ma nitolbuhulu. Hu Missier li jisma’ fil-moħbi, u Ġesù jgħidilna biex nitolbu fil-kamra waħedna.

Dal-Missier, kompla jgħid il-Papa, itina l-identità ta’ wlied u meta jien ngħid ‘Missier’ nuri li l-identità Nisranija tiegħi tagħmilni iben. Din hi grazzja mill-Ispirtu s-Santu.

Ġesù kien juża l-kelma ‘Missier’ fil-mumenti l-aktar qawwija ta’ ħajtu, meta kien ikun mimli ferħ u emozzjoni: ‘Missier infaħħrek għax dawn l-affarijiet urejthom li min hu żgħir’; jew meta kien imbikki quddiem il-qabar ta’ Lazzru: ‘Missier inroddlok ħajr għax smajtni’; jew wara, fil-waqt aħħari ta’ tmiem ħajtu, fuq is-salib.

F’dawn il-mumenti qawwija Ġesù jgħid ‘Missier’. Din hi l-kelma li juża. Hu jkellem lill-Missier. Din hi d-dimensjoni tat-talb. Jekk ma nħossuniex ulied, it-talb tagħna jkun pagan, ikun talb tal-kliem biss, wissa l-Papa.

Naturalment, nistgħu nitolbu lill-Madonna, lill-anġli u lill-qaddisin. Imma l-ġebla tax-xewka tat-talb tagħna hija l-Missierna. Jekk ma jkollniex ħila nibdew minn dil-kelma, talbna mhux sejjer tajjeb.

Irridu nħossu l-ħarsa tal-Missier fuqna, inħossu li dik il-kelma ‘Missier’ mhix xi ħaġa żejda bħalma hu t-tlablib tal-pagani. Hija sejħa lil dak li tani l-identità ta’ iben.

Dan hu t-talb Nisrani,… imbagħad ħalli nitolbu lill-Madonna, lill-anġli, lill-qaddisin, nagħmlu pellegrinaġġi u purċissjonijiet. Kollox hu sabiħ, imma dejjem mibdi mill-kelma ‘Missier’ u bl-għarfien li aħna wlied u għandna Missier li jħobbna u jaf il-ħtiġijiet tagħna kollha.

Il-Papa Franġisku dawwar ħsiebu lejn il-parti tal-Missierna li fiha Ġesù jsemmi l-maħfra tal-proxxmu bħalma Alla jaħfer lilna. Jekk it-talb tagħna jibda bil-kelma ‘Missier’ u jkompli bil-kelma ‘Missierna’, aħna aħwa, familja.

Il-Papa fakkar dak li ġara lil Kajjin li kellu mibegħda għal ħuh, iben Alla. Il-Missier, kompla Franġisku, jagħtina l-identità ta’ familja. Għalhekk hu importanti li nkunu nafu naħfru, ninsew l-offiżi, indaħħlu fina dik id-drawwa sabiħa li ngħidu: ħalliha għaddejja, ħa jagħmel il-Mulej, u ma nbejtu xejn f’qalbna, ebda ħsieb ta’ tpattija.

Meta nitolbu ‘l Alla u naħfru lil kulħadd, ninsew l-offiżi, din tkun l-aktar talba tajba li nistgħu nagħmlu. Tajjeb li kultant nagħmlu ftit eżami tal-kuxjenza dwar dan. Għalija Alla hu Missier? Inħossu bħala Missieri? U jekk ma nħossux hekk, nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex jgħallimni nħoss dan.

B’hekk jien ikolli ħila ninsa l-offiżi, u jekk le, nitlob lill-Missier hekk: ‘Dawn ukoll huma wliedek, għamluli xi ħaġa ħażina, għinni biex naħfer.’ Nagħmlu dan l-eżami tal-kuxjenza għax hu ta’ fejda għalina. Missier, Missierna: dan itina l-identità ta’ wlied u jtina familja biex fil-ħajja nimxu lkoll flimkien.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: